8 ta’ Marzu: San Ġwann ta’ Alla

Verżjoni Vidjo: San Ġwann ta’ Alla

“Tassew, ngħidilkom, kemm għamiltu ma’ wieħed minn dawn iż-żgħar tiegħi, għamiltuh miegħi. Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġwann ta’ Alla.

miracles_of_st_john_of_godSAN ĠWANN TA’ ALLA
Reliġjuż
1495 – 1550

Tagħrif: San Ġwann twieled f’Montemor, il-Portugal, fl-1495, minn ġenituri fqar iżda nsara tajbin.

Żogħżitu għaddieha fi Spanja, ma’ ragħaj sinjur, u kien sejjer tajjeb ħafna miegħu, sakemm dan ried iżewġu lil bintu. Billi San Ġwann ma riedx jiżżewweġ telaq, u daħal suldat.

Ħa sehem fil-gwerra kontra Franza, u fl-Ungerija kontra t-Torok, fiż-żmien li Karlu V kien Re ta’ Spanja. Il-kumpanija ħażina nissietu l-prattika tar-Reliġjon u ttraskuraha bis-sħiħ.

Fl-1536, ħareġ minn suldat, u sab jaħdem bħala ragħaj. Bil-mod beda jbiddel ħajtu. Wasal biex iddeċieda li jmur l-Afrika biex jeħles l-ilsiera ħalli jpatti għal dnubietu. Issa kellu 40 sena. Mill-Afrika mar Ġibiltà. Fl-1538, kien fi Granada, Spanja, fejn fetaħ ħanut u beda jbigħ kotba, santi, inkwatri tal-qaddisin u affarijiet reliġjużi.

Ġurnata waħda, sama’ prietka mingħand il-Beatu Ġwanni ta’ Avila, u tant laqtitu li ta kull ma kellu lill-foqra, u beda jibki dnubietu pubblikament fit-toroq. Spiċċa biex daħħluh għal żmien qasir bħala pazjent fi sptar tal-moħħ.

Fl-1540, kera dar u beda jżomm fiha nies morda li kienu fqar. Kien jieħu ħsiebhom kollox waħdu. Kien idur bihom, u fl-istess waqt kien isib il-ħin biex ibigħ l-injam u xi affarijiet oħra biex jaqla’ l-għixien tiegħu ta’ kuljum. F’qasir żmien, l-għajnuna mingħand il-qassisin, tobba u bosta oħrajn bdiet ġejja qatigħ.

Tnejn min dawk li offrew lilhom infushom biex jgħinu lil San Ġwann, kienu għedewwa ta’ xulxin, għamlu paċi, u saru l-qalba tal-Ordni “Fratelli Ospidalieri ta’ San Ġwann ta’ Alla”, li twaqqaf għoxrin sena wara mewtu.

Fl-Italja huma msejħin il-Fatebene Fratelli, mill-espressjoni komuni tal-qaddis: “Agħmlu l-ġid, ħuti.” Hu impenja ruħu għall-kura tal-morda b’ħeġġa li donnha ma kellhiex limitu. Wara għaxar snin ta’ ħidma iebsa hu waqa’ marid. L-aħħar marda tiegħu kienet verament edifikanti, kif wara kollox kienu l-aħħar 15-il sena ta’ ħajtu.

San Ġwann t’Alla miet għarkopptejh quddiem l-artal, nhar it-8 ta’ Marzu,1550, dakinhar li għalaq 55 sena. Ġie kkanonizzat mill-Papa Alessandru VIII fl-1690. Il-Papa Ljun XIII ħatru Patrun tal-Isptarijiet u tal-agunizzanti, tal-morda, tal-infermiera u l-isptarijiet.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum fil-knisja tal-patrijiet tiegħu fi Granada. San Rikardu Pampuri, u San Ġwanni Grande, il-Beatu Beneditt Menni, u 71 Beati Martri Spanjoli kienu reliġjużi Ospedaljieri.

Ħsieb: Kien jismu Ġwanni Ciudad u twieled f’Montemor-o-Novo, ftit ’il-bogħod minn Lisbona, fil-Portugal, minn ġenituri foqra iżda ta’ ħajja qaddisa. L-ewwel snin tiegħu għaddiehom bħala ragħaj, f’safa kbira u fil-virtù; imma meta kiber, il-ħbiberija ħażina kienet il-kawża li naqqsitlu l-ħajja virtuża li kellu qabel.

Meta wara l-konverżjoni tiegħu, l-isptar ta’ Granada li fih hu u sħabu kienu jduru bil-morda, ħa n-nar. San Ġwann u sħabu għaddew minn bejn il-fjammi, u ssugraw ħajjithom, biex iġorru l-morda u jeħilsuhom mill-mewt.

Dan jgħallimna x’differenza tagħmel il-kumpanija! Meta kien fil-kumpanija tal-ġenituri qaddisa tiegħu, kien jgħix f’safa kbira u f’ħajja ta’ virtù. Aktar tard, il-kawża li naqqsitlu l-ħajja virtuża kienet il-kumpanija ħażina ta’ sħabu. Meta ġie f’sensieh u kkonverta tant li ried ipatti għal dnubietu b’għemejjel tajba, kien huwa stess li ġibed kumpanija tajba ta’ rġiel li bħalu bdew jaqdu lill-morda. Mhux biss, din il-kumpanija waqqfet l-Ordni “Fratelli Ospidalieri ta’ San Ġwann ta’ Alla”, għoxrin sena wara mewtu. U b’hekk il-frott it-tajjeb intiret u tkattar. Daqs kemm nistgħu ninġarru mal-kurrent, daqshekk ieħor nistgħu nibqgħu sodi, ngħixu ħajja li togħġob lil Alla u li tiġbed kumpanija tajba ta’ persuni li jinġibdu mill-eżempju tal-ħajja tagħna. L-għażla tibqa’ dejjem f’idejna.

Fir-rakkont tal-istorja ta’ San Ġwann, insibu li darba l-Arċisqof bagħat għal Ġwanni ta’ Alla wara li saru xi rapporti li kien qed iżomm nies vagabondi u nisa tat-triq ġewwa l-isptar tiegħu. B’umiltà kbira niżel għarkupptejh u qallu: “Iben il-bniedem ġie għall-midinbin u aħna fid-dmir li ngħinuhom jikkonvertu. Jien ma kontx fidil lejn il-vokazzjoni tiegħi għax traskurajtha, imma nistqarr li ma naf l-ebda persuna ħażina fl-isptar ħlief jien innifsi li ma jistħoqqlix niekol ħobż minn tal-fqar.” Dan jurina li minkejja li kien sar mudell għal bosta nies li bdew jgħinu fl-istess ħidma ta’ karità, huwa baqa’ umli u dejjem b’attitudni ta’ bniedem niedem.

  • U int, kemm tfittex li tgħix bħala persuna umli u dejjem niedma minn dnubietek?
  • X’qed tagħmel biex bħal San Ġwann ta’ Alla, turi tjieba u ħniena ma’ min hu mġarrab mill-hemm tad-dinja?
  • Tifhem li dak li tagħmel mal-oħrajn, Ġesù jqisu magħmul lilu nnifsu?
  • Kemm tfittex li tgħin lil ħaddieħor jinbidel b’ħajja ta’ virtù u ta’ karità  nisranija?

Talba: O Alla, inti tajt lill-qaddej tiegħek San Ġwann qalb kollha ħniena għall-proxxmu; nitolbuk biex, b’għemejjel ta’ mħabba, jistħoqqilna nissieħbu mal-magħżulin tiegħek fis-saltna tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-john-of-god.html

Alternative Reading: https://www.sjog-na.org/our-founder/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_of_God

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started