15 ta’ Jannar: San Arnold Janssens

Verżjoni Vidjo: San Arnold Janssens

“Ix-Xandir tal-Aħbar it-Tajba hija l-ewwel u l-iktar espressjoni sinifikanti ta’ mħabba lejn il-proxxmu.” – San Arnold Janssens

4191730905_4b53abf82e.jpgSAN ARNOLD JANSSEN
Saċerdot
1837 – 1909

Tagħrif: Arnold Janssens ġie msejjaħ “il-missjunarju modern skont il-qalb ta’ San Pawl.” Twieled f’Goch, fid-djoċesi ta’ Münster, fil-Ġermanja. Ordna saċerdot f’Münster ta’ 24 sena (1862). Għallem ix-xjenza għal 12-il sena, u fl-istess ħin l-aħħar tmien snin minn dawn kien id-direttur djoċesan tal-Appostolat tat-Talb.

Fl-1873, Dun Arnold sar l-editur ta’ ġurnal dwar il-missjonijiet, u fl-1875 beda jippubblika rivista missjunarja bit-Tedesk jisimha “Il-Missjunarju Żgħir tal-Qalb ta’ Ġesù.”

Fis-sena 1875 fi Steyl, l-Olanda, waqqaf l-ewwel dar Ġermaniża biex fiha jħarreġ lill-membri ta’ dik li, fl-1886, saret is-Soċjetà Missjunarja tal-Verb Divin (“Verbiti”).

Kien maħtur superjur ġenerali fl-1885. Kien mar l-Olanda, kemm biex jaħdem f’dan il-pajjiż, kif ukoll fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Il-membri tagħha saċerdoti kienu jieħdu l-voti sempliċi u kisbu l-approvazzjoni mill-Papa Ljun XIII fl-1901. L-ewwel missjunarji ntbagħtu fl-1897 għal Togo, New Guinea, l-Amerka ta’ Fuq, il-Ġappun u l-Paragwaj. Is-soċjetà xterdet ħafna ukoll fl-Istati Uniti.

Fl-1889 (ta’ 52 sena) dan is-saċerdot mimli ħeġġa, waqqaf is-Sorijiet Missjunarji tal-Ispirtu s-Santu biex jedukaw il-bniet fil-pajjiżi tal-missjoni. Waqqaf ukoll is-sorijiet klawstrali (=magħluqin), imsejħin is-Sorijiet Qaddejja tal-Ispirtu s-Santu, għall-Adorazzjoni Perpetwa bl-iskop li jitolbu għas-suċċess tal-ħidma missjunarja.

Dan is-saċerdot, li donnu ma kien jgħejja qatt biex ixerred is-saltna ta’ Alla fuq l-art, miet fil-15 ta’ Jannar, 1909 ta’ ftit aktar minn 61 sena. Arnold Janssens kien iddikjarat Beatu minn Pawlu VI f’Ħadd il-Missjoni nhar id-19 ta’ Ottubru ,1975, u kkanonizzat mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-4 ta’ Ottubru, 2003.

Ħsieb: Dan li ġej hu parti mid-diskors tal-omelija li l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II qal fil-jum tal-Kanonizzazzjoni ta’ San Arnold Janssens (5 ta’ Ottubru, 2003):

‘Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu’ (Mark 16:15). B’dawn il-kliem qabel ma tela’ s-Sema, Dak li kien għadu kemm qam mill-mewt, ta mandat missjunarju universali lill-Appostli. Immedjatament wara, assigurahom li f’din il-missjoni eżiġenti huma jistgħu jiddependu dejjem mill-għajnuna tiegħu (Mark 16:20).

Il-ħajja tagħhom turi b’mod ċar li l-proklamazzjoni tal-Vanġelu ‘huwa s-servizz primarju li l-Knisja tista’ tagħti lil kull individwu u lill-umanità kollha’ (Redemptoris Missio, n.2). L-evanġelizzazzjoni dejjem tinvolvi proklamazzjoni espliċita ta’ Kristu, flimkien ma’ kontribuzzjonijiet għall-avvanz tal-bniedem li xi drabi wriet kemm huma perikolużi, kif turi l-esperjenza ta’ tant missjunarji. Il-qaddisin tawna l-eżempju, huma l-wirt prezzjuż, speċjalment għall-familji reliġjużi tagħhom. Il-prijorità ta’ istituti missjunarji hija l-missjoni ‘ad gentes,’ li għandha tiġi qabel kwalunkwe impenn soċjali jew umanitarju ieħor, neċessarju kemm hu neċessarju.

‘Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,’ (Isaija 60:3). L-immaġni profetika ta’ Ġerusalemm il-ġdida li tifrex dawl divin fuq il-popli kollha, turi biċ-ċar il-ħajja u l-appostolat bla qatigħ ta’ San Arnold Janssens. Huwa wettaq b’żelu l-ħidma saċerdotali tiegħu, xerred il-Kelma ta’ Alla permezz tal-midja moderna, speċjalment l-istampa.

L-ostakoli ma qatgħulux qalbu. Huwa kien jirrepeti spiss: ‘Ix-Xandir tal-Aħbar it-Tajba hija l-ewwel u l-iktar espressjoni sinifikanti ta’ mħabba lejn il-proxxmu.’ Illum huwa jgħin lill-familja reliġjuża tiegħu mill-Ġenna, biex tkompli fedelment tul il-binarji li huwa mmarka li jagħtu xhieda għall-valur permanenti tal-missjoni evanġelika tal-Knisja.’

  • U int, intbaħt kemm tista’ tagħmel ġid li kieku kellek tuża l-mezzi soċjali tal-lum biex ixxandar l-Aħbar it-Tajba li ġabilna Kristu?

Tista’ tuża l-kitba, gazzetti, radju, telefon, TV, mobajl, tablet, internet, facebook, youtube, twitter, instagram eċċ …

  • imqar biex taqsam ħsieb ta’ xi ħadd f’fama tajba fil-Knisja, eżempju ta’ xi qaddis/qaddisa.
  • imqar issib xi ħaġa li għamel ħaddieħor u tgħaddiha lil ħaddieħor,
  • imqar tfakkar lill-oħrajn fi kliem Kristu jew fit-tagħlim tal-Knisja,
  • imqar tgħaddi kelma tajba lil xi ħadd, jew forsi xi parir li tak xi ħadd ieħor …
  • imqar titlob b’impenn u toffri xi sagrifiċċji għall-bżonnijiet tal-missjunarji madwar id-dinja, kif għamlet Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tant li l-Knisja għamlitha Patruna tal-Missjonijiet.

O li kieku kellna noqogħdu naħsbu ftit u nitolbu dwar dan, kemm insibu modi biex nistgħu nagħmlu l-ġid, biex nevanġelizzaw … jekk irridu. Ejjew nieħdu l-eżempju ta’ dan il-qaddis tal-lum San Arnold Janssens. Inti trid tagħmel il-ġid? Ġesù qed jistenniek. Hu lesta ġenna għalik … jistenna li toħloq ġenna għalih, billi ttih l-erwieħ!

Talba: O Alla tiegħi, jien nemmen Fik, għaliex Int il-Verità Eterna.
O Alla tiegħi, jien nitma Fik, għax int infinitament ħanin, fidil u tista’ kollox.
O Alla tiegħi, jien inħobbok b’qalbi kollha u jiddispjaċini li offendejtek.
Bi mħabba għalija Int tinsab preżenti fis-Sagrament Imqaddes,
għalhekk jien nixxennaq għalik, għażiż Ġesù.
Ibgħatli l-Ispirtu s-Santu bis-seba’ doni tiegħu mingħand il-Missier,
biex inkun nista’ nagħti glorja lil Alla f’kollox. Ammen.
(Talba ta’ San Arnold Janssens)

English Version: http://www.svdvocations.org/about-divine-word/founder

Alternative Reading: https://adorationsisters.org/about/history/saint-arnold-janssen/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Arnold_Janssen

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20031005_janssen_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started