23 ta’ Awwissu: Santa Roża ta’ Lima

Verżjoni Vidjo: Santa Roża ta’ Lima

“Mingħajr is-salib, m’hemm l-ebda sellum ieħor li minnu nistgħu naslu l-Ġenna.” Santa Roża ta’ Lima

0823_RoseOfLima

SANTA ROŻA TA’ LIMA
Verġni
1586 – 1617

Tagħrif: Santa Roża twieldet fl-20 ta’ April 1586, f’Lima, il-Peru. Meta kellha ħdax-il sena rċeviet il-Griżma tal-Isqof mingħand San Turibju, Arċisqof ta’ Lima, u ħadet l-isem ta’ Roża flok dak li kellha ta’ Isabella li kienu tawha fil-magħmudija.

Sa minn ċkunitha fid-dar rawmet ruħha fil-qdusija, u għażlet lil Santa Katarina ta’ Siena bħala mudell ta’ ħajjitha. Kienet tqatta’ ħafna ħin fit-talb u fil-mortifikazzjoni.

Billi kienet tfajla sabiħa ħafna, kienet togħrok wiċċha bil-bżar biex jitlgħalha kollu nfafet u jittebba’ ħalli b’hekk tnaqqas sbuħitha.

Meta l-ġenituri tagħha marru lura fin-negozju hi bdiet taħdem fil-ġnien matul il-ġurnata u tħit mal-lejl.

Il-ġenituri tagħha xtaquha tiżżewweġ, iżda hi ma riditx. Kienet ilha li għamlet il-vot tal-verġinità.

Meta kellha madwar għoxrin sena Roża daħlet Terzjarja Dumnikana. Bdiet tgħix għaliha waħidha f’għarix fil-ġnien, u hemm bdiet tgħaddi ħafna mill-ħin tagħha fit-talb, kontemplazzjoni u penitenza.

Minkejja li kienet tgħix ħajja maqtugħa għaliha waħidha kellha tidher quddiem l-Inkwiżizzjoni. Iżda hi impressjonat lit-Tribunal bl-umiltà tagħha u bl-għaqda tagħha ma’ Alla.

Hija żammet parti mid-dar tagħha biex tkun tista’ tieħu ħsieb it-tfal foqra, ix-xjuħ u l-morda. Jgħidu li dan kien il-bidu tas-servizzi soċjali fil-Perù.

L-aħħar tliet snin ta’ ħajjitha għaddiethom marida u fi tbatija kbira fid-dar ta’ ħabibitha li kienet il-mara ta’ mpjegat għoli mal-Gvern.

Mietet nhar l-24 ta’ Awissu 1617, meta kellha 31 sena. Il-belt kollha ta’ Lima ħarġet bi ħġarha għall-funeral tagħha, u l-aqwa nies tal-belt refgħu t-tebut tagħha.

Fl-1671, il-Papa Klement X iddikjaraha Qaddisa u Patruna tal-Perù, tal-Amerika t’isfel u tal-Filippini. Kienet l-ewwel waħda li ġiet ikkanonizzata mill-Kontinent Amerikan.

Ħsieb: Ommha u missierha xtaquha tiżżewweġ, imma hi xtaqet li timxi fuq il-passi ta’ Santa Katarina u tidħol mas-sorijiet Dumnikani. Il-familjari tagħha baqgħu jżommu sod fl-oppożizzjoni tagħhom għal din il-vokazzjoni u hi żammet sod f’li ma ssegwix il-vokazzjoni li riedu minnha – dik taż-żwieġ. Għalhekk hi baqgħet xebba, saret membru tat-terza ordni tal-lajċi Dumnikani u għexet ħajja ta’ talb u penitenza.

Jgħidu li hemm żewġ affarijiet finali li l-ġenituri jistgħu jittamaw li jgħaddu lil uliedhom. Waħda minn dawn hi l-għeruq u l-oħra hi l-ġwienaħ. Ċertament li l-ġenituri ta’ Roża taw lil binthom l-għeruq fil-fidi, imma qatgħulha l-ġwienaħ tal-vokazzjoni li għaliha ħassitha msejħa, li hi dik li tkun soru reliġjuża. Il-qaddisa sofriet ħafna minħabba dan, imma għaqdet is-sofferenzi tagħha ma’ dawk ta’ Ġesù fuq is-salib, u b’konsegwenza ta’ dan hi żviluppat ġwienaħ ġodda li bihom taret lejn it-triq tal-qdusija.

Hi ġarret is-salib tal-ubbidjenza lejn il-ġenituri tagħha bil-ferħ u tgħallmet lezzjoni, li min fejn tinsab, Alla jista’ jagħtik Hu, il-mezzi u l-grazzji li ssir qaddis/qaddisa. Roża ma qabditx it-triq li l-ġenituri xtaqu minnha, imma t-triq li qabdet wasslitha għall-qdusija. Imma fil-fatt, mhux din hi l-ħolma li l-ġenituri għandu jkollhom fuq uliedhom, jiġifieri dik li wliedhom isiru qaddisin?

B’dispjaċir ngħidu li llum hemm ħafna ġenituri li ma jixtiequx li uliedhom isiru sorijiet, qassisin jew patrijiet. Forsi għax jibżgħu li wliedhom ma jkunux kuntenti jew għax jixtiequ min għandhom in-neputijiet. Imma l-familja hi l-benniena tal-vokazzjonijiet reliġjużi u l-ġenituri għandhom jissapportjaw lil uliedhom meta huma jesprimu interess f’vokazzjoni bħal din. Ejjew nitolbu issa, ħalli l-ġenituri, huma wkoll, ikollhom qalb miftuħa għas-sejħat ta’ Alla lil uliedhom.

Talba: Mulej Ġesù, Int għidtilna li l-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema ftit; għin lill-familji tagħna llum biex jagħtu s-sapport tagħhom għas-sejħat vokazzjonali ta’ servizz fil-Knisja li uliedhom jista’ jkollhom. Nitolbu biex kull tifel u tifla tingħatalhom il-libertà u l-kuraġġ biex isegwu l-vokazzjoni li Int issejħilhom għaliha. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2015/08/saint-rose-of-lima.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-rose-of-lima/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Rose_of_Lima

Film (Gloria TV): https://gloria.tv/video/J4NPXBdukW212PH4VfBEZaEr8

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started