3 ta’ Ġunju: San Karlu Lwanga u Sħabu

Verżjoni Vidjo: San Karlu Lwanga u Sħabu

“Magħqudin bejnietna, qegħdin nissieltu u nitqabdu għall-fidi tagħna taħt għajnejn Alla; sirna wirja għall-anġli tiegħu, Kristu jħares lejna. Kbir il-ġieħ u l-hena ta’ min jidħol f’din it-taqbida quddiem Alla, u jieħu l-kuruna tar-rebħa mingħand Kristu l-imħallef. Naqbdu l-armi f’idejna u nitħejjew b’ħilitna kollha għall-gwerra mqaddsa, b’fehma safja, fidi sħiħa, u b’qalbna qawwija.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira ta’ San Karlu Lwanga u Sħabu (Ġwanni 1:18, Mattew 11:27)

saints6-3uganda2.jpgSAN KARLU LWANGA U SĦABU
Martri
? – 1886

Tagħrif: Fl-1879, il-White Fathers kellhom permess mis-Sultan Mtesa tal-Uganda biex jipprietkaw l-Evanġelju f’pajjiżu u f’qasir żmien beda jkollhom suċċess ġmielu.

Iżda Mwanga, is-Sultan li laħaq wara Mtesa, qajjem persekuzzjoni qalila kontra l-Kattoliċi, li bdiet meta hu ried li l-paġġi tiegħu joqogħdu għax-xewqat żienja tiegħu, u Karlu Lwanga li kien il-kap tagħhom ma ħallihomx u waqaf bis-sħiħ lis-Sultan.

Is-Sultan sejħilhom ilkoll quddiemu u insista magħhom biex ma jibqgħux Insara. Iżda huma weġbuh li kienu ser jibqgħu Nsara sal-mewt. Meta s-Sultan semagħhom jgħidu hekk, b’rabja kbira fuqu għajjat: “Mela, agħtuhom il-mewt!”

Karlu kien l-ewwel wieħed, fost tnejn u għoxrin, li ġie mgeżwer f’tapiti tal-qasab u mogħti n-nar fil-belt ta’ Namugongo. Tnax oħra ġew maqtula maħruqa jew b’rashom maqtugħa iktar tard f’dik l-istess ġurnata, nhar il-festa ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema, 3 ta’ Ġunju, 1886. L-oħrajn ġew maqtula fi ġranet oħra.

Il-biċċa l-kbira minn dawn il-martri kienu żgħażagħ bejn it-tlettax u t-tletin sena, maqbudin fil-qorti tas-Sultan Mwanga. Wieħed minnhom, San Kizito, ta’ tlettax-il sena, kien l-iżgħar martri minħabba l-kastità. Dan, fi triqtu għall-martirju, għamel kuraġġ lil wieħed minn sħabu li kien qiegħed jibki – li aktar tard ġie meħlus – b’dan il-kliem: “Għid it-talba tal-Missierna u mut ta’ raġel.”

Sa sena wara, in-numru ta’ Kattoliċi fl-Uganda kien kiber b’mod straordinarju, u llum ilaħħaq kważi nofs il-popolazzjoni kollha.

Meta fis-6 ta’ Ġunju, 1920 dawn il-Martri tal-Uganda ġew ibbeatifikati mill-Papa Benedittu XV, preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm tlett irġiel li erbgħin sena qabel meta kienu tfal raw il-martirju ta’ dawk il-qaddisin isir quddiem għajnejhom. Fit-18 ta’ Ottubru 1964, il-Papa San Pawlu VI, ikkanonizzahom.

San Karlu Lwanga hu l-qaddis patrun taż-żgħażagħ u tal-Azzjoni Kattolika f’ħafna mill-pajjiżi tal-Afrika tropikali. Meta fl-1969 Pawlu VI żar l-Uganda biex jikkonsagra knisja ddedikata lil dawn il-qaddisin martri, qal lit-22 żagħżugħ li kien qed jgħammed: “Li tkun nisrani hi ħaġa sabiħa ħafna, imma mhux dejjem hi ħaġa ħafifa.”

Ħsieb: Qari mill-Omilija tal-Papa San Pawlu VI fil-kanonizzazzjoni tal-martri tal-Uganda bit-titlu ‘Il-glorja tal-martri hi sinjal tat-twelid ġdid’:

“Dawn il-martri Afrikani jżidu paġna oħra fil-lista tar-rebbieħa, jiġifieri fil-Martiroloġju, paġna li fiha hemm miktuba ġrajjiet ta’ niket li ma bħalu iżda wkoll glorjużi, paġna li tassew jixirqilha tiżdied mar-rakkonti ta’ l-Afrika ta’ żmien ilu. Aħna, bnedmin ta’ fidi ċkejkna, konna naħsbu li qatt iżjed ma kienu se jirrepetu ruħhom dawk ir-rakkonti.

Għax min qatt seta’ jiġih f’rasu, biex inġibu eżempju, li mal-ġrajjiet li jqanqlulek qalbek li minnhom għaddew il-martri ta’ Scilla, il-martri ta’ Kartaġni, il-martri tal-ġemgħa l-bajda ta’ Utika, imsemmijin minn Santu Wistin u Prudenzju, il-martri ta’ l-Eġittu, li San Ġwann Kriżostmu kiteb tifħir kbir fuqhom, il-martri tal-persekuzzjoni tal-Vandali, min qatt ħaseb, nerġa’ ngħid, li ma’ dawn il-ġrajjiet kienu se jiżdiedu oħrajn fi żmienna, ġrajjiet xejn inqas ta’ qawwa, xejn inqas ta’ glorja?

Min qatt seta’ jobsor li mal-martri u l-konfessuri l-kbar tal-Afrika, magħrufin ħafna fl-istorja, bħal Ċiprijanu, Feliċità u Perpetwa, u l-kbir Wistin, konna xi darba se nżidu lil Karlu Lwanga u Mattija Mulumba Kalemba, ismijiet hekk għeżież għalina, u lill-għoxrin l-oħra sħabhom? U jixraq li nsemmu wkoll lil dawk il-membri tal-istituti reliġjużi Anglikani li ħadu l-mewt għall-isem ta’ Kristu.

Dawn il-martri Afrikani bdew żminijiet ġodda tassew. Għax il-ħsieb tagħna ma jiqafx fuq il-persekuzzjonijiet u t-taħbit kontra r-reliġjon, iżda fuq it-tiġdid tal-ħajja nisranija u ċivili.

L-Afrika, imsoqqija bid-demm ta’ dawn il-martri, l-ewwel martri li ħadu l-mewt fiż-żminijiet ġodda tagħna (u jalla jkunu l-aħħar li offrew sagrifiċċju hekk kbir u hekk għażiż!), din l-Afrika qiegħda titwieled mill-ġdid, ħielsa u rajha f’idejha.

Dak l-għemil, li qered il-ħajja tal-martri, huwa ikrah tabilħaqq, imma għandu tifsira kbira, għax iġagħalna naraw li hemm biżżejjed raġunijiet ċari biex dan il-poplu ġdid jirċievi formazzjoni skont pjan morali, u jissaħħaħ bi drawwiet ġodda spiritwali biex jgħaddihom lil uliedu, ħalli b’hekk titfisser qisu b’mod simboliku u titmexxa ‘l quddiem il-mogħdija minn stat għall-ieħor; jiġifieri, mill-istat ta’ ħajja sempliċi u bla tagħlim, li fih ma kinux nieqsa xi valuri umani mill-aħjar, iżda li kien stat imniġġes u dgħajjef u qisu lsir tiegħu nnifsu, għall-istat ċivilizzat, li minnu wieħed jistenna sinjali ogħla tal-mentalità tal-bniedem u kondizzjonijiet aħjar tal-ħajja soċjali.”

Aħseb: Il-martri kienu mmanettjati, mitfugħin il-ħabs, imsawtin, ifflaġellati, maħruqin, imqattgħin, maqtulin – u baqgħu jikbru fil-għadd. (Santu Wistin)

Talba: O Alla, int għamilt mid-demm tal-martri żerriegħa tal-insara: fit-tjieba tiegħek, agħtina li jkun hemm dejjem kotra kbira ta’ frott fil-Knisja, li hi l-għalqa qaddisa tiegħek, imsoqqija bid-demm ta’ San Karlu Lwanga u sħabu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-charles-lwanga-and-companions.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-charles-lwanga-and-companions

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Charles_Lwanga

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started