21 ta’ Awwissu: San Piju X

Verżjoni Vidjo: San Piju X

“Li kien hemm miljun familja titlob ir-Rużarju kuljum, id-dinja kollha tkun salvata.” Papa Piju X

24dffa_966d0891da164f54ba54fbf6483d1c3d

SAN PIJU X
Papa
1835 – 1914

Tagħrif: Ġużeppi Sarto twieled fir-raħal ta’ Riese, fl-Italja ta’ fuq. Missieru kien iżżewweġ kbir meta kellu 43, iżda ommu kienet għadha fl-aħjar tagħha ta’ 22 sena. Wara sena kellhom tarbija iżda mietet għaxart ijiem wara. Wara kellhom tifel ieħor li semmewh Ġużeppi li twieled fit-2 ta’ Ġunju, 1835 u għammduh l-għada. Margerita kellha tmint itfal oħra, żewġ subjien u sitt ibniet. Lil Ġużeppi laqqmuh “Bepi” u hekk baqgħu jsejħulu ħutu bejniethom anki meta kien Kardinal Patrijarka. Il-kappillan tar-raħal kellem lil tal-familja biex it-tifel ikompli jistudja. Ma sabux diffikultà ħlief li ma kellhomx flus. Irranġawlu li jmur Castel Franco.

Daħal is-Seminarju ta’ Padova, u ordna saċerdot fit-18 ta’ Settembru tal-1858, fl-età ta’ 23 sena. Hu għadda l-ewwel sbatax-il sena tas-saċerdozju tiegħu f’ħidma pastorali. Fl-aħħar, fit-14 ta’ Lulju 1867, bagħat għalih l-isqof u ħatru kappillan tal-parrocċa importanti ta’ Salzano b’elfejn ruħ u tliet kurati. Għamel pjan għall-appostolat tiegħu: l-ewwel punt kien li kellu jżur kull familja, anki dawk li kienu Lhud u l-iktar lil dawk li kienu magħrufa bħala kontra l-Knisja. Fl-1873, faqqgħet il-kolera; il-kappillan baqa’ jdur bil-parruċċani tiegħu li ħadu din il-marda. Fix-xitwa tal-1868, beda skola tal-Latin u tal-mużika sagra. L-ikbar taħbit il-moħħ li kellu kien għall-fqar. Kulma kien jiddobba: qamħ, injam, frott, kollox kien għalihom. Ġie li anki ddejjen minħabba fihom. Kien magħżul kap tal-Għaqda tal-Karità li kienet tieħu ħsieb 200 fqir fil-belt. Sena wara sar il-Kap tal-Kumitat tal-iskola.

Fl-1875, ħatruh Kanonku tal-Katidral ta’ Treviso, u fl-1884 sar Isqof ta’ Mantova. Fl-1893, il-Papa Ljun XIII ħatru Kardinal u Patrijarka ta’ Venezja. F’din il-kariga wera kemm kien bniedem żelanti u ta’ ħila amministrattiva.

Fl-4 ta’ Awwissu 1903, il-Kardinal Sarto kien elett Papa, u ħa l-isem ta’ Piju X. Ix-xewqa kbira tiegħu kienet li “jġedded kollox fi Kristu.”

Fost l-affarijiet li għamel kienu:

  • li ebda setgħa ċivili ma għandha tindaħal fl-elezzjoni tal-Papa, u neħħa l-veto li kellhom xi pajjiżi;
  • iddefenda s-separazzjoni tal-Knisja mill-Istat, u dwar dan żamm sod speċjalment kontra l-Gvern ta’ Franza;
  • ħadem ħafna biex ineħħi l-Moderniżmu mill-Knisja (meta xi qassisin kienu qed ixerrdu din l-idea u hu bil-kitba tieghu “Pascendi” u “Lamentabilis” ħadha qatta bla ħabel kontra dan u talab mis-saċerdoti ġurament kontra l-moderniżmu);
  • inkuraġġixxa l-qari ta’ kuljum tal-Bibbja, u t-Tqarbin spiss u jekk jista’ jkun kuljum, speċjalment mit-tfal;
  • ħejja test ta’ Katekiżmu li kellu jintuża mal-Italja kollha u li ġie ppubblikat sentejn qabel ma miet;
  • irriforma l-Mużika Sagra, il-Liturġija, il-Brevjarju Ruman, u beda l-kodifikazzjoni tal-Liġi Kanonika;
  • irriforma l-Kongregazzjonijiet u l-qrati Rumani;
  • fetaħ l-Istitut Bibliku;
  • ta attenzjoni speċjali lill-istampa kattolika, u lill-Azzjoni Kattolika; u
  • ħadem ħafna għall-paċi meta d-dinja kienet f’xifer ta’ gwerra.

L-Ewwel Gwerra Dinjija bdiet fl-4 ta’ Awwissu 1914, u l-Papa miet fl-20 ta’ Awwissu 1914. Il-Papa Piju XII ikkanonizzah fl-1954. Kien l-ewwel Papa li ġie ddikjarat Qaddis mill-1672, mill-kanonizzazzjoni ta’ San Piju V.

Ħsieb: Taf li ħafna mill-isqfijiet għandhom mudell episkopali li jmur mal-kodiċi uffiċjali tagħhom? Taf x’inhu l-mudell tal-isqfijiet tagħna? Fl-1903 meta l-qaddis tal-lum Papa Piju X inħatar Papa ta’ Ruma, hu għażel għalih vers mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin Kapitlu 1: “li jġedded kollox fi Kristu.” Għalfejn taħsbu li għażel dan bħala l-mudell tiegħu? Il-Papa Piju fisser għaliex f’Enċiklika li kiteb ftit wara li sar Papa. Hu staqsa:

“Min jista’ ma jarax li s-soċjetà preżenti, aktar mis-snin ta’ qabel, qed issofri b’mod terribli minn marda gravi li qed tavvanza kuljum, li qed tiekolha minn ġewwa u tkaxkarha lejn id-distruzzjoni? Intom tifhmu, għeżież uliedi, x’inhija din il-marda – li abbandunajna lil Alla” …

X’kienet din il-marda? Li abbandunajna lil Alla. Dan hu l-ħażen li l-Papa ra li jeżisti, wara l-konflitti li kienu se jwasslu għal gwerra kbira li bdiet fl-1914, l-aħħar sena tal-Pontifikat tiegħu.

Riċentament, il-Papa Benedittu reġa’ tenna kważi l-istess kliem meta qal: ‘Dinja mingħajr Alla hi dinja mingħajr tama.’ Is-soluzzjoni? “Li jiġġedded kollox fi Kristu,” u dan jibda minni u minnek. Il-battalja bejn it-tajjeb u l-ħażin tinsab fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Jeħtieġ li nagħmlu lil Kristu r-Re u s-Sid tal-qalb tagħna, li nagħrfu s-setgħa tiegħu li jsaltan fuqna.

Huwa biss meta Alla jkun onorat, meta mhux biss iddikjarajt lill-Mulej Sid ta’ ħajtek, imma wkoll qed tirsisti u titħabat biex ikun hekk tassew, li, ir-rokna ċkejkna tad-dinja tiegħek, tkun iġġeddet fi Kristu. U minnek, jalla s-Saltna t’Alla tiftaħ il-friegħi tagħha u tkompli tinxtered fost dawk li l-Mulej jixtieqek tmissilhom ħajjithom.

Ma tonqosx ukoll, id-devozzjoni ta’ dan il-Qaddis lejn il-Verġni Mbierka Marija. Hu jsostni li t-talba tar-Rużarju hi dik li l-aktar togħġob lill-Qalb safja ta’ din l-Omm tagħna tas-Sema. Hi din it-talba li magħha hemm marbuta l-akbar ammont ta’ grazzji wara t-talba tal-Quddiesa. Bi kliemu dejjem ħeġġeġ lill-merħla tiegħu biex jitolbu din it-talba kuljum, b’mod speċjali fil-familja, biex tirrenja l-paċi. Qal li: ‘Li kien hemm miljun familja titlob ir-Rużarju kuljum, id-dinja kollha tkun salvata. X’bidla nistgħu nagħmlu fil-familji tagħna u fid-dinja li kieku nieħdu t-talba tar-Rużarju bis-serjetà u nitolbuha kuljum. Kemm nistgħu jien u int nagħmlu ġid bil-moħbi! O li kieku tassew nemmnuh dan!!

Talba: Għażiż Papa Piju X, nitolbuk tidħol għall-Knisja b’talbek f’dan iż-żmien, li bħal fi żmienek, jekk mhux agħar, tinsab għaddejja minn tant moderniżmu li qed joħnoqha minn ġewwa. Itlob li ma nkomplux inwarrbu t-tagħlim u l-pariri siewja tiegħek, imma niddawlu b’dan id-Dawl qaddis tal-Verità li qatt ma tinbidel. Li nżommu mat-tagħlim mogħti lilna minn Ġesù Kristu u l-Knisja Kattolika Rumana mwaqqfa minnu. Jalla nagħrfu nagħżlu t-tagħlim veru mit-tagħlim qarrieqi fi żminijietna, hekk li naslu biex ikunu xhieda tal-Verità hekk kif kont int. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/pope-st-pius-x.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-pius-x/

Wikipedia in English: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pius_X

Film antik bit-Taljan dwar Papa Piju X:

Għal aktar dwar il-Verġni Marija, ir-Rużarju u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-Wikidepia.

Design a site like this with WordPress.com
Get started