18 ta’ April: Beata Marija tal-Inkarnazzjoni

Verżjoni Vidjo: Beata Marija tal-Inkarnazzjoni

“Min jibqa’ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.” – Ġesù  f’Mattew 10:22

mary-of-the-incarnation-e1541020484770.jpgBEATA MARIJA TAL-INKARNAZZJONI
Reliġjuża
1566 – 1618

Tagħrif: Twieldet f’Pariġi fl-1 ta’ Frar 1566, minn familja Nisranija ħafna. Kienet bint Nicholas Avrillot li kien Ministru tal-Finanzi u wara laħaq il-Kanċillier tar-Reġina Margarita ta’ Valois, li aktar tard iżżewġet lill-futur Re Neriku IV. Isimha kien Barbe.

Barbe rċeviet l-edukazzjoni tagħha għand is-sorijiet Franġiskani ta’ Long Champs, fejn zijitha kienet is-superjura. Barbe kienet iddeterminata li tkompli tgħix il-ħajja reliġjuża, imma ommha daqstant ieħor kienet iddeterminata li Barbe tiżżewweġ skont il-moda tal-klassi għolja ta’ dak iż-żmien.

Kellha 11-il sena meta għamlet l-Ewwel Tqarbina u minn dakinhar bdiet tħoss il-ġibda għall-ħajja reliġjuża. Ta’ 14-il sena ħaditha ma’ ommha u ma riditx taf bi żwieġ. Ommha ġagħlitha tgħix f’kamra għal sentejn, kamra li ma kinitx imsaħħna, biex forsi Barbe ċċedi.

Ta’ 16-il sena Barbe aċċettat li tiżżewweġ lil Pierre Acarie, Viskonti ta’ Villemore, żagħżugħ intelliġenti, avukat sinjurun u kattoliku ferventi. Ma setgħetx ikollha raġel aħjar. Pierre kien jgħin lir-rifuġjati Kattoliċi Ingliżi mill-persekuzzjoni tar-Reġina Eliżabetta.

Barbe fl-aħħar ċediet li tibda tilbes ħwejjeġ tal-moda skont il-pożizzjoni tagħha. Tant kienet tidher sabiħa li qalgħuhielha “La Belle Acarie.” Il-koppja kellha sitt itfal. Barbe kienet tgħaddi wisq ħin fuq kif ser tgħix skont il-klassi ta’ dak iż-żmien. Pierre nduna b’dan, li kienet qiegħda tgħaddi ħafna ħin taqra r-rumanzi. Din il-ħajja ta’ tgawdija u xalar ma damitx sejra, u bidlilha l-kotba ma’ dawk aktar spiritwali.

Bil-mod il-mod Pierre ntebaħ li Barbe kienet bdiet tgħix ħajja spiritwali intima, li xi drabi wassluha għal estasi. Kien patri kapuċċin Ingliż, Fr Benet Canfield li assiguraha li l-esperjenzi li kienet tgħaddi minnhom kienu ġejjin minn Alla.

Nerik IV attakka lil Pariġi, Pierre ġie eżiljat u peress li kien nefaq somom kbar biex jiddefendi lill-Kattoliċi, Barbe sabet ruħha f’sitwazzjoni kerha ferm. It-tfal bagħatithom għand is-sorijiet. Marret tgħix mal-kuġin tagħha, ħadet f’idejha d-difiża tar-raġel. Kienet tmur tarah regolarment, Soissons, fejn kien 60 km ’il bogħod. Waqgħet darbtejn minn fuq iż-żiemel u kisret saqajha. Ħadulha kull ma kellha u ġiet umiljata sal-aħħar.

Fl-1593, ir-Re Neriku IV reġa’ sar Nisrani u Pierre ġie meħlus u sab ruħu bla flus, bla xogħol u sab li d-dar tbiddlet f’post ta’ spiritwalità. Barbe rsistiet biex tagħmel xogħol ta’ ħajja Nisranija għal Franza u waqqfet il-“Karmelitani ta’ Franza”. Għenet biex twaqqaf is-Soċjetà tal-Oratorjani.

Fl-1613, Pierre miet wara li daret bih sal-aħħar. Wara l-mewt tiegħu, iddisponiet mill-propjetà u l-ġid kollu tagħha u daħlet mas-Sorijiet Karmelitani ta’ Amiens.

(Nota: Fl-1792, 16-il soru minn dan il-monasteru mietu martri fir-Rivoluzzjoni Franċiża – Il-Beati Karmelitani).

Tawha l-isem ta’ Marija tal-Inkarnazzjoni. Kienet tagħmel il-faċendi, tgħin fil-kċina u l-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha għaddiethom mingħajr ma ħadd jagħti kas tagħha, sħabha jikkonfrontawha, jgħajjruha u ma jikkalkulawhiex.

Minħabba l-marda kerha li kellha, ħaduha f’kunvent ieħor f’Pontoise. Mietet fit-18 ta’ April 1618, kien l-Għid, kellha 52 sena. Il-Papa Piju VI bbeatifikaha fl-1791.

ĦsiebUkoll jekk mara tal-familja, il-Beata Marija tal-Inkarnazzjoni kienet ta’ għajnuna kbira lil bosta persuni fil-bżonn waqt l-assedju ta’ Pariġi tal-1590, u ħadmet ħafna biex ir-Riforma Protestanta ma tinxteridx ġewwa Franza. Hi kellha bosta grazzji mistiċi, imma wkoll provi kbar, bħal meta żewġha ġie eżiljat minn Franza għal xi żmien mir-Re Enriku IV minħabba li l-Lega li tagħha kien membru, ġiet mirbuħa. Wara li fl-1601 ġew f’idejha l-kitbiet ta’ Santa Tereża, hi xtaqet ħafna li dawn l-ulied tar-Riformatriċi Spanjola jaslu f’pajjiżha.

Wara li ġabet il-permessi kollha meħtieġa mir-Re, li tant kellu ammirazzjoni lejha, u mill-Papa Klement VIII, nhar is-17 ta’ Ottubru tal-1604, infetaħ l-ewwel monasteru ġewwa Franza (Pariġi) bil-miġja ta’ sitt sorijiet Spanjoli, fosthom il-Beata Anna ta’ San Bartilmew, sieħba u infermiera ta’ Santa Tereża nnifisha u l-qaddejja ta’ Alla, Anna ta’ Ġesù. Fi ftit snin u fi żmien l-istess Beata Marija tal-Inkarnazzjoni nfetħu l-monasteri ta’ Pontoise, Dijon u Amiens. It-tliet uliedha bniet li għexulha, daħlu sorijiet, kif għamlet hi wkoll wara l-mewt ta’ żewġha fl-1614 ġewwa l-monasteru ta’ Amiens bħala soru-konversa bl-isem ta’ Marija tal-Inkarnazzjoni. Xogħolha l-aktar li kien jikkonsisti kien bħala koka u infermiera. Fl-1616, ġiet trasferita fil-monasteru ta’ Pontoise, fejn issa jinsabu r-relikwi tagħha.

X’xorti kbira għandu l-bniedem meta l-Mulej jixħet għajnejH fuq iċ-ċokon tagħna u jużana bħala strumenti fqajra għall-opra tiegħU. Alla jerfa’ lill-umli, imma jistkerraħ lil l-kburin. Dak hu dak li jagħmel Alla mal-bniedem umli, id-deżert ibiddlu f’oasi, id-dlam f’dawl, il-bniedem midneb f’Mistiku. BASTA L-BNIEDEM JKUN UMLI. Iva Alla jbiddel id-deżert f’oasi, kif għamel ma’ Abraham, li ukoll jekk imdaħħal fiż-żmien, isir il-missier ta’ ġens kbir.

Dak li Alla jista’ jkompli jagħmel miegħek u permezz tiegħek, huwa tal-għaġeb … jekk biss tħalliH! L-għażla f’idejk ħabib/a!

Talba: Missier tagħna tas-Sema, Inti tajt lill-Beata Marija tal-Inkarnazzjoni l-qawwa erojka biex setgħet taffaċċja kull tip ta’ kuntrarju tul it-triq ta’ ħajjitha, u l-ħeġġa biex hija testendi l-familja Karmelitana fid-dinja. Għat-talb tagħha, agħti lilna wkoll, uliedek, biex b’kuraġġ ngħaddu minn kull prova u nipperservaw sal-aħħar fl-imħabba tagħna lejk. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version:  https://www.madame-acarie.org/en/home-english/

Alternative Reading: https://sanctoral.com/en/saints/blessed_mary_of_the_incarnation_carmelite.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Marie_of_the_Incarnation_(Carmelite)

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa meħud minn omelija ta’ Patri Juan Debono (7 ta’ Ġunju 2018) ġewwa s-Santwarju Santa Tereża, B’Kara.

Design a site like this with WordPress.com
Get started