31 ta’ Jannar: San Ġwann Bosco

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Bosco

“Ġiebu quddiem Ġesù xi tfal ċkejknin biex imisshom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, qalilhom: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-saltna ta’ Alla. Kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.” – Ġesù Mark 10:13-14; Mattew 18:5

don-bosco-square-notext2_16307588901_oSAN ĠWANN BOSCO
Saċerdot
1815 – 1888

Tagħrif: San Ġwann Bosco, wieħed mill-akbar ħbieb taż-żgħażagħ, twieled qrib il-belt ta’ Turin, fl-Italja, fl-1815, minn familja fqira. Biex tkompli tagħqad, ta’ sentejn tilef lil missieru, iżda ommu, minkejja ħafna diffikultajiet, edukatu.

F’awtobijografija li kiteb fuq talba tal-Papa Piju IX, S. Ġwann Bosco jgħid li meta kien għadu tfajjel ra f’ħolma ħafna tfal jilagħbu f’bitħa, li bdew jitkellmu ħażin u huwa beda jsawwathom biex iwaqqafhom; imbagħad raġel liebes l-abjad (li kien Ġesù) u sinjura sabiħa (il-Madonna) wrewh li huwa kellu jirbaħ lil dawn it-tfal bl-umiltà u l-ġentilezza.

Meta kellu sittax-il sena daħal il-Liċeo ta’ Chieri. Minkejja l-istudju li kellu, kien isib ħin biex jiġbed it-tfal tar-raħal tiegħu lejh, saħansitra kien jagħmlilhom kummiedji u bużullotti, biex wara, imbagħad jeħodhom il-knisja u jkellimhom fuq Ġesù.

Ċkejken għamilha ta’ ragħaj u mbagħad ta’ kamrier u ta’ ħajjat fil-belt ta’ Chieri. Il-ħin li kien jibqagħlu kien jiddedikah għall-istudju u l-qari tajjeb. Ta’ 20 sena daħal is-seminarju bl-għajnuna ta’ saċerdot li miġbud mill-imġiba eżemplari taż-żagħżugħ kisiblu post bla ħlas. Ġie ordnat saċerdot fl-1841, ta’ 26 sena.

Waqt li darba kien qed iżur ħabs ma’ Don Cafasso, kappillan tal-ħabsijiet, osserva b’niket kbir il-kundizzjoni miżera tad-delinkwenza taż-żgħażagħ, u ddeċieda li jiddedika ħajtu għall-edukazzjoni ċivili u morali ta’ dawn l-imsejknin.

Jum minnhom (fit-8 ta’ Diċembru, 1841), waqt li kien qed jilbes għall-quddiesa, sema’ lis-sagristan ikeċċi tifel mill-knisja għax ma riedx jgħin fil-quddiesa. Sejjaħlu, għamel ħbieb miegħu, u din il-laqgħa maċ-ċkejken Bartolomeo Garelli kienet iż-żerriegħa tal-“oratorju” li hu waqqaf fil-knisja ta’ San Franġisk u mbagħad, wara ħafna taħbit u ġarr minn naħa għal oħra, f’Valdocco, fil-parti baxxa ta’ Turin (1846).

Fil-bidu l-oratorju kien ġa jgħodd seba’ mitt tifel. Ommu marret tgħix miegħu biex tgħinu u baqgħet miegħu l-aħħar għaxar snin ta’ ħajjitha. It-tfal kienu jħobbu jsejħulha “Mamma Margherita.”

Fl-1872, bil-għajnuna ta’ Santa Marija Domenika Mazzarella, waqqaf ukoll il-Komunità tas-Sorijiet Salesjani biex jieħdu ħsieb it-tfajliet u għal-lajċi għamel it-tielet ordni ta’ Kooperaturi Salesjani.

San Ġwann Bosco kien ukoll kittieb prolifiku, u kiteb mhux biss kitbiet reliġjużi, imma wkoll kitbiet oħra biex jgħallem liż-żgħażagħ tiegħu u lill-poplu inġenerali. Beda l-famuża kollana Letture Cattoliche b’librett fuq xi suġġett partikulari kull xahar li kellha influwenza kbira fost il-poplu Taljan.

Kien ukoll imfittex għall-pariri u ġie kkonsultat minn Papiet, mexxejja tal-istat, Ministri tal-Gvern, eċċ. Kien ukoll medjatur bejn is-Santa Sede u l-Istat fi żminijiet diffiċli. Kien bniedem ta’ diplomazija kbira, organizzatur mill-aħjar, u mexxej mill-aqwa.

Lil sħabu kien jgħidilhom: “Qisu liż-żgħażagħ bħala wliedkom. Titilfux il-paċenzja magħhom. Ixbhu lil Ġesù li ħa tant paċenzja bl-appostli, bin-nuqqas ta’ manjieri tagħhom, bl-injoranza tagħhom, u wkoll bl-infedeltà tagħhom. Hu tħallat mal-midinbin b’tant ħlewwa li għaġġeb lil xi wħud.”

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu Don Bosco kien magħruf mad-dinja kollha. L-opra tiegħu bdiet tixtered mad-dinja kollha fejn il-missjunarji tiegħu Salesjani ħadu ħsieb skejjel, orfanatrofji, u kull xorta ta’ opra oħra għall-ġid tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Meta San Ġwann Bosco miet fil-31 ta’ Jannar 1888 fl-età ta’ 72 sena, is-soċjetà tas-Salesjani kellha diġà 250 dar mad-dinja kollha b’aktar minn 130,000 tifel, li minnhom kienu joħorġu 18,000 apprendist fis-sena.

Iddikjarah beatu u qaddis il-Papa Piju XI; l-għada tal-kanonizzazzjoni l-Gvern Taljan nedieha vaganza pubblika. Hu l-qaddis patrun tal-apprendisti. B’sens ta’ gratitudni lejh, kważi l-popolazzjoni kollha ta’ Turin attendiet għall-funeral tiegħu.

Ħsieb: Is-subien kienu jħossu mill-ewwel li San Ġwann Bosco kien iħobbhom. Kien jemmen fil-ħbiberija, fl-apprezzament tal-isforzi, kien iqanqal sens ta’ responsabbiltà u jwarrab okkażjonijiet ta’ diżubbidjenza – kollox fil-preżenza ta’ Alla kollu mħabba u ħniena. Qrar u Tqarbin ta’ spiss, tagħlim sod tal-katekiżmu u taħriġ fis-snajja’ manwali kienu parti mill-metodu Salesjan. Il-metodu tiegħu tal-edukazzjoni ma jafx b’kastigi.

“Kemm tista’ aħrab il-kastigi u fittex li tikseb l-imħabba qabel il-biża’ … Ma niftakarx li qatt għamilt użu mill-kastigi; bil-grazzja t’Alla dejjem ksibt, anki minn tfal li kienu jidhru refrettarji, mhux biss dak li d-dmir jitlob, imma wkoll dak li qalbi kienet tixtieq.”

Fl-istess ħin dejjem wissa lill-ġenituri kontra dik il-ħlewwa għamja u sensibbli lejn uliedhom li minnhom tagħmel ġugarell imħassar u mhux bniedem ta’ karattru.

Dan li ġej huwa parti minn qari mill-Ittri ta’ San Ġwann Bosco, bit-titlu ‘Dejjem ħabrikt minn qalbi’:

“Qabel xejn, jekk irridu nidhru kollna ħrara li t-tfal tagħna jkunu tassew hienja u nħajruhom jaqdu dmirijiethom tajjeb, jenħtieġ li qatt ma tneħħu minn quddiem għajnejkom li intom qegħdin minflok il-ġenituri ta’ dawn iż-żgħażagħ għeżież li għalihom dejjem ħabrikt minn qalbi u tħabatt u qdejt dmirijieti ta’ qassis, u mhux jiena biss imma s-soċjetà Salesjana kollha.

Ma nistgħux ma nħaddmux xi setgħa fuqhom, imma ejjew inħarsu lejhom bħala wliedna, u nkunu fosthom qisna l-qaddejja tagħhom, bħal Ġesù, li ġie mhux biex jikkmanda imma biex jobdi; l-istess ħjiel ta’ setgħa jmissu jġagħalna nistħu; is-setgħa tagħna fuq it-tfal ma nħaddmuhiex jekk mhux biex naqduhom aħjar.

Huma wliedna, u għalhekk, meta nrażżnuhom jekk jonqsu, inreġġgħu lura l-korla kollha tagħna, jew għallinqas inberrduha tant li nkunu qisna warrabnieha għal kollox. Ma nkunux nies bi spirtu mħawwad, b’ħars ta’ tmaqdir f’għajnejna, bi kliem iniggeż f’fommna, imma nkunu nies li jħennu llum u jittamaw għall-quddiem, kif jixraq jagħmlu dawk li huma tassew missirijiet, kollhom ħeġġa biex jikkoreġu u jmexxu lil uliedhom tassew għall-aħjar.

U fiċ-ċirkustanzi l-aktar tqal, iżjed jaqbel li nitolbu lil Alla bil-ħniena u bl-umiltà, milli ninfexxu f’ħafna tpaċpiċ li mhux biss iriegħex lil min jisimgħu imma ma jkun ta’ ebda fejda għal min hu ħati.”

  • U inti kemm għandek paċenzja mal-oħrajn sakemm dawn forsi jitgħallmu u/jew jikbru?
  • Kemm taqdi b’umiltà lil dawk ta’ madwarek?

Minn San Ġwann Bosco nitgħallmu li l-persuni ma jinbidlux meta takkużahom, tiġġudikom u tikkundannahom. Anzi b’attitudni ta’ dan it-tip aktar se tbegħdhom minnek. Il-persuni jibdew jinbidlu bil-mod il-mod bl-imħabba, bil-paċenzja, bis-sabar, bil-ħniena, bil-ħlewwa, b’kelma tajba f’waqtha u tinsiex b’ħafna talb u eżempju tajjeb.

Talba: O Alla, li erfajt lil San Ġwann Bosco, il-konfessur tiegħek, biex ikun missier u għalliem taż-żgħażagħ, u permezz tiegħu, bl-għajnuna tal-Verġni Marija, waqqaft familji ġodda fil-knisja tiegħek, nitolbuk bil-ħerqa, mimlijin bl-istess nar ta’ mħabba, nirbħu l-erwieħ u naqdu lilek biss. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/january-31-saint-john-bosco-priest/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-john-bosco-133

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Bosco

Film on the life of Saint John Bosco:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started