5 ta’ April: San Vinċenz Ferrer

Verżjoni Vidjo: San Vinċenz Ferrer

“Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom. Sirt kollox għal kulħadd, biex lil kulħadd insalva.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Vinċenz Ferrer.

St.-Vincent-Ferrer-e1429046936686-400x470SAN VINĊENZ FERRER
Saċerdot Dumnikan
1350 – 1419

Tagħrif: San Vinċenz twieled f’Valenzja, Spanja, fl-1350, u kien ta’ nisel Ingliż jew Skoċċiż. Fl-1367, meta kellu sbatax-il sena, daħal mad-Dumnikani.

Ġie ordnat saċerdot mill-Kardinal Pietru de Luna, u ftit snin wara ġie magħżul Pirjol tal-Kunvent tad-Dumnikani, f’Valenzja.

Fi żmien meta fil-Knisja kien hemm żewġ Papiet, Klement VII, f’Avignon, u Urbanu VI, f’Ruma, San Vinċenz kien jaħseb li Klement VII kien il-veru Papa, għax kien influwenzat mill-Kardinal de Luna li kien iżomm miegħu. Fl-istess waqt Santa Katarina ta’ Siena kienet iżomm mal-Papa Urbanu VI.

Meta Klement VII miet, il-Kardinal de Luna laħaq floku bl-isem ta’ Benedittu XIII, u San Vinċenz żamm miegħu.

Għal ħafna snin, San Vinċenz iddedika ruħu għall-prietki u ġera f’ħafna pajjiżi, barra Franza, mar Spanja, l-Isvizzera, l-Italja, il-Ġermanja, l-Ingilterra u pajjiżi oħra. Kien jipprietka l-iktar fuq in-Novissimi, u kien ikollu udjenzi enormi u ħafna konverżjonijiet.

Ix-xiżma fil-Knisja nkwetatu ferm, u ta sehmu sakemm raha tispiċċa. Meta San Vinċenz ra li Benedittu XIII ma riedx jirriżenja, ma baqax iżomm iktar miegħu, anzi darba, meta kien marid mejjet, f’laqgħa li fiha kien qed jippresiedi Benedittu XIII, iddenunzjah b’ħiltu kollha.

Kien hu wkoll li ta’ parir lir-Re Federiku ta’ Aragona biex ma jkomplix jappoġġa lil Benedittu. Fl-aħħar Benedittu ġie mneħħi u hekk ix-xiżma spiċċat fl-1416 meta ġie elett il-Papa Martin V.

Miet f’Vannes, fi Franza, waqt li kien qed jagħti missjoni li fiha pprova jwaqqaf l-hekk imsejħa ‘Gwerra ta’ Mitt Sena’ bejn Franza u l-Ingilterra. Kien il-5 ta’ April, 1419, meta kellu 69 sena. Ġie ddikjarat qaddis fl-1455 (36 sena wara mewtu) u hu meqjum ħafna mhux biss fi Spanja u fl-Amerka Latina, imma wkoll fil-Filippini.

Ħsieb: San Vinċenz għex fi żmien meta l-Knisja kienet għaddejja minn żmien mill-aktar diffiċli fl-istorja tagħha. Kien iż-żmien meta l-Papa kellu r-residenza tiegħu f’Avignon (Franza) u seħħet l-hekk imsejħa Xiżma tal-Punent. Kien iħoss li hu kien imsejjaħ biex ixandar l-evanġelju mhux biss lill-insara, imma wkoll lil-Lhud, lill-Musulmani u lis-setet eretiċi tal-Katari u l-Valdeżi.

Jingħad li hu kellu d-don tal-ilsna u kien magħruf għall-każi ta’ fejqan li hu kien jagħmel. Meta kien qed jipprietka fi Lyon, fi Franza, fl-1404, hu organizza l-għadd kbir ta’ nies li kienu aċċettaw it-tagħlim tiegħu u bdew imorru warajh kull fejn kien jipprietka. Dawn kienu jissejħu l-flagellantes jew penitenti. Kienu jilbsu libsa sewda u bajda bħad-Dumnikani u kienu jġorru l-ħatar bħall-pellegrini.

Il-quċċata tal-predikazzjoni ta’ San Vinċenz kienet bejn is-snin l-1412 u l-1419. Il-prietki tiegħu – li ħallew effett kbir – kienu b’mod speċjali fuq in-novissmi, l-aktar fuq l-aħħar ġudizzju. Kien iqanqal lis-semmiegħa tiegħu biex ibiddlu ħajjithom minħabba li wasal it-tmiem. Ħafna kienu jikkonsidrawh bħala t-tieni San Ġwann Battista, jipprietka l-penitenza għall-konverżjoni. Ġie msejjaħ l-Anġlu tal-Apokalissi. Minħabba l-għadd kbir ta’ mirakli jissejjaħ Tawmaturgu.

Imma fi żminijietna llum kemm għadna nisimgħu dwar in-novissmi? Jew forsi ma rridux nisimgħu min ikellimna fuq ir-realtà  tal-mewt, il-ġudizzju, l-infern, il-ġenna, eċċ …? Forsi biex nibqgħu ngħixu ħajja aljenata sal-aħħar imbagħad dawn ir-realtajiet insibuhom ma’ wiċċna meta jkun tard wisq?

Jeżisti ktieb illi jġib dan it-titlu: “In-Novissmi”. Dan huwa ġabra ta’ twissijiet mill-Qaddis Malti San Ġorġ Preca. Dun Ġorġ, bħall-qaddis tal-lum, kien jitkellem spiss fuq il-mewt, il-kruha tad-dnub u l-ħajja eterna. Huwa fatt li mitt sena oħra aħna ma nkunux hawn. Huwa fatt li l-ħajja hija fraġli, tgħaddi malajr. Il-Bibbja tgħid li “l-ħajja tal-bniedem hija b’kollox sebgħin sena, tmenin jekk inkunu f’saħħtina u l-biċċa il-kbira taħbit u niket. Malajr tgħaddi u aħna immorru magħhom.” Spiss allura, konxji ta’ din il-prekarjetà nibdew nagħmlu affarijiet li b’xi mod inessuna li aħna fuq din l-art m’aħniex għal dejjem. Nippruvaw nagħmlu xi ħaġa biex nagħtu lilna infusna l-impressjoni li aħna għal dejjem hawn. Allura arana nippruvaw noħolqu “Mini-ġenna”. Forsi s’hawn m’hemmx xi inkwiet tal-għaġeb, imma l-inkwiet jibda meta dik il-“Mini-ġenna” nipprova noħloqha għalija biss. Allura arani nrekken, infaddal, biex qabel norqod filgħaxija jkolli rasi mistrieħa.

  • Imma filgħaxija rasi ma tistrieħx fuq l-imħadda għax naf li għandi ħafna flus il-Bank, imma għax naf li ta’ ħdejja għandu x’jiekol.
  • Rasi qabel norqod ma tkunx mistrieħa għax irnexxieli nġelled familja bir-regħba tiegħi fuq il-wirt li ħallew ommi u missieri, imma għax lili ħa jibqgħu jiftakruni bi bniedem ġeneruż u tal-paċi.
  • U kif tista’ tistrieħ rasi qabel norqod meta naf li minħabba r-regħba tiegħi hawn nies li mhux qed jitħallsu kemm jistħoqqilhom?
  • Kif nista’ norqod mistrieħ meta nbigħ prodotti li jagħmlu l-ħsara, huma x’inhuma?

Għal dan kollu tista’ twassal ir-regħba. Għiduli intom kemm hawn nies li għax alla tagħhom il-flus sallbu lil ħafna oħrajn; vittmi tal-ġlied minħabba il-wirt, vittmi tad-droga u tal-użura.

U allura, anke jekk San Vinċenz Ferrer u San Ġorġ jidhru iebsa u ‘il bogħod, anke jekk Ġesù illum huwa ċar dwar ir-realtà ta’ wara l-mewt li forsi jaħsadna, ma nistgħux ma nammettux li ħafna drabi norbtu qalbna wisq mal-affarijiet li jgħaddu. Ħafna drabi t-talb tagħna huwa wisq ikkonċentrat fuq “Ħobżna ta’ kuljum agħtina illum” u ninsew li aħna nistgħu nkunu responsabbli ta’ ħafna nkwiet minħabba l-flus.

Il-Mulej iridna nies ħielsa li ma nsiru skjavi ta’ xejn. Meta l-flus iservuni (jaqduni) m’hemmx problemi kbar imma meta jien nibda nsir skjav tagħhom hemm iva, għandi għax ninkwieta. Trid tkun taf x’inhi l-kura? Agħti, qassam, tiekolx waħdek. Jalla lkoll kemm aħna nagħmlu esperjenza ta’ dak li huwa il-ħelsien, il-ħelsien vera, dak li jista’ jagħtina Alla biss!

Talba: O Alla, is-saċerdot San Vinċenz Ferrer, li int għażiltu ministru tiegħek biex ixandar l-Evanġelju, fakkar sikwit li l-Feddej tagħna għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mid-dinja; agħtina li, kif għad narawh imħallef fuq l-art, hekk ukoll, mal-qaddisin tiegħek, narawh sultan fis-sema: Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-vincent-ferrer.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-vincent-ferrer-426

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Vincent_Ferrer

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei u mis-sit sejhafrangiskana.com.

Design a site like this with WordPress.com
Get started