25 ta’ Mejju: San Girgor VII

Verżjoni Vidjo: San Girgor VII

“Ħabbejt il-ħaqq u bgħadt il-ħażen, għalhekk immut fl-eżilju.” – San Girgor VII

San_Gregorio_VII-670x840

SAN GIRGOR VII
Papa
1028 – 1085

Tagħrif: San Girgor VII twieled fit-Toskana, l-Italja, fl-1028, u ġie mgħammed bl-isem ta’ Ildebrandu.

Studja f’Ruma mal-Patrijiet Benedittini, u sar patri magħhom.

Il-Papa Girgor VI għamlu segretarju tiegħu, u meta l-Papa ġie eżiljat fi Franza Ildebrandu mar miegħu.

Wara l-mewt, tal-Papa Girgor VI, fl-1047, Ildebrandu mar jgħix fil-monasteru ta’ Cluny, fejn dam madwar sentejn, sakemm il-Papa San Ljun IX (1049-1054) sejjaħlu Ruma biex jgħinu fl-amministrazzjoni.

Meta l-Papa San Ljun miet, ir-Rumani riedu lil Ildebrandu jsir Papa, iżda hu assolutament ma riedx, u ppropona lill-Isqof Gebhard li sar Papa bl-isem ta’ Viktor II (1055-1057). Warajh laħqu Stiefnu IX (1057-1058), Nikola II (1058-1061), u Alessandru II (1061-1073).

Meta miet il-Papa Alessandru II, Ildebrandu kellu jaċċetta li jsir Papa, u ħa l-isem ta’ Girgor VII (22 ta’ April 1073).

Kien il-bniedem tal-mument, u bħala Papa ħadem bla heda għall-Knisja, fuq kollox biex jeqred is-Simonija (Xiri jew bejgħ ta’ ħwejjeġ sagri), il-Klerogamija (li l-qassisin jiżżewġu), u l-Investitura (l-approvazzjoni tal-Imperatur għal kull nomina importanti fil-Knisja). Dawn ikkaġunawlu ħafna nkwiet u taħbit, speċjalment l-Investitura, iżda minkejja kull għawġ baqa’ sal-aħħar ma qatax qalbu.

Meta l-Imperatur Neriku IV tal-Ġermanja ried ikompli jagħżel l-isqfijiet hu, il-Papa skomunikah fl-1076. Iżda sena wara l-Imperatur nidem, u l-Papa neħħielu l-iskomunika.

Fl-1084, l-Imperatur reġa’ riedha tgħaddi tiegħu, u wara li assedja Ruma għal tliet snin daħal fiha u ħatar lil Guibert, arċisqof skomunikat ta’ Ravenna, bħala papa, li sar l-antipapa Klement III.

Sadattant il-Papa, wara li kien raġa’ skomunika lill-Imperatur, kellu jħalli Ruma u jmur jirtira l-ewwel f’Monte Cassino u mbagħad f’Salerno fejn miet fil-25 ta’ Mejju, 1085.

Dan il-qaddis sofra ħafna bħala Papa u deher imut tellief, iżda l-frott tal-ħidma fejjieda tiegħu nħasad wara mewtu. Il-Papa Benedittu XIII ikkanonizzah fis-sena 1728.

Ħsieb: Dan il-Papa kien wieħed mill-akbar Papiet u wieħed min-nies kbar tal-istorja. Meta Alessandru miet, il-poplu u l-kleru bdew jgħajtu b’leħen wieħed, fil-Bażilika tal-Lateran, waqt il-funeral tal-Papa mejjet: “Irridu ’l lldebrandu Papa. San Pietru għażel l-Arċidjaknu Ildebrandu!” Il-protesti tiegħu ma swew xejn. Kien il-bniedem tas-siegħa: l-awsterità tal-virtujiet tiegħu u l-ħila tiegħu fl-amministrazzjoni kienu jikkmandaw ir-rispett ta’ kulħadd. L-aħħar kelmiet tiegħu kienu: “Ħabbejt il-ħaqq u bgħadt il-ħażen, għalhekk immut fl-eżilju.”  

Xtaqt hawnhekk ninkludi xi siltiet minn omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech li għamel nhar il-Ħadd, 8 ta’ Marzu, 2009:

“Dawn it-tip ta żbalji fil-Knisja li kienu jeżistu fi żmien San Girgor, jeżistu fostna ukoll. Xi wħud jiftaħru li jħobbu l-Knisja, imma l-Knisja tagħhom mhix il-Knisja ta’ Kristu. Oħrajn jippretendu li jitkellmu dwar il-Knisja mingħajr ma jafu xejn dwar x’inhi n-natura u l-missjoni tal-Knisja Kattolika. Ma nistgħux nikkonċepixxu Knisja li mhix magħquda flimkien bħala Knisja waħda. Bħala Isqof tagħkom ma niswa xejn jekk ma nkunx magħqud ma’ Pietru, jiġifieri mal-Papa. Il-Knisja tagħna hija duħħan jekk ma tkunx f’komunjoni mal-Papa. U f’dan ir-rigward, il-komunjoni trid tkun mhux biss ta’ natura ġuridika imma wkoll fis-sens wiesa’ tal-kelma, jiġifieri li l-qalb tagħna trid tkun tħabbat mal-qalb ta’ Pietru.

Inkwantu l-evanġelizzazzjoni tal-Insara tal-‘periferija’, din hija waħda mill-isfidi tal-Knisja llum, bid-differenza li l-kategorija ta’ dawk li ma jemmnux f’Alla u l-kategorija ta’ dawk li għalihom il-Knisja ma tfisser xejn qiegħed jikber! Ma nistgħux ma nagħtux kas ta’ din il-faxxa ta’ nies fil-kontinent Ewropew, u nażżarda ngħid ukoll fis-soċjetà tagħna! Waħda mill-affarijiet li rriżultaw fil-Missjoni Djoċesana kienet li l-Knisja għandha tagħti iktar attenzjoni lil dawk li qegħdin fil-periferija, jiġifieri dawk li huma fil-bogħod mhux fiżikament imma spiritwalment. Din hi realtà, u jekk aħna parti minn din ir-realtà għandna raġuni valida biex nitħassbu!

Dan it-tħassib m’għandux ikun tal-Isqof jew tas-saċerdoti biss, imma tal-Knisja kollha. Irridu naraw kif ser inwasslu l-Vanġelu lil dawn ħutna ħalli fil-ħajja tagħhom u madwarhom isseħħ bidla għall-aħjar. Il-fatt li madwarna nosservaw diversi sinjali negattivi li suppost iqanqlu fina xewqa biex l-affarijiet jieħdu nota aħjar, jikkonferma li qabel ma jinbidlu l-istrutturi u s-sistemi, hemm bżonn li jikkonverti l-bniedem!

Issa aħna l-Kattoliċi għandna kultura reliġjuża. Imma ma taħsbux bħali li l-imġiba tagħna u l-attitudnijiet tagħna huma ħafna ’l bogħod minn dak li jrid il-Mulej Ġesù u minn dak li jippreskrivi l-Vanġelu? Għalhekk f’din is-sitwazzjoni, bħalma San Girgor ħass il-bżonn li jkun hemm ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, anke aħna li qed ngħixu din ir-realtà ma nistgħux ma nxandrux mill-ġdid il-Bxara ta’ Kristu, jekk irridu nġibu l-bidla.”

  • U jien, qed nilqa’ l-isfidi li titlob minni l-missjoni li nxandar lil Kristu fil-komunità    fejn ngħix?
  • Qed nipprova nagħti servizz kif nista’ lill-komunità parrokkjali tiegħi?
  • Nuri rispett u sottomissjoni lejn is-saċerdoti li b’xi mod Alla ried jagħtini f’ħajti?
  • Nipprova nressaq lura lejn Alla lin-nies li tbiegħdu minnu?
  • Kemm ngħożż u nitlob għall-parroċċa u għall-parruċċani tiegħi bl-impenn u b’fervur?

TalbaAgħti, Mulej lill-Knisja tiegħek l-ispirtu tal-qawwa u l-ħeġġa għall-ġustizzja li bihom żejjint lill-Papa San Girgor VII, biex hija twarrab il-ħażen u kull xkiel u tħabrek bl-imħabba għal kulma hu sewwa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-gregory-vii/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/pope-st-gregory-vii-699

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Gregory_VII

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started