19 ta’ Ottubru: San Pawl tas-Salib

Verżjoni Vidjo: San Pawl tas-Salib

“Id-dinja tgħix bla ma taħseb fit-tbatijiet ta’ Ġesù, li huma l-miraklu tal-mirakli tal-Imħabba ta’ Alla … Ħares fuq il-wiċċ tal-Imsallab, li jistiednek timxi warajh. Huwa jkun Missier, Omm – u kollox għalik”. San Pawl tas-Salib

st.-paul-of-the-crossSAN PAWL TAS-SALIB
Saċerdot
1694 – 1775

Tagħrif: Pawlu Franġisku Daneo twieled f’Ovada, qrib Ġenova, l-Italja, fit-3 ta’ Jannar, 1694. Kien l-ewwel fost sitt itfal li baqgħu ħajjin minn tlettax. Kien wild ta’ familja nobbli li kienet fetħet negozju fil-Lombardija (l-Italja ta’ Fuq), imma li kienet ftaqret. Minn kmieni wera mħabba kbira lejn Ġesù Sagramentat u kien jagħmel ħinijiet twal jitlob quddiemu. F’żgħożitu għen lil missieru li kien negozjant. Fl-1713, priedka li sama’ mingħand il-Kappillan kebbsitlu qalbu bl-imħabba ikbar lejn Alla, għalkemm baqa’ ma ddeċidiex x’vokazzjoni jħaddan.

Fl-1715, mar biex jinkiteb bħala suldat fl-armata li l-Papa Klement XI kien qed iwaqqaf biex jirreżisti lit-Torok. Kien ittama li b’hekk kien ser jagħti ħajtu għall-Fidi tiegħu. Iżda fi triqtu biex jingaġġa fil-Kruċjata, għadda fi knisja biex jinvista lil Ġesù Sagramentat. Kif kien miġbur fil-kwiet qed jitlob, ra ċar li ma kienx imsejjaħ biex ikun suldat.

Fl-1719, fl-eta’ ta’ 25 sena rċieva l-Griżma tal-Isqof. Beda jħoss iktar minn qatt qabel ix-xewqa li jwaqqaf kongregazzjoni li żżomm ħajja u ssaħħaħ il-memorja tal-Passjoni ta’ Ġesù. Hu għadda minn saċerdot għall-ieħor ifittex li jieħu parir u direzzjoni. Fl-aħħar iltaqa’ mal-Isqof Gattinara ta’ Alessandria li nkurraġġieh u ħeġġu biex iwettaq dak li kellu f’moħħu. Ta’ 26 sena ġie mgħarraf permezz ta’ viżjoni biex jibda kongregazzjoni ġdida f’ġieħ il-Passjoni.

Huwa kiteb ir-Regola fl-1720 u l-Isqof tah il-permess li jilbes l-abitu tal-‘Kjeriċi Ħafjin tas-Salib u tal-Passjoni.’ Fit-22 ta’ Novembru fl-1720, l-Isqof libsu l-libsa sewda li l-Passjonisti għadhom jilbsu sal-lum. Wara, taħt id-direzzjoni tal-Isqof għamel irtir ta’ erbgħin jum.

Mar Ruma u hemm beda jistudja biex isir saċerdot. Fl-istess waqt kien idur bil-morda fl-isptar ta’ San Gallicano f’Ruma. Fis-7 ta’ Ġunju, 1727, il-Papa Benedittu XIII ordnah saċerdot. Fis-sena ta’ wara, flimkien ma’ sitt kumpanni oħra mar jgħix f’Monte Argentario fejn waqqaf dak li kellu jkun l-ewwel “Irtir” (hekk kien isejjaħ id-djar tiegħu) tal-Kongregazzjoni tal-Passjonisti. Malajr żdied l-għadd ta’ dawk li riedu jimxu fuq il-passi tiegħu u kontra qalbu, San Pawl tas-Salib ġie maħtur superjur ġenerali, kariga li baqa’ biha sa ma miet.

L-ordni ġdid tal-Passjonisti kien jgħaqqad fih l-awsterità tal-ħajja Kartużjana mal-appostolat attiv tal-Ġiżwiti biex jiġbed l-erwieħ lejn Kristu permezz ta’ kontemplazzjoni devota tal-passjoni tiegħu.

Għad li kien imħabbat bil-ħsieb tat-tmexxija tal-Ordni u tat-twaqqif ta’ Irtiri ġodda, qatt ma ħalla l-predikazzjoni tal-kelma ta’ Alla. Kien jitkellem b’ħeġġa kbira fuq il-Passjoni ta’ Ġesù. Kellu ħabta jisraq qlub il-midinbin u jikkonvertihom. L-hena tiegħu kienet li jressaq in-nies lejn Alla, u hekk inissel il-paċi f’qalbhom u jagħmilhom ferħanin u kuntenti. L-għadd kbir ta’ konverżjonijiet ma naqas qatt. Alla żejnu bid-don tal-mirakli, speċjalment dawk marbutin mal-konverżjoni ta’ midinbin iebsin u li dwarhom intilfet kull tama li jbiddlu ħajjithom.

Għal sittin sena talab biex l-Ingilterra tirritorna għall-vera fidi u kellu diversi viżjonijiet konsolanti dwar din il-ħaġa. Infatti kien permezz tal-Passjonisti li l-Kardinal Newman u eluf ta’ protestanti oħra reġgħu daħlu fil-Knisja Kattolika.

L-aħħar snin ta’ ħajtu għaddiehom Ruma fejn miet fit-18 ta’ Ottubru 1775, fl-età ta’ 81 sena. Il-Papa Piju IX ikkanonizzah fl-1867.

Ħsieb: It-tbatija, kemm jekk hi fiżika, mentali, emozzjonali jew spiritwali, tidher li hija parti inevitabbli tal-ħajja. Xi wħud jippruvaw jaħarbu mit-tbatija. Oħrajn, diżillużi bl-uġigħ, isiru konfużi dwar it-tifsira tal-ħajja u xi wħud, inkwetati mill-ħażen fid-dinja, jistaqsu dwar l-eżistenza ta’ Alla. Kemm jekk xi ħadd qed jiġġieled kontra l-inġustizzja, iġorr il-konsegwenzi tal-għażliet tiegħu stess b’dispjaċir, jew il-konsegwenzi tal-għażliet foqra ta’ ħaddieħor, mgħaffeġ mid-dnub jew mgħobbi bil-mard, Ġesù Kristu jurina li t-tbatija m’għandhiex tkun inutli. Ir-rigal tagħna nfusna fl-imħabba jinkludi aċċettazzjoni ġeneruża tat-tbatija kif il-Papa San Ġwanni Pawlu II jesprimi fit-Teoloġija tal-Ġisem:

“Huwa propju tal-qalb umana li taċċetta esiġenzi, saħansitra diffiċli, f’isem l-imħabba għal ideal u speċjalment f’isem l-imħabba lejn il-persuna (infatti l-imħabba, hija min-natura tagħha orjentata lejn il-persuna). U għalhekk f’dik is-sejħa għar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet,” l-ewwel l-istess dixxipli u mbagħad it-Tradizzjoni kollha ħajja tal-Knisja jiskopru kmieni l-imħabba li tirreferi għal Kristu nnifsu bħala l-Għarus tal-Knisja, Għarus tal-erwieħ, li lilhom huwa rregala lilu nnifsu sal-aħħar, fil-misteru tal-Għid tiegħu u tal-Ewkaristija.” (Udjenza 79:9)

Bħala membru tat-“Tradizzjoni ħajja tal-Knisja,” San Pawl tas-Salib għażel ħajja ċelibi għar-renju tas-sema u ssieħeb fl-imħabba ma’ Kristu l-Maħbub Divin tar-ruħ u mal-Knisja tiegħu. Huwa aċċetta bil-qalb u b’rieda soda l-esiġenzi li titlob l-imħabba u daħal “fil-misteru tal-Passjoni tal-Mulej u tal-Ewkaristija.” Għal din ir-raġuni, “Ġesù Kristu u lilu msallab” (1 Korintin 2: 2) sar il-motto ta’ San Pawl tas-Salib , il-missjoni tiegħu u n-natura tal-komunità reliġjuża li waqqaf, magħruf bħala Passjonisti.

San Pawl tas-Salib kien jirsisti ħafna biex inissel paċi, ferħ u hena f’ħaddieħor. Inħallu ftit minn dan l-Ispirtu ta’ dan il-Qaddis jaħdem fina, u nibdew infittxu li aħna wkoll inkunu ta’ għajnuna biex ħaddieħor iħossu ferħan u kuntent. Inkunu strumenti tal-paċi. Imma niftakru li ħadd ma jagħti minn dak li ma għandux!

Bit-tbatija tiegħu, Ġesù ta lit-tbatija valur li qatt ma kellha. It-tbatija għan-nisrani saret ‘rikkezza,’ għax meta nagħqduha ma’ dik ta’ Ġesù u noffruha għall-bżonnijiet tagħna jew ta’ xi ħadd, hi l-aktar talba qawwija li nistgħu noffru. Nistgħu wkoll noffruha bi tpattija għad-dnubiet u nibdew innaqsu miż-żmien tal-purgatorju. Din ir-rikkezza għandna nħaddmuha b’mod għaqli u ma naħlu xejn minnha. Int tagħmlu dan?

Fit-tbatija l-bniedem idur fuq Alla u jistaqsi: ‘Imma għaliex jien? X’għamilt ħażin?’ Meta niftakru li Ġesù aċċetta li jieħu fuqu dnubietna u jpatti għalihom bit-tbatija li kellu jgħaddi minnha, għandna nieqfu u nirriflettu… Ġesù, li kien bla dnub, patta għalina, imma lill-Missier ma staqsiehx: ‘Għalfejn JIEN?’ Min iħobb, jaf ibati bla ma jitlef il-paċi tal-qalb, għax jagħraf f’kull tip ta’ tbatija, valur imprezzabbli. U int, wasalt biex tagħraf dan il-valur?

Talba: Nitolbuk, Mulej, li s-saċerdot San Pawl tas-Salib jaqlagħalna mingħandek il-grazzja tiegħek, biex hu, li ħabb is-salib bi mħabba tal-għaġeb, iħeġġiġna dejjem bl-eżempju tiegħu ħalli nilqgħu bil-kuraġġ is-salib tagħna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.saintpaulofthecross.com/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-paul-of-the-cross/

Miracles of Saint Paul of the Cross (Alternative Reading): http://www.saintpaulofthecross.com/2009/09/miracles-of-st-paul-of-cross.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Paul_of_the_Cross

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started