29 ta’ Awwissu: Il-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista

Verżjoni Vidjo: Il-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista

“Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub, ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.’ Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. Minn żmien Ġwanni l-Battista sa llum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ, jaħtfuha. Għax il-Profeti kollha, u wkoll il-Liġi, ħabbru sa żmien Ġwanni, u, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija li għandu jiġi.” Ġesù dwar Ġwanni l-Battista f’Mattew 11: 7-14

the-beheading-of-st-john-the-baptist-by-caravaggio_miniIL-MARTIRJU TA’ SAN ĠWANN IL-BATTISTA

Tagħrif: San Ġwann il-Battista twieled f’Ain-Karin, ħdejn Ġerusalemm. Missieru kien Żakkarija, qassis f’Ġerusalemm. Ommu kienet Eliżabetta, kuġina tal-Verġni Marija.

Sakemm kellu madwar 30 sena għex bħala eremita fid-deżert tal-Ġudea. Imbagħad ħareġ jipprieTka matul ix-xtut tal-Ġordan u jtenni:  “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” (Mattew 3:2)

Ħafna nies kienu jmorru jisimgħuh, li wara, uħud minnhom saru dixxipli ta’ Ġesù.

Kellu l-unur kbir li jgħammed lil Ġesù, u jurih lin-nies bħala l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

Ġwanni kien ikkundanna ż-żwieġ ta’ Erodi Antipa ma’ Erodja li kienet il-mara ta’ ħuh. Fuq hekk Erodi arrestah u tefgħu l-ħabs. Iżda Erodja ma kinetx kuntenta b’hekk. Kienet tfittex li toqtlu. Ġietha x-xoqqa f’moxtha meta Erodi, f’jum għeluq sninu għamel ikla li għaliha stieden il-kbarat tal-pajjiż, u bint Erodja, Salome, tant għoġbitu biż-żifna li għamlet quddiemu, li ħalfilha li kien lest jagħtiha kulma titolbu mqar nofs is-saltna. Imġiegħla minn ommha, it-tfajla qaltlu: “Agħtini issa stess ras Ġwanni l-Battista fuq platt.”(Mattew 14:8)

Erodi sewwed qalbu għal din it-talba, iżda biex ma jiksirx kelmtu quddiem il-mistednin, bagħat suldat biex iwettaq dak li xtaqet it-tfajla.

Il-mewt ta’ San Ġwann ġrat madwar sena qabel dik tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. (Mattew 14:3-12; Mark 6:17-29; Luqa 3:1-20, 9:7-9)

ĦsiebLi kellek tinzerta tara lil min qed jixrob minn tazza li fiha l-velenu, kont twaqqfu u tgħidlu? Jekk ma tgħidlux, jista’ jkun li int tkun responsabbli tal-mewt tiegħu? Forsi din nistgħu nsejħulha dnub tal-ommissjoni (li tibqa’ lura milli tagħmel dak li għandek tagħmel)?

Propju dan hu dak li l-insara huma msejħa biex jagħmlu. Qed ngħixu f’dinja tossika u mimlija b’ħafna affarijiet li għandhom is-setgħa li javvalenaw lin-nies spiritwalment u aħna għandna r-responsabbiltà li niftħu għajnejn dawk li qed jixorbu dan il-velenu!

Dan hu dak li għamel il-qaddis tal-lum, Ġwanni l-Battista, li filwaqt li f’Ġunju ċċelebrajna l-festa tat-twelid tiegħu fid-dinja, llum qed niċċelebraw it-twelid tiegħu fis-sema. Qed infakkru u nunuraw il-kuraġġ li wera fil-martirju li ħa, propju għax fetaħ għajnejn Erodi u qallu li kien qed jixrob il-velenu bir-relazzjoni immorali li kien qed jgħix. Kien għalhekk li Erodi arrestah u tefgħu fil-ħabs.

Mhux faċli li wieħed ikun leali lejn il-verità u jxandarha lill-oħrajn. Id-dinja llum tgħidilna: ‘Kollox relattiv. Int għandek il-verità tiegħek u jien għandi tiegħi!’ Imma jekk xi ħadd jgħidlek hekk, staqsih mistoqsija sempliċi: ‘Kif taf li l-verità?’ Kulħadd fih innifsu għandu kuxjenza, li jekk tkun iffurmata tajjeb, tagħraf tagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-verità u l-gideb. Mingħajr dawn il-moralitajiet, kulħadd ikun f’riskju li jixrob il-velenu!

Nistgħu ngħidu li Ġwanni l-Battista kien qed jimponi t-twemmin u l-morali tiegħu fuq l-oħrajn? Le. Kien qed jgħid il-verità, u r-raġuni kienet biex jgħin lir-re jevita l-velenu li kien qed joqtlu, dak li aħna nsejħulu d-dnub. Il-fidi nisranija hija dejjem personali imma qatt privata. Għalhekk dawk li jippruvaw iġibu fix-xejn ir-reliġjon tagħna billi jgħidu li hi biss sett ta’ opinjonijiet li wieħed jista’ jsegwi fil-ħajja personali tiegħu, imma li għandu jżomm sieket dwarhom fil-pubbliku, dejjem ifallu. Qisek qed titlob lil raġel miżżewweġ, iġib ruħu ta’ raġel mhux miżżewweġ meta jkun fil-pubbliku.

Għalhekk, kull wieħed u waħda minna msejħa biex ikollna l-istess kuraġġ ta’ Ġwanni l-Battista u nibqgħu nżommu sod mal-Verità (li hi Kristu nnifsu li qal: “Jiena l-Verità” (Ġwanni 14:6). Jeħtieġ li nitolbu bil-qalb lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina l-virtujiet tal-kuraġġ u l-qawwa, biex jirnexxielna nagħmlu dan.

Ħadd minna ma jista’ jirrepeti l-missjoni li kellu San Ġwann il-Battista, b’danakollu aħna lkoll imsejħin biex bħalu nkunu xhieda ta’ Kristu, hi x’inhi l-pożizzjoni tagħna. Bħala nsara, irridu nagħtu xhieda għal Kristu. Nagħmlu hekk bi kliemna, bil-mod kif inġibu ruħna, bl-eżempji li nagħtu, fid-dar, fuq il-post tax-xogħol u kull fejn inkunu. San Ġwann, itlob għalina llum, biex fi żminijietna wkoll, ikollna l-istess kuraġġ li kellek int, għaliex hu importanti immens li minbarra ħajja nisranija tajba, aħna ma nżommux siekta quddiem l-immoralità li qed tavvalenana.

U int, kemm qed tkun tassew xhieda ta’ Kristu, bil-mod kif qed tgħix il-ħajja nisranija tiegħek?

Talba: O Alla, int ridt li San Ġwann il-Battista jkun l-Prekursur ta’ Ibnek, mhux biss fil-ħajja iżda wkoll fil-mewt; agħtina li, bħalma hu sofra l-martirju għall-verità u għall-ġustizzja, hekk ukoll aħna nissieltu bil-qawwa biex niddefendu t-tagħlim tiegħek. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2018-08-29

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/martyrdom-of-saint-john-the-baptist

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Beheading_of_John_the_Baptist

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started