17 ta’ April: Santa Katerina Tekakwita

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina Tekakwita

“Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom.” – 1Tessalonikin 4:3.

litany18SANTA KATERINA TEKAKWITA
Verġni
1656 – 1680

Tagħrif: Twieldet fl-Amerika ta’ Fuq fl-1656, ħdejn l-għadajjar Erie u Ontario u x-xmara St. Lawrence, qrib fejn illum hemm il-fruntiera tal-Kanada mal-Istati Uniti tal-Amerika. Ir-razza tagħha, imsejħa Iroquois, kienet selvaġġa u feroċi. Kienu difatti n-nies tar-razza tagħha li qatlu t-tmien qaddisin martri Ġiżwiti Franċiżi, San Iżakk Jogues u sħabu. Anzi xi wħud minnhom kienu saħansitra kannibali, jiġifieri kienu jieklu l-laħam tal-bnedmin.

Kellha 20 sena meta ġiet mgħammda mill-patri Ġiżwita Jacques de Lamberville, nhar l-Għid il-Kbir, fit-18 ta’ April 1676, bl-isem ta’ Katerina. Il-laqam tagħha “Tekakwita” jfisser “timxi bil-mod,” għax wara li mardet baqgħet dejjem ma tistax timxi tħaffef.

Malli saret nisranija, din bint is-slavaġ, anki qalb dawk il-pagani feroċi ta’ pajjiżha, bdiet tgħix ħajja ta’ talb u ta’ penitenza, tant li bdiet issofri l-persekuzzjoni u l-insulti ta’ dawn is-slavaġ. Allura l-istess patri Lamberville, ħadha tgħix f’post ieħor, jismu Sault St. Louis, fejn kien hemm xi qraba tagħha.

Għamlet l-Ewwel Tqarbina nhar il-Milied tal-1677, u fuq parir tal-konfessur, għad li kien hemm bosta li xtaqu jiżżewġuha, għamlet ukoll il-vot tal-verġinità.

Mietet fl-età żgħira ta’ 24 sena, fis-17 ta’ April, 1680. Kienet ilha biss 4 snin nisranija. Anke l-pagani jitolbu fuq il-qabar tagħha u jagħtuha qima. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ddikjaraha beata fit-22 ta’ Ġunju tas-sena 1980. Il-Papa Benedittu XVI ikkanonizzaha fil-21 t’Ottubru 2012, fil-Vatikan.

Ħsieb: Xi kultant aħna ngħidu, jew aħjar jaqblilna ngħidu, li huwa diffiċli li ngħixu ta’ qaddis/a minħabba s-sitwazzjoni u ċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom. Ngħidu li, li kieku kellna aktar solitudni, inqas oppożizzjoni, saħħa aħjar, eċċ… konna nkunu nistgħu nsiru qaddisin, imma peress li …. (u hawn kulħadd isib l-iskużi tiegħu). Katerina Tekakwita hija ta’ eżempju għalina lkoll għax l-ambjent u ċ-ċirkustanzi li fihom għexet, ma kienu xejn favorevoli, imma għax ikkoperat mal-grazzja ta’ Alla, hu wassalha għall-qdusija li għaliha ħadmet bi ħġarha. Il-qdusija tiffjorixxi meta magħquda mas-salib, u wieħed jista’ jingħaqad mas-salib bis-sofferenzi u d-diffikultajiet tiegħu minn kullimkien fid-dinja, bla ebda skuża.

Minkejja tant tfixkil, oppożizzjoni u perikli, Alla pprovda lil Katerina Tekakwita kull ma kellha bżonn persuna Nisranija: l-appoġġ ta’ komunità. Hi kellha omm twajba, qassisin li jgħinuha u ħbieb Insara. Dawn kienu preżenti fl-ambjenti u l-kundizzjonijiet primittivi, li mbagħad komplew jiffjorixxu bit-talb, bis-sawm u bl-għoti ta’ karita’: għaqda ma’ Alla f’Ġesù u fl-Ispirtu, penitenza u ħafna tbatija, u karità lejn ħutha l-bnedmin.

Il-qdusija hija sejħa għal kulħadd – IVA, ANKI INT LI QED TAQRA, GĦANDEK IS-SEJĦA BIEX TILĦAQ DIK IL-QDUSIJA LI ALLA PPJANA LI JARA FIK. Kif qed twieġeb għal din is-sejħa ta’ Alla? Fl-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete Et Exsultate “Ifirħu u Thennew” tal-Qdusija tiegħu Papa Franġisku dwar ‘Is-Sejħa għall-Qdusija fid-Dinja tal-Lum’ insibu dan li ġej:

19. In-Nisrani ma jistax jaħseb fil-missjoni tiegħu fuq din l-art mingħajr ma jara fiha mixja ta’ qdusija, għax “dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom” (1 Tessalonkin 4:3). Kull qaddis jew qaddisa hu missjoni; hu pjan tal-Missier biex jirrifletti u jlaħħam, f’mument determinat tal-istorja, xi aspett tal-Evanġelju.

20. Din il-missjoni ssib il-milja tat-tifsira tagħha fi Kristu u nistgħu nifhmuha biss jekk nibdew minnu. Fil-verità, il-qdusija tfisser li ngħixu f’għaqda miegħu l-misteri ta’ ħajtu. Tfisser li nixxierku mal-mewt u l-qawmien tal-Mulej b’mod uniku u personali, li mmutu u nqumu mill-ġdid kontinwament miegħu.  

23. Din hi sejħa qawwija għalina lkoll. Int ukoll għandek bżonn tifhem it-totalità ta’ ħajtek bħala missjoni. Ipprova agħmel dan billi tisma’ lil Alla fit-talb u tagħraf is-sinjali li qed joffrilek. Itlob dejjem lill-Ispirtu s-Santu jurik x’qed jistenna minnek Ġesù f’kull waqt tal-eżistenza tiegħek u f’kull għażla li trid tagħmel, biex tgħarbel x’post għandu fil-missjoni tiegħek. U ħallih jagħġen fik dak il-misteru personali li jista’ jkun mera ta’ Ġesù Kristu fid-dinja tal-lum.

24. Jalla int tagħraf liema hi dik il-kelma, dak il-messaġġ ta’ Ġesù li Alla jixtieq ilissen lid-dinja bil-ħajja tiegħek. Ħalli lill-Ispirtu jibdlek, ħallih iġeddek, biex dan isir possibbli, u hekk il-missjoni prezzjuża tiegħek ma tisfax mitlufa. Il-Mulej iwassalha għall-milja tagħha mqar qalb l-iżbalji tiegħek u l-mumenti negattivi tiegħek, sakemm int ma twarrabx għall-ġenb it-triq tal-imħabba imma tibqa’ dejjem qalbek miftuħa għall-ħidma sopranaturali tiegħu li ssaffi u ddawwal.

32. La tibżax mill-qdusija. Mhix ħa teħodlok saħħa, ħajja u ferħ. Bil-maqlub, għax tasal biex issir dak li l-Missier ħaseb meta ħalqek u għalhekk tkun fidil għal dak li int tassew. Meta noqogħdu fuqu, hu jeħlisna mill-jasar u jwassalna biex nagħrfu d-dinjità tagħna.  

34. Tibżgħux timmiraw iżjed fil-għoli, li tħallu lil Alla jħobbkom u jeħliskom. Tibżgħux tħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxikom. Il-qdusija ma tagħmlekx inqas bniedem milli int, għax hi l-laqgħa tad-dgħufija tiegħek mal-qawwa tal-grazzja. Fl-aħħar mill-aħħar, kif qal León Bloy, fil-ħajja “m’hemmx ħlief niket wieħed, … dak li ma nkunux qaddisin.”

Talba: Mulej, minkejja li f’pajjiżha sofriet il-persekuzzjoni u l-insulti ta’ niesha, Santa Katerina Tekakwita baqgħet sħiħa fil-fehma tagħha u għexet biss b’imħabba għalik, agħti lilna wkoll li ngħixu għalik fost-il ħafna taqlib u kuntrarju li aħna mdawrin bih fi żminijietna llum u agħmel li qatt ma nieqfu navvanzaw fil-qdusija li trid minna, tkun kemm tkun diffiċli li naslu għaliha minħabba ċ-ċirkustanzi. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.loyolapress.com/our-catholic-faith/saints/saints-stories-for-all-ages/saint-kateri-tekakwitha

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-kateri-tekakwitha/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Kateri_Tekakwitha

Film on the life of Saint Kateri Tekakwitha:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started