16 ta’ Frar: Beatu Ġużeppi Allamano

Verżjoni Vidjo: Beatu Ġużeppi Allamano

“Qatt ma jkollna tama biżżejjed fil-Providenza ta’ Alla. Hu li jagħti l-ikel lill-għasafar tas-sema, ċertament li lilna ser jagħtina b’abbundanza akbar.” – Beatu Ġużeppi Allamano

giuseppe-allamano-70c0c55f-1d8b-4cd8-b9e7-649da679e1f-resize-750BEATU ĠUŻEPPI ALLAMANO
Saċerdot
1851 – 1926

Tagħrif:  Dan il-beatu hu l-fundatur tal-missjunarji tal-Consolata. Hu twieled f’Castelnuovo d’Asti fil-21 ta’ Jannar 1851, ir-raba’ minn ħames ulied. Ommu kienet oħt San Ġużeppi Cafasso (festa: it-23 ta’ Ġunju). Missieru miet meta hu kellu tliet snin. Studja fl-oratorju ta’ San Ġwann Bosco f’Valdocco, u dan il-qaddis kien wieħed mid-diretturi spiritwali tiegħu.

Hu daħal is-seminarju djoċesan ta’ Turin f’Jannar 1866 u kien ordnat saċerdot ta’ 22 sena, fl-20 ta’ Settembru, 1873. Seba’ snin wara (fit-2 ta’ Ottubru, 1880) kien maħtur rettur tas-santwarju tal-Madonna Consolata f’Turin, li ġabu ħafna ’l quddiem u għamlu għajn ta’ tiġdid spiritwali għad-djoċesi kollha. Hu kien ukoll jgħallem it-Teoloġija fis-seminarju.

Fl-1889, insibuh Ruma fejn mar jassisti għall-beatifikazzjoni ta’ zijuh Don Cafasso. Waqt li kien hemm, iltaqa’ ma’ missjunarju Taljan jaħdem fiċ-Ċina, Padre Bonzano, li ħajjar lil Allamano jwaqqaf istitut missjunarju ġdid. Dan seħħ fid-29 ta’ Jannar, 1901 u li ssemma għal Consolata.

Fl-1902, l-istitut tal-Consolata bagħat l-ewwel żewġ missjunarji tiegħu lejn il-Kenja. Tmien snin wara sar vigarju u wieħed miż-żewġ saċerdoti nħatar isqof. Fuq il-parir tal-Papa San Piju X, Padre Ġużeppi Allamano fl-1910 waqqaf ukoll istitut ieħor tas-sorijiet tal-Consolata. Malajr, il-membri taż-żewġ istituti żdiedu sewwa u nfetħu missjonijiet ġodda fl-Afrika tal-Lvant.

Don Allamano kien bniedem paċenzjuż u dejjem lest biex jgħin lil min jitolbu l-għajnuna. Kien jinsisti ħafna mal-missjunarji tiegħu li, qabel kollox, kellhom ikunu ta’ ħajja qaddisa biex ikunu jistgħu jqaddsu lil oħrajn. Riedhom ukoll li jistudjaw l-użanzi u l-kultura tal-pajjiżi li jmorru jaħdmu fihom. Ħabrek ħafna li jkollhom katekisti tajbin u vokazzjonijiet minn fost in-nies tal-pajjiż.

Huwa kien grat ħafna lejn il-benefatturi tal-istituti tiegħu, u speċjalment lejn il-ġenituri tal-missjunarji li mhux biss taw minn ġidhom imma lil uliedhom stess għall-missjoni.

Ħsieb: Matul ħajtu, il-Beatu Ġużeppi Allamano esperjenza l-ħniena u l-imħabba ta’ Alla. Hu dejjem ħeġġeġ lil ta’ madwaru biex jitolbu b’kunfidenza kbira, mingħajr “il-biża’ li ma jiksbux dak li jkunu talbu għalih,” għaliex il-Mulej “jagħti dak li nitolbuh lil dawk li jafdawh.”

Ġużeppi fehem kif Alla l-Missier jinteressah minn uliedu kollha, speċjalment dawk f’diffikultà. Huwa jassigura li, “Ħadd minn dawk li jafdaw Fih ma jisfaw imħawda,” għaliex il-Mulej “Jista’, jaf kif u jrid jgħinna.” 

Ġużeppi esperjenza b’mod konkret ir-realtà tal-għajnuna ta’ Alla. Huwa jgħid li: “Qatt ma jkollna tama biżżejjed fil-Providenza ta’ Alla,” għax “Hu li jagħti l-ikel lill-għasafar tas-sema, ċertament li lilna ser jagħtina b’abbundanza akbar.” Ejjew għalhekk nirrikorru lejn Alla bl-għarfien li Huwa dejjem viċin tagħna, dejjem attent għall-ħtiġijiet tagħna.

Il-Beatu għaraf li Alla l-Missier dejjem fidil għall-Wegħdiet li jagħmel! Għalhekk dejjem poġġa l-fiduċja tiegħu Fih u kien iħeġġeġ bil-kliem: “Poġġu kollox f’idejn il-Mulej mingħajr ebda biża’ għaliex Hu qatt ma jagħmel nofs l-affarijiet,” u jiddiżappunta lil uliedu li jittamaw Fih. Kien jgħid ukoll: “Agħmlu spiss atti ta’ kunfidenza fl-imħabba ta’ Alla mingħajr qatt ma taqtgħu qalbkom.” Jew “Jekk xi drabi jħallina nistennew, hu biex jgħaddina minn prova u jfakkarna kemm aħna foqra.”

Matul ħajtu kollha, il-Beatu Ġużeppi Allamano għamel esperjenza tal-għana tat-tjubija tal-Mulej. Hu, għalhekk, ħeġġeġ bil-kliem: “Kemm jieħu gost bina l-Mulej meta nemmnu fit-tjubija tiegħu. Hu jħobb jerfgħana qrib tiegħu, anke fl-affarijiet iż-żgħar u fl-avvenimenti … Huwa jifraħ meta nuru fiduċja Fih, ikun xi jkun il-kors li jsegwi tal-avvenimenti ta’ ħajjitna.” Aħna qatt ma għandna niddubitaw mill-ġenerożità ta’ Alla lejna. Meta niftakru li Hu infinitament tajjeb, għandna nagħtuh lilna nfusna bla riservi u nafdawh b’fiduċja dejjem akbar, jiġri x’jiġri.

Kull meta l-Beatu Ġużeppi Allamano kellu bżonn xi ħaġa mingħand Alla, huwa dejjem wera tip ta’ perseveranza soda. Hu jgħallem li “Sabiex niksbu favuri mingħand Alla, irridu nitolbuh b’ħafna fidi, bil-verità u bil-fiduċja li Hu se jwettaq il-mirakli.” U jkompli: “Kuraġġ, … u dejjem imxu ‘l quddiem fil-Mulej!”

Anke fis-sitwazzjonijiet l-iktar diffiċli tal-ħajja tiegħu, il-Beatu Ġużeppi Allamano ttama kontra kull tama (Ara Rumani 4:18). Huwa jgħid li “għandna niftħu qlubna għal tama ħajja, għal tama aqwa, għax min jittama ftit fil-Mulej, ikunu qed jonqsu, għax Hu Tjubija bla qies.”

Kemm nagħmlu sew, kieku kellna nimxu fuq il-pariri ta’ dan il-beatu għaqli u għaref li sab fil-fiduċja tiegħu f’Alla, l-aqwa ġid, l-aqwa serħan tal-moħħ u tal-qalb. U x’inhu l-aħjar li jkollok minn dawn it-tnejn? 

Talba: O Alla u Missierna, il-Beatu Ġużeppi Allamano għoġbok f’kulma għamel, għax mexa fuq il-pass ta’ Ibnek l-Għażiż. Agħtina li bit-tagħlim u bl-interċessjoni tiegħu, aħna nagħmlu ħilitna kollha biex nafdawk, anki fl-affarijiet iż-żgħar, għax nafu li Inti tidderieġi kollox għall-ġid tagħna stess. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-joseph-allamano/

Alternative Reading: https://theblackcordelias.wordpress.com/2009/02/16/blessed-giuseppe-allamano-february-16/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Giuseppe_Allamano

Blessed Joseph Allamano – February 16 (Italian Rap): https://gloria.tv/video/6CHFmYPLQZ9z66vSH449ZoBM4

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started