2 ta’ Frar: Il-Preżentazzjoni tal-Mulej

Verżjoni Vidjo: Il-Preżentazzjoni tal-Mulej

“Dawl biex idawwal il-ġnus” – Luqa 2:32

presentation_0IL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

Tagħrif: llum, jaħbat l-erbgħin jum wara l-Milied, u l-Knisja tfakkarna fil-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju u fil-Purifikazzjoni tal-Verġni Marija.

Erbgħin jum wara t-twelid ta’ Ġesù, il-Madonna u San Ġużepp marru fit-tempju biex jagħmlu ċerimonja reliġjuża li kienet preskritta fil-Liġi ta’ Mosè biex joffru t-tarbija tagħhom bħala l-ewwel wild lil Alla. L-għan ta’ din iċ-ċerimonja kien biex il-Lhud jifhmu li l-ulied ta’ Alla, afdati f’idejn il-ġenituri, li flok Alla, kellhom jieħdu ħsiebhom.

Il-Liġi kienet tgħid ukoll li l-għonja kellhom joffru ħaruf u ħamiema bħala offerta; fil-waqt li l-foqra joffru par gamiem jew żewġ bċieċen. Din tal-aħħar kienet l-offerta tal-Madonna u ta’ San Ġużepp, għax kienu fqar. (Luqa 2:22)

Xmun, xwejjaħ li kien fit-tempju, ħa t-tarbija f’idejh u mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, għarfu bħala l-Messija Mwiegħed. U wara l-preżentazzjoni, sakemm kien qed jitkellem mal-ġenituri, daħlet il-Profetessa Anna, u hi wkoll għarfet fit-tarbija l-Messija li kien wasal.

Din il-festa tissejjaħ ukoll “il-Gandlora,” għax minħabba l-kliem li bih Xmun sejjaħ lil Ġesù: “Dawl biex idawwal il-ġnus” (Luqa 2:32), kienet daħlet drawwa fil-Knisja li jitbierku u jinxtegħlu x-xemgħat.

Il-Knisja tagħmel din il-festa mhux biss biex tfakkarna f’din il-ġrajja, iżda wkoll biex tħajjarna nerġgħu inġeddu l-offerta tagħna nfusna lil Alla.

Fir-Rużarju wkoll meta naslu fir-raba’ misteru tal-Ferħ, nieqfu naħsbu għal ftit fuq dan l-episodju.

ĦsiebFit-2 ta’ Frar, 2018, l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech qal dan fl-omelija li għamel tal-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej:

“Bħal donnu fi żminijietna kulma jmur il-lejl qed jitwal u d-dlam isir aktar iswed! Qed ngħid għad-dlam li jaħkem il-moħħ meta dan ma jibqax iffukat fuq il-verità; qed ngħid għad-dlam li jimla l-qalb meta l-imħabba vera ssir skarsa; u qed nirreferi għad-dalma tar-ruħ meta d-dubji jibdew jherru l-fidi tagħna f’Alla wieħed fi Tliet Persuni u fi Kristu Feddej tal-umanità.

Imma x’ser insewwu jekk noqogħdu neqirdu fid-dlam? Il-qrid ikompli jikkarga d-dlam. Għalhekk ikun aħjar jekk f’din is-sitwazzjoni naraw kif nistgħu nixegħlu mqar xrara waħda biex hekk negħlbu d-dlam.

Il-festa tal-Gandlora, jew aħjar, tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, hija festa tad-dawl. Fil-fatt, meta Xmun ħa f’idejh lil Ġesù tarbija, sejjaħlu ‘dawl li jdawwal il-ġnus.’ Bir-raġun, għax f’idejh Xmun kien qed jerfa’ lil Kristu li jsejjaħ lilu nnifsu ‘d-dawl tad-dinja.’ Xmun, li bħalek u bħali kien ilu fid-dlam, stejqer meta wara tant stennija u qtigħ il-qalb, fid-dawl ta’ Kristu beda jara t-tamiet ta’ ġensu jitwettqu, u hekk id-dlam jirtira: ‘Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir.’

Kif meta Marija daħlet fit-Tempju ta’ Ġerusalemm bit-tarbija f’idejha, hija kienet qiegħda ġġorr id-dawl, hekk meta aħna nidħlu fit-tempju bix-xemgħa tixgħel f’idejna, neħtieġu li nemmnu li qegħdin inġorru lil Ġesù f’idejna. Fil-fatt, kull wieħed minna jista’ jissejjaħ ‘Kristofru’ – dak li jġorr lil Kristu.

Kif Marija kienet strumentali biex id-dawl jasal fejn kien hemm id-dlam (għand Xmun u fit-Tempju), in-Nisrani llum huwa msejjaħ jirrifletti d-dawl ta’ Kristu f’dawk l-irqajja’ mudlama tal-ħajja.

Illum, kull min qed ifittex xaqq ta’ dawl, qed jistaqsi lilna d-dixxipli ta’ Ġesù x’tip ta’ risposta għandna għalih. Ma’ dawn il-persuni mhux biżżejjed li nitkellmu dwar Ġesù jew noqogħdu niddettawlhom il-katekiżmu; f’ċertu sens, dawn iridu jaraw rifless tad-dawl ta’ Ġesù.”

  • U int qed tkun dawl għal ħaddieħor billi bi kliemek u b’għemilek twasslilhom lil Kristu li jgħammar f’qalbek u f’ħajtek?

Talba: Mulej Ġesù, 40 jum wara t-twelid tiegħek, inti kont meħud fit-tempju mill-ġenituri tiegħek u ppreżentat lil Alla Missierna. Fakkarna kontinwament li aħna t-tempju tal-Ispirtu s-Santu. Agħmel li d-dawl tiegħek jidher fina. Xmun ħabbar li l-qalb ta’ Marija se tkun minfuda. Kif Marija baqgħet Miegħek fit-tbatija, nitolbuk li aħna nkunu nistgħu nkunu ta’ għajnuna ‘l dawk li jkunu għaddejja minn kull xorta ta’ tbatija. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://opusdei.org/en/article/feast-of-the-presentation/

Alternative Reading: https://www.wordonfire.org/resources/blog/why-the-feast-of-the-presentation-is-more-important-than-you-think/2203/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Presentation_of_Jesus_at_the_Temple

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started