18 ta’ Ottubru: San Luqa

Verżjoni Vidjo: San Luqa

“Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel. Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla.” Bidu tal-Ktieb tal-Atti 1:1-3 miktub minn San Luqa.

St Luke icon3SAN LUQA
Evanġelista
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Luqa kien minn Antjokja, belt ewlenija tas-Sirja. Hu kien ta’ razza u kultura Griega. Fejn, kif u meta kkonverta ma nafux. X’aktarx li kkonvertieh San Pawl f’Antjokja, iżda żgur li kkonverta qabel sewwa s-sena 50 w.K.

San Luqa kien tabib, infatti San Pawl sejjaħlu “Luqa, l-għażiż tabib” (Kolossin 4:14). Aktarx li kien ukoll jiddeletta jpitter, għax hemm xi pitturi li huma attribwiti lilu. F’Malta wkoll hemm tradizzjoni li tgħid li l-pittura tal-Madonna meqjuma fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa hi xogħol idejh, iżda xejn b’ċertezza.

San Pawl ħadu miegħu fit-tieni u fit-tielet vjaġġi tiegħu. San Luqa qatt ma ħallieh lil San Pawl jekk mhux għal xi waqtiet ta’ qadjiet għall-knejjes stess. Kien miegħu fl-aħħar priġunerija tiegħu fil-ħabs, f’Ruma.

Meta San Pawl telaq minn Ċesarija għal Ruma, Luqa kien miegħu, u miegħu kien fin-nawfraġju tiegħu f’Malta, u miegħu kien meta wara t-tliet xhur tax-xitwa telaq minn Malta, 61 – 63 W.K.

San Luqa kiteb it-tielet Vanġelu, u wara, il-ktieb tal-Atti tal-Appostli. L-istudjużi moderni jgħidu li kitibhom lejn is-sena 70 – 80 w. K. Ma nafux fejn kitibhom.

Tradizzjoni tgħid li San Luqa miet martri, imsallab ma’ siġra, f’Boeotia, il-Greċja, fil-għomor ta’ 84 sena.

Fl-arti jġibuh b’gendus. Dan għaliex jibda l-Vanġelu tiegħu bir-rakkont tal-qassis Żakkarija qed joffri sagrifiċċju fit-tempju.

Ħsieb: Il-karattru uniku ta’ Luqa jista’ jidher l-aħjar mill-enfasi tal-Evanġelju tiegħu, li ngħata numru ta’ sottotitoli:

(1) L-Evanġelju tal-Ħniena u tal-Maħfra

  • (a) Ġesù jħenn għall-batut: l-armla ta’ Najm (7:11); il-mara milwija (13:10); l-għaxar imġiddma (17:11); fejqan tal-qaddej tal-Qassis il-Kbir fil-Ġetsemani (22:51).
  • (b) Ġesù jħenn għall-midinbin: il-midinba anonima li marret tibki f’riġlejn Ġesù (7:36); Żakkew (19:1); “Il-Mulej dar u ħares lejn Pietru” (22:61); “Missier, aħfrilhom” (23:34); “Illum tkun fil-Ġenna miegħi” (23:43).
  • (ċ) Parabboli dwar il-ħniena ta’ Alla: is-siġra bla frott (13:6); id-drakma mitlufa (15:8); l-iben il-ħali (15:11).
  • (d) Ġesù jrid li aħna nuru ħniena: “Mur, u agħmel hekk int ukoll” (10:37).
  • (e) L-eżempju ta’ Luqa fir-rakkont tal-Passjoni, billi ma jsemmix ċerti dettalji, eż. ma jsemmix li Pietru ħalef, li l-kbarat tas-Sinedriju beżqu fuq Ġesù, li s-suldati għamlu kuruna tax-xewk.

(2) L-Evanġelju tas-Salvazzjoni Universali

  • (a) Luqa jurina li Ġesù ġie fid-dinja biex isalva mhux lil-Lhud biss, imma lill-ġnus kollha:
  • (i) Xmun jistqarr li Ġesù hu s-Salvatur li Alla ħejja “għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus” (2:31-32).
  • (ii) Il-Battista jiddikjara li kull bniedem jista’ jsir “bin Abraham” (3:8).
  • (iii) Fil-ġenealoġija ta’ Ġesù, Luqa jibqa’ sejjer sa Adam, missier il-bnedmin kollha (3:38).
  • (iv) Wara li jqum mill-imwiet, Ġesù jgħid lil-Appostli biex ixandru f’ismu l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet lill-ġnus kollha (24:47).
  • (b) Luqa jieħu gost isemmi kemm Alla joffri s-salvazzjoni lill-imwarrbin tas-soċjetà:
  • (i) Ir-rgħajja kienu mistmella mill-kbarat ta’ Ġerusalemm. Imma jkunu r-rgħajja li jiġu mistiedna biex imorru jaraw lil Ġesù fil-maxtura (2:8-20).
  • (ii) Il-pubblikani u s-suldati kienu mistmella mill-Fariżej u mill-qassisin, u kienu meqjusa minnhom bħala midinbin, għax kienu jaħdmu għas-saltna ta’ Ruma. Imma Ġwanni l-Battista jurihom li huma wkoll setgħu isalvaw (3:12-14).
  • (iii) Min kien jimrad b’xi marda tal-ġilda kien ikollu jitlaq minn daru u jmur jgħix kif jista’ ’l barra mill-ibliet u mill-irħula. Malli jara lil xi ħadd riesaq fil-qrib, il-marid kellu jibda jgħajjat li hu “imniġġes.”  Min imissu kien jitqies ukoll bħala “mniġġes.” Imma lil dawn il-morda Ġesù kien iħallihom jersqu quddiemu, kien imisshom u jagħtihom il-fejqan. Għax Hu kien is-Salvatur tagħhom ukoll (5:12-13).

(3) L-Evanġelju tat-Talb

  • (a) Luqa jurina lil Ġesù qed jitlob ħafna aktar milli juruhulna l-Evanġelisti l-oħra. Ġesù jitlob wara l-magħmudija (3:21); qabel ma jagħżel l-Appostli (6:12); qabel it-trasfigurazzjoni (9:28); qabel ma jgħallem it-talba tal-“Missierna” (11:1-4); jitlob għal Pietru (22:32); jitlob qabel imut (23:46).
  • (b) Ġesù jħeġġiġna biex nitolbu: il-parabbola dwar il-ħabib li jiġi f’nofs ta’ lejl (11:5-13); il-parabbola dwar l-armla li baqgħet tieħu ras l-imħallef sakemm semagħha (18:1-8).
  • (ċ) Luqa jurina diversi nies jitolbu: in-nies fit-tempju waqt ir-rit ta’ l-inċens (1:10); il-Madonna (1:46); Żakkarija (1:67); ix-xwejjaħ Xmun (2:28); Anna bint Fanwel (2:37); l-Appostli wara li jaraw lil Ġesù tiela’ s-sema (24:53).
  • (d) Luqa jagħtina tliet kantiċi mill-isbaħ bħala mudelli ta’ talb: il-“Magnificat”, jiġifieri l-Kantiku ta’ Marija (1:46-55);
    il-“Benedictus”, jew il-Kantiku ta’ Żakkarija (1:68-79); u l-Kantiku tax-xwejjaħ Xmun, “Nunc dimittis” (2:29-32).

(4) L-Evanġelju tal-Faqar

  • (a) Ġesù jagħżel li jkun fqir: jitwieled fil-faqar (2:7); jagħżel bħala ommu mara fqira (2:24); fil-ħajja pubblika tiegħu jiddependi mill-offerti ta’ l-oħrajn għall-ikel (8:3); jistqarr li ma kellux fejn imidd rasu (9:58).
  • (b) Ġesù juri kemm ir-rikkezzi jistgħu jkunu ta’ tfixkil għas-salvazzjoni: iż-żerriegħa li taqa’ qalb ix-xewk (8:14); il-parabbola tal-għani iblah (12:15); il-parabbola tal-għani u Lazzru (16:19); iż-żagħżugħ għani (18:18-30).
  • (ċ) Ġesù jisħaq li d-dixxipli tiegħu ma għandhomx jorbtu qalbhom mal-ġid tad-dinja: “Ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu” (14:33); “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (16:13).
  • (d) Minn dawk li huma fqar u ma jistgħux itejbu l-kondizzjoni tagħhom, Ġesù jitlob li jaċċettaw il-faqar tagħhom minn idejh u li jkunu ġenerużi mill-ftit li jkollhom: “Min irid jiġi warajja għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja” (9:23); Ġesù jfaħħar lil dik l-armla li “fil-faqar tagħha tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix” (21:1-4).
  • (e) Luqa jkellimna wkoll dwar dak li nsejħulu “l-faqar tal-ispirtu”, jiġifieri dwar l-atteġġjament ta’ umiltà ta’ dawk li jagħrfu kemm għandhom bżonn ta’ Alla u kemm bil-ħila tagħhom ma jistgħu jagħmlu xejn:
  • (i) Marija tagħraf li hija l-fqajra tal-Mulej (1:48)
  • (ii) Il-Bxara t-Tajba titħabbar lill-fqajrin (4:18)
  • (iii) Fil-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan (18:9-14), ikun il-pubblikan li jaqla’ l-maħfra, għax ikun hu li jagħraf kemm kellu bżonn tal-ħniena ta’ Alla.

(5) L-Evanġelju tal-Ferħ

  • (a) “L-Evanġelju tal-Infanzja” hu mimli bil-ferħ li ġġib magħha l-miġja tal-Messija:
  • (i) Jifirħu Żakkarija (1:68), martu Eliżabetta u binhom Ġwanni l-Battista (1:41-45)
  • (ii) tifraħ Marija u tinfexx f’għanja ta’ radd il-ħajr (1:47)
  • (iii) jifirħu r-rgħajja ta’ Betlehem li l-anġlu jwasslilhom aħbar ta’ ferħ kbir (2:10)
  • (iv) jifraħ Xmun, raġel ġust li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel (2:28), u tifraħ ukoll Anna bint Fanwel (2:38).
  • (b) Ġesù nnifsu jitqanqal bil-ferħ u jfaħħar lil Missieru li kien qed jagħti l-grazzja tiegħu liċ-ċkejknin (10:21).
  • (ċ) Il-folol jifirħu meta jaraw il-mirakli ta’ Ġesù (13:17), u meta jaraw lil Ġesù dieħel Ġerusalemm (19:37).
  • (d) Ġesù jirrakkonta tliet parabboli li fihom juri l-ferħ li jkun hemm fis-sema meta midneb jikkonverti: il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, il-parabbola tad-drakma l-mitlufa, u l-parabbola tal-iben il-ħali (kap 15).
  • (e) Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jifirħu għall-premju li Alla lestielhom fis-sema: “Ifirħu, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet” (6:22-23); “Ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet” (10:20).
  • (f) L-Appostli jifirħu meta jidhrilhom Ġesù wara li jqum mill-imwiet (24:41), u meta jarawh tiela’ s-sema (24:50-53).

(6) L-Evanġelju tal-Ispirtu s-Santu

  • (a) Marija tnissel lil Ġesù fil-ġuf tagħha bil-qawwa tal-Ispirtu
    s-Santu (1:35).
  • (b) Eliżabetta (1:41), Żakkarija (1:67), u x-xwejjaħ Xmun (2:27)
    jagħrfu li l-Messija kien wasal, bid-dawl li jagħtihom l-Ispirtu s-Santu.
  • (ċ) Meta Ġesù tgħammed fil-Ġordan, l-Ispirtu s-Santu wera li kien il-Messija billi deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema (3:22).
  • (d) Il-ġlieda tiegħu kontra x-Xitan, Ġesù jagħmilha mimli bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (4:1).
  • (e) Fil-ħidma kollha li wettaq għas-salvazzjoni tagħna, Ġesù kellu dejjem miegħu lill-Ispirtu s-Santu. Ġesù nnifsu jistqarr: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi” (4:18).
  • (f) Lill-Appostli Ġesù jgħidilhom li huma wkoll kien se jkollhom id-dawl u l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu (24:49).
  • (g) Fil-persekuzzjonijiet li jkollha l-Knisja, l-Insara mhumiex se jitħallew weħidhom; se jkollhom l-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu (12:11-12).

Imma fuq kollox, San Luqa jurina lil Ġesù bħala s-Salvatur ħanin tal-bnedmin kollha. Ma ninsewx li San Luqa kien tabib; kien iħenn għal kull marid li jara, u jipprova jgħinu. Għalhekk fehem li Ġesù hu t-tabib tagħna lkoll, it-tabib li jfejjaqna mill-pjagi tar-ruħ tagħna, u li jgħallimna kif għandna ngħixu fl-imħabba lejn Alla u lejn xulxin.

  • U inti tmur għand dan it-Tabib Divin fil-bżonnijiet tiegħek kemm tal-ġisem kif ukoll tar-ruħ?
  • Tapplika t-tagħlim tiegħu bħala l-mediċina li biha tfieq, tissaħħaħ u tibqa’ b’saħħtek?

Ejjew ilkoll immorru niġru għand Dan it-Tabib li mhux bħall-oħrajn. Nistgħu nagħmlu appuntament miegħu kuljum. Huwa Tabib tajjeb tassew u uniku! Hu qatt ma jżommna nistennew, ma jitlob minna l-ebda ħlas, joffri pariri li jagħtu l-ħajja u jippreskrivi Lilu Nnifsu bħala kura għall-mard kollu! Skont San Luqa u tant u tant oħrajn, din taħdem dejjem! Dan it-Tabib jgħid ukoll li saħansitra dożi regolari se jżommuna ħajjin għal dejjem f’saħħa perfetta! Jien nemmnu! U Inti? Il-laqgħa tagħna miegħu hi msejħa: IL-QUDDIESA! Dejjem jistenniek!

Talba: Mulej Alla tagħna, int għażilt lil San Luqa biex, bil-kelma u l-kitba, ixandar il-misteru tal-imħabba tiegħek għall-foqra; ħares lil dawk li tajthom il-ġieħ ta’ wliedek u żommhom sal-aħħar qalb waħda u ruħ waħda, u agħmel li l-ġnus kollha jaraw is-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

Qari animat tal-Evanġelju Skont San Luqa bil-Malti: https://www.youtube.com/watch?v=PKUIRI1ipbI&list=PLC73D4CC47EDE3730

English Version: https://www.vaticannews.va/en/saints/10/18/st–luke–evangelist–physician—patron-of–artists.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-luke/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Luke_the_Evangelist

Qari animat tal-Evanġelju Skont San Luqa bil-Malti:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-Ħsieb meħud minn kitba ta’ Dun Karm Attard.

Design a site like this with WordPress.com
Get started