16 ta’ Mejju: Santa Margerita minn Cortona

Verżjoni Vidjo: Santa Margerita minn Cortona

“Hu li jaħfer dnubietek kollha; ifejjaq il-mard tiegħek kollu; jifdi lil ħajtek mill-qabar; iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena.” – Salm 103:3-4

St Mary's Basilica Phoenix AZ Saint Margaret of Cortona St. Margaret of Cortona

SANTA MARGERITA MINN CORTONA
Penitenti
1248 – 1297

Tagħrif: Twieldet Alviano, ħdejn Terni fit-Toscana. Ta’ seba’ snin tilfet ’l ommha, u sentejn wara missierha reġa’ żżewweġ. Kienet ta’ natural li jitlob l-imħabba, u din ftit sabitha minn mart missierha.

Ta’ sbatax-il sena, iltaqgħet ma’ kavallier żagħżugħ u ħarbet miegħu minn dar missierha, bit-tama li tiżżewġu. Għexet miegħu għal disa’ snin fil-kastell ħdejn Montepulċjano, titolbu dejjem biex jiżżewwiġha; iżda ta’ xejn minkejja l-frott li kellhom, għad li fuq qalbha.

Anki f’dan il-perjodu ta’ dnub, kellha mħabba kbira lejn il-fqar u kienet tgħinhom kemm tista’. Kienet ukoll tfittex ta’ sikwit xi mkien imwarrab, fejn tista’ taħseb fuq ħajja ta’ penitenza u ta’ mħabba t’Alla.

Wara disa’ snin ta’ din il-ħajja fid-dnub, fl-1274, miet traġikament il-maħbub tagħha. Raddet kull ma kien taha lill-familja tiegħu, u biċ-ċkejken marret tħabbat wara bieb missierha. Kien jilqagħha iżda martu ma riditx u kellha titlaq għal għonq it-triq.

Id-demonju fesfsilha li tinnegozja sbuħitha. Iżda talbet bil-ħrara u semgħet bħal leħen iwissiha biex tmur tħabbat wara bieb il-kunvent tal-Franġiskani fil-belt ta’ Cortona u titlobhom biex imexxuha huma. Għamlet qrara ġenerali għand patri Franġiskan, li mistagħġeb bl-indiema tagħha taha l-assuluzzjoni.

Għal tliet snin għaddiet ħajja ta’ penitenza u t-tentazzjonijiet aktar saħħuha biex tagħti ruħha għal kollox ’l Alla. Kienet issum ħobż u ħaxix ta’ sikwit, u b’hekk ħarġet rebbieħa fuq il-ġibdiet tad-dinja. Wara tliet snin ta’ prova aċċettawha bħala penitenti terzjarja tal-ordni ta’ San Franġisk. Bħall-qaddis ta’ Assisi, kienet tiġbor biex tgħix, u fl-istess ħin taqdi lill-proxxmu tagħha u ddur bil-morda.

Hija ħabirket li teduka lil binha li wara sar Franġiskan u wara x-xogħol kienet tiddedika lilha nnfisha għall-morda fqar minn rajha u b’don ta’ organizzatriċi. Mal-ħidma tagħha ta’ kuljum hija kienet issib ħin biex timmedita l-Passjoni ta’ Kristu u tagħmel ħin ta’ adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija li lejh kellha devozzjoni kbira. Kienet torqod f’ċella qrib il-knisja ta’ San Franġisk fuq mejda tal-injam. Kienu jiġu għandha nies għall-pariri u biex tagħmilha ta’ medjatriċi bejn partijiet miġġielda, bejn in-nies ta’ Cortona u l-Arċisqof ta’ Arezzo.

Kien fis-sena 1277, li semgħet għall-ewwel darba leħen jistaqsiha: “xi trid, ‘poverella’?” Hi wieġbet: “ma rrid xejn ħliefek, Mulej!” Wara żmien il-leħen beda jsejħilha “binti” u mhux aktar “l-imsejkna.”

Waqqfet sptar għall-morda fqar u biex iduru bihom waqqfet kongregazzjoni ta’ Sorijiet Terzjarji, taħt l-isem ta’ “Le Poverelle”. Waqqfet ukoll konfraternità tal-Madonna tal-Ħniena.

Fl-1288, marret tgħix ħdejn il-knisja ta’ San Bażilju, biex tkun aktar fil-ġabra. Hawn għaddiet l-aħħar snin ta’ ħajjitha u hawn difnuha wara li għexet għal 23 sena ħajja penitenti u mkebbsa bl-imħabba t’Alla.

Wara mewtha, fit-22 ta’ Frar, 1297, il-belt bi ħġarha bdiet tqimha bħala “beata.” Il-knisja ta’ San Bażilju reġgħet inbniet b’isimha, u ġisimha jinsab inkorrott sal-lum magħluq ġo kaxxa tal-fidda fuq l-altar maġġur.

Kienet ikkanonizzata uffiċjalment mill-Papa Benedittu XIII fis-16 ta’ Mejju fis-sena, 1728. Il-fdalijiet tagħha jinsabu fis-santwarju ddedikat lilha ġewwa Cortona. Fra Giunta Bevegnati, id-direttur spiritwali tagħha, kiteb il-“Leġġenda ta’ Santa Margerita,” li fiha r-revelazzjonijiet li kellha.

Ħsieb: Xi kultant l-indiema u t-tfittxija tal-maħfra hija biċċa xogħol diffiċli. Tiffaċilita billi tisma’ jew tiltaqa’ ma’ nies li, ma baqgħux lura milli jistqarru dnubiethom b’umiltà quddiem is-saċerdot (li jirrapreżenta lil Kristu) fil-Qrar. Dawn in-nies jassigurawna li Alla huwa dak li jiċċelebra l-indiema tagħna. Li tkun maħfur/a jfisser li tfaffef il-piż, timtela b’dik il-paċi tal-Mulej li d-dinja qatt ma tista’ tagħtina u dan iqanqalna għall-atti ta’ karità u mħabba kollha ħniena lejn ħutna l-bnedmin. Din kienet l-esperjenza ta’ Santa Margerita minn Cortona u forsi hi jew għad tkun l-esperjenza tiegħek li qed taqra dan bħalissa. L-esperjenza tal-Ħniena t’Alla, tat-tgħanniqa tiegħu ta’ mħabba fidila u safja hi l-isbaħ u l-aħjar esperjenza li bniedem jista’ jgħaddi minnha f’din id-dinja. Jekk il-bniedem ma jgħaddix minnha f’din id-dinja, jitlef ukoll li jgħaddi minnha fil-ħajja li jmiss u din iddum eternità!!

Forsi iebsa u tal-mistħija biex tfittex saċerdot u tumilja ruħek quddiemu fil-Qrar billi tistqarr id-dnubiet tiegħek, imma taħseb int li għal Kristu, li jmut għeri fuq is-salib biex ipatti għal dnubietek kienet faċli? Għax miet Hu minflokok, issa jista’ jgħidlek permezz tas-saċerdot, “Dnubietek maħfura, mur fis-sliem.”

Dan kliem il-Papa Franġisku dwar is-Sagrament tal-Qrar li hu jsejjaħlu s-Sagrament tal-Fejqan (minn Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku tad-19 ta’ Frar, 2014):

“Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni hu sagrament li jfejjaq. Meta jien immur inqerr, dan nagħmlu biex infiq, infejjaq ruħi, infejjaq qalbi u xi ħaġa li għamilt li m’hix tajba. L-aħjar xbieha Biblika biex infissruhom, fir-rabta qawwija ta’ bejniethom, hi l-episodju tal-maħfra u tal-fejqan tal-mifluġ, fejn il-Mulej Ġesù jidher bħala tabib tar-ruħ u tal-ġisem fl-istess waqt (ara Mk 2:1-12 // Mt 9:1-8; Lq 5:17-26).

1. Is-Sagrament tal-Penitenza u tar-Rikonċiljazzjoni joħroġ direttament mill-Misteru tal-Għid. Fil-fatt, dakinhar stess tal-Għid fil-għaxija l-Mulej deher lid-dixxipli tiegħu, magħluqa fiċ-ċenaklu, u, wara li sellmilhom bil-kliem “Il-Paċi magħkom!” nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġwanni 20:21-23). Din is-silta tikxef id-dinamika hekk qawwija li nsibu f’dan is-sagrament.

Qabel xejn, il-fatt li l-maħfra ta’ dnubietna m’hix xi ħaġa li nistgħu nagħtu aħna stess lilna nfusna. Jien ma nistax ngħid: ‘Naħfer id-dnubiet tiegħi.’ Il-maħfra rridu nitolbuha, nitolbuha lil xi ħadd ieħor, u fil-Qrar nitolbu maħfra lil Ġesù. Il-maħfra m’hix frott it-tħabrik tagħna, imma hi rigal, hi don tal-Ispirtu s-Santu, li jimliena b’xita ta’ ħniena u ta’ grazzja li tinżel bla waqfien minn ġol-qalb miftuħa ta’ Kristu li miet u rxoxta. It-tieni nett, tfakkarna li nistgħu nkunu tabilħaqq fil-paċi biss jekk inħallu lill-Mulej Ġesù jirrikonċiljana mal-Missier u ma’ ħutna. U dan kollu nħossuh f’qalbna meta mmorru inqerru, b’qalbna tqila, xi ftit imdejqin; u meta nirċievu l-maħfra ta’ Ġesù, inħossuna fil-paċi, dik il-paċi tar-ruħ hekk sabiħa li Ġesù biss jista’ jagħtina, Hu biss.

2. Mhux biżżejjed nitolbu maħfra lill-Mulej fil-moħħ tagħna u f’qalbna, imma hu meħtieġ li b’umiltà u fiduċja nistqarru dnubietna quddiem il-ministru tal-Knisja. Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-sagrament, is-saċerdot mhux qiegħed hemm jirrappreżenta biss lil Alla, imma lill-komunità kollha, li tidher fid-dgħufija ta’ kull membru tagħha, li kollha mqanqla tisma’ l-att ta’ ndiema tiegħU, li titħabbeb mill-ġdid miegħU, li tfarrġu u tterraq miegħu l-mixja ta’ konverżjoni u maturità umana u Nisranija.

Wieħed jista’ jgħid: Jien nistqarr dnubieti biss quddiem Alla. Iva, tista’ tgħid lil Alla “aħfirli”, u tistqarrlu dnubietek, imma dnubietna huma wkoll kontra ħutna, kontra l-Knisja. Għalhekk hemm bżonn nitolbu maħfra lill-Knisja, lil ħutna, fil-persuna tas-saċerdot. “Imma Dun, jien nistħi…”. Anki l-mistħija hawn hi ħaġa tajba, hi ħaġa sana li jkollok xi ftit tal-mistħija, għax li tistħi hi ħaġa tajba. Meta persuna ma tistħi minn xejn, f’pajjiżi ngħidu li hi “mingħajr mistħija”: “sin verguenza”. Imma anki l-mistħija hi ħaġa tajba, għax tagħmilna iżjed umli, u s-saċerdot jilqa’ bi mħabba u bi ħlewwa din l-istqarrija u f’isem Alla jaħfrilna. Anki mill-ottika umana, biex niżvoga, hi ħaġa tajba li niftaħ qalbi ma’ ħija u naqsam mas-saċerdot dawn l-affarijiet, li qed itaqqlu tant lill-qalb tiegħi. U wieħed iħossu jiżvoga quddiem Alla, mal-Knisja, ma’ ħuh. Tibżgħux mill-Qrar!

Meta wieħed ikun għadu qiegħed jistenna biex iqerr, iħoss dawn il-ħwejjeġ kollha, il-mistħija wkoll, imma mbagħad meta jtemm il-Qrara, joħroġ ħieles, kbir, sabiħ, maħfur, safi, hieni. Dan hu s-sabiħ tal-Qrar! Nixtieq nistaqsikom – imma tgħidulix b’vuċi għolja, imma kull wieħed u waħda jwieġeb f’qalbu –: Meta l-aħħar li qerrejt? X’qerrejt? Kull wieħed u waħda jaħseb ftit… Jumejn, ġimagħtejn, sentejn, għoxrin sena, erbgħin sena? Kull wieħed jagħmel il-kontijiet tiegħu, imma kulħadd jistaqsi lilu nnifsu: ‘Meta kien l-aħħar li qerrejt?’ U jekk għadda ħafna żmien, titlifx ġurnata oħra, mur, is-saċerdot ikun twajjeb miegħek. Hu Ġesù li jinsab hemm, u Ġesù hu wisq itjeb mill-qassisin, Ġesù jilqgħek għandu, jilqgħek għandu b’tant imħabba. Agħmel il-qalb u mur qerr!

3. Għeżież ħbieb, niċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jfisser li nħallu ddawwarna tgħanniqa kollha mħabba: hi t-tgħanniqa tal-ħniena bla tarf tal-Missier. Niftakru f’dik il-parabbola hekk sabiħa tal-iben li telaq mid-dar bil-flus tal-wirt; nefaq il-flus kollha fil-ħela, u mbagħad, meta ma kien għad fadallu xejn, iddeċieda li jmur lura d-dar, mhux bħala iben, imma bħala qaddej. Kemm ħass ħtija u mistħija f’qalbu! Is-sorpriża kienet li meta beda fetaħ ħalqu biex jitlob maħfra, il-missier ma ħalliehx jitkellem, imma għannqu miegħu, biesu u għamillu festa. U jien ngħidilkom: kull darba li aħna mmorru nqerru, Alla jgħannaqna miegħu, Alla jagħmlilna festa!”

  • Inti temmnu dan u tiċċelebra regolarment din il-festa, din it-tgħanniqa mill-ġdid ma’ Alla li dejjem lest li jaħfirlek għamilt x’għamilt jekk int tindem sinċerament bħalma għamlet Santa Margerita minn Cortona?

Talba: Santa Margerita minn Cortona, fl-indiema sinċiera u l-Qrara tiegħek, aħna nilmħu kemm Alla fi ħnientu hu dejjem lest li jilqgħana għandu u mhux biss jaħfrilna u jfejjaqna, imma wkoll jitrasformana f’persuni ġodda, f’persuni dedikati għas-servizz tal-oħrajn, b’mod speċjali dawk l-aktar fil-bżonn. U dan huwa li aħna nitolbu lil Alla bl-interċessjoni tiegħek, ħalli bħalek ngħaddu mill-mewt għall-ħajja f’ruħna, biex imbagħad inkunu nistgħu ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem li tkun ċelebrazzjoni dejjiema tal-ħniena u l-imħabba t’Alla għalina. Ammen.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=234

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-margaret-of-cortona/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Margaret_of_Cortona

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started