1 ta’ Mejju: San Ġużepp Ħaddiem

Verżjoni Vidjo: San Ġużepp Ħaddiem

“San Ġużepp kien jaħdem fis-sengħa ta’ mastrudaxxa b’fedeltà kbira, u hekk sar eżempju sabiħ u tal-għaġeb fix-xogħol. Kristu l-Mulej għoġbu li n-nies jaħsbuh bin il-mastrudaxxa.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem.

christchild12bSAN ĠUŻEPP ĦADDIEM

Tagħrif: Ir-relazzjoni speċjali ta’ San Ġużepp mal-ħaddiema mhix xi ħaġa ġdida. Kienet ilha tinstama’ fid-dokumenti uffiċjali tal-Knisja. Ix-xogħol tal-bniedem, il-Knisja mhux biss tbierku imma wkoll tinteressa ruħha ħafna fih. Kien hemm żmien meta l-ewwel ta’ Mejju, Jum ix-Xogħol, kien okkażjoni għal xi gruppi biex jiżirgħu mibegħda u vjolenza taħt il-pretest biex jinkisbu jew ifakkru d-drittijiet tal-ħaddiema.

Fl-1899, il-Papa Ljun XIII, kien talab lill-ħaddiema jżommu ’l San Ġużepp bħala Protettur u l-Mudell tagħhom. Hu xtaqhom ifittxu li jtejbu mhux biss l-affarijiet materjali iżda wkoll dawk spiritwali.

Fl-1891, l-istess Papa kiteb il-famuża Enċiklika “Rerum Novarum”, li fiha ddefenda bil-qawwa d-dinjità, in-nobbiltà u d-drittijiet tal-ħaddiem. Fi żmienu, is-soċjetà kienet maqsuma bl-ikrah fi tnejn: il-klassi tal-għonja li għalkemm żgħira fin-numru kienet kbira fil-privileġġi u qawwija fis-setgħa; u l-klassi tal-ħaddiema, li kienet tassew kbira fil-għadd, iżda bla qawwa, magħkusa u maħqura. Il-Papa wera kif il-ħaddiema seta’ jkollhom id-drittijiet tagħhom, bla mal-oħrajn jitilfu drittijithom.

Il-Papa Benedittu XV, kien poġġa quddiem il-ħaddiema ‘l San Ġużepp biex ikun għalihom ta’ gwida, ta’ eżempju, u biex jonorawh bħala l-Patrun tagħhom fis-sema.

Il-Papa Piju XI, fil-“Quadragesimo Anno”, fisser kif il-problemi soċjali m’għandhomx jiġu maħlula b’ideoloġija li tbiegħed minn Alla, iżda b’mod ibbażat fuq il-prinċipji nsara. L-ordni ekonomika u l-ordni soċjali m’għandhomx jiġu mifruda mill-ordni morali, u għalhekk il-Knisja għandha mhux biss id-dritt imma wkoll id-dmir li titkellem. Niftakru li fi żmien dan il-Papa, il-Komuniżmu Ateu kien daħal sew fl-Ewropa. Għalhekk il-Papa għażel lill-Ħaddiem ta’ Nazaret, il-Mastrudaxxa Ġużeppi, bħala l-Patrun tal-ħaddiema.

Imbagħad, il-Papa Piju XII, fl-ewwel ta’ Mejju 1955, f’udjenza pubblika fil-pjazza tal-Vatikan, li kienet fgata bil-ħaddiema, fosthom tal-Assoċjazzjoni Kattolika tal-Ħaddiema Taljani, iddikjara l-1 ta’ Mejju bħala l-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, biex isaħħaħ ir-relazzjoni li kienet teżisti bejn San Ġużepp u l-ħaddiema, u biex juri wkoll l-interess kbir li l-Knisja tieħu fil-ħaddiema tad-dinja kollha, u li fiha għandhom isibu Ragħaj, Difensur u Missier. Il-ħaddiema laqgħu dan b’ferħ, b’entużjażmu u b’ċapċip kbir.

San Ġużepp ġie magħżul biex ikun il-Patrun tal-Ħaddiema, mhux biss għax kien jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum bix-xogħol ta’ idejh u bl-għaraq ta’ xbinu, iżda wkoll għax fl-istess waqt kellu jieħu ħsieb, u jmantni lil Ġesù u l-Madonna. Il-ħaddiem għandu jimita lil San Ġużepp, mhux biss li jaħdem bl-onestà, iżda wkoll li jrabbi l-familja tiegħu skont il-qalb t’Alla, u jieħu x-xogħol bħala mezz ta’ salvazzjoni.

Il-Martiroloġju Ruman jiddeskrivi n-natura tal-festa tal-lum b’dawn il-kelmiet: “Illum issir it-tifkira ta’ San Ġużepp Ħaddiem li, bħala mastrudaxxa f’Nazaret, ipprovda għall-ħtiġijiet ta’ Ġesù u ta’ Marija bix-xogħol tiegħu u anke kien strumentali biex l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem jidħol fil-ħajja tax-xogħol tal-bniedem. Għalhekk il-ġurnata li fiha Jum ix-Xogħol huwa mfakkar f’ħafna pajjiżi, il-ħaddiema nsara jqimu lil dan il-qaddis bħala eżempju u bħala protettur tagħhom.”

Il-Papa Piju XI fl-Enċiklika “Divini Redemptoris” tat-18 ta’ Marzu, 1937, li fiha għażel lill-Ħaddiem ta’ Nazaret bħala patrun fil-ġlieda kontra l-komuniżmu ta’ bla Alla, kiteb “San Ġużepp kien jappartieni l-klassi tal-ħaddiema, u hu refa’ t-toqol tal-faqar, għalih u għall-Familja Mqaddsa … F’ħajja ta’ qadi fidila tad-dmirijiet ta’ kuljum, hu ħalla eżempju għal dawk kollha li jaqalgħu ħobżhom bit-tħabrik ta’ jdejhom.”

Il-festa prinċipali ta’ San Ġużepp hi fid-19 ta’ Marzu (ara San Ġużepp), u din diġà nsibuha f’martiroloġji tas-seklu 9.

Ħsieb: “Ibni, kun ġwejjed fix-xogħol li tagħmel, u tkun maħbub iktar minn wieħed milqugħ min-nies. Akbar m’int, iktar għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja quddiem il-Mulej. Ħafna huma l-imkabbrin u l-imsebbħin, imma l-Mulej jikxef lill-umli l-misteri tiegħu. Għax kbira hi s-setgħa tal-Mulej, imma hu msebbaħ min-nies umli” (Bin Sirak 3: 17-20).

Qari mill-Kostituzzjoni pastorali tal-Konċilju Vatikan it-tieni, fuq il-Knisja fiż-żminijiet tal-lum:

Il-bniedem, sew waħdu sew flimkien ma’ oħrajn, dejjem tħabat u fittex biex ikollu kondizzjonijiet aħjar għall-ħajja. Dan it-tħabrik bla tarf, jekk aħna nħarsu lejh fih innifsu, jaqbel sewwa mal-pjan ta’ Alla, kif jaf kull nisrani.

Għax Alla, meta ħalaq lill-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu, ordnalu biex jaħkem fuq l-art b’kull ma fiha, imexxi d-dinja fis-sewwa u bil-qdusija, u jorbot lilu nnifsu u l-ħolqien kollu ma’ Alla, li hu għandu jagħrfu bħala s-Sid li ħalaq kollox. B’hekk jiġri li, permezz tal-ħakma tal-bniedem fuq il-ħlejjaq kollha, l-isem ta’ Alla jkun ta’ l-għaġeb fl-art kollha.

Dan l-ordni kien mogħtija lill-bniedem għal kull xorta ta’ ħidma li jagħmel kuljum. Għax sew l-irġiel sew in-nisa, meta jitħabtu għall-għajxien tagħhom u tal-familja bil-ħsieb li jaqdu dmirhom lejn is-soċjetà kif imiss, għandhom il-jedd kollu biex jifhmu li, bil-ħidma tagħhom, qegħdin jissuktaw l-opra tal-Ħallieq, ifittxu r-risq ta’ ħuthom il-bnedmin, u bit-tħabrik personali tagħhom jagħtu sehemhom biex il-pjan ta’ Alla jseħħ fl-istorja.

Mela ma jaħsbux l-insara li l-opri tad-dehen u l-ħila tal-bniedem ma għandhomx x’jaqsmu mal-qawwa ta’ Alla, anqas ma jqisu lill-bniedem bħallikieku kien xi rival ta’ Alla; mhux biss , imma aktar imisshom idaħħluha f’moħħhom li r-rebħiet tal-bniedem huma xhieda tal-kobor ta’ Alla, u jinkisbu skont il-pjan għoli tal-Ħallieq.

Dan kollu jurina li l-messaġġ nisrani ma hu ta’ ebda xkiel għall-bniedem biex jibni d-dinja, anqas ma jġagħlu jneħħi minn ħsiebu l-ġid tal-proxxmu, anzi jorbtu iżjed biex jagħmel dawn il-ħwejjeġ bħala dmiru.”

  • U int qed tagħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità ?

Talba: Glorjuż San Ġużepp, xempju ta’ dawk kollha li jgħaddu ħajjithom fix-xogħol, aqlagħli l-grazzja li naħdem skont il-kuxjenza billi nippreferi dmirijieti għall-gosti tiegħi; li bil-ferħ u bi gratitudni nistmah bħala unur li nuża d-doni li tani Alla u nipperfezzjonahom bix-xogħol tiegħi; li naħdem b’metodu, fil-paċi, bil-moderazzjoni u bil-paċenzja, mingħajr qatt ma niskarta x-xogħol minħabba l-għejja jew id-diffikultajiet; fuq kollox li naħdem b’intenzjoni retta u b’interess, billi nġib kontinwament quddiem għajnejja l-mewt u l-kont li rrid nagħti taż-żmien mitluf, tad-doni li ma ħaddimtx u tal-ġid li stajt nagħmel u m’għamiltx, kif ukoll ta’ kull vanaglorja li nieħu meta nirnexxi, li ġġib tant ħsara fix-xogħol magħmul għal Alla. Ammen. (Talba tal-Papa San Piju X)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/05/saint-joseph-hebrew-yosef-greek-is.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/feast-of-st-joseph-the-worker-471

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Joseph

Film on Saint Joseph:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started