14 ta’ Mejju: San Mattija

Verżjoni Vidjo: San Mattija

“Mulej, int li tagħraf qlub kulħadd, uri liema wieħed għażilt biex jieħu l-post ta’ dan il-ministeru u tal-appostolat. Tefgħu x-xorti, li waqgħet fuq Mattija, u dan ħa postu mal-ħdax-il appostlu l-oħra.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Mattija.

mathias1

SAN MATTIJA
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: Mill-Atti tal-Appostli nafu li San Mattija kien ma’ Ġesù mill-magħmudija Tiegħu fix-xmara Ġordan, sat-tlugħ Tiegħu fis-sema. (Atti 1:21-22).

Ġesù stess għażel lil San Mattija biex ikun wieħed mit-72 dixxiplu li bagħathom jgħallmu.

Żmien qasir wara li Ġesù tela’ s-sema, San Pietru ppropona lill-mija u għoxrin ruħ li kienu miġbura fiċ-ċenaklu biex jagħżlu wieħed minnhom sabiex jieħu l-post ta’ Ġuda l-Iskarjota, biex isseħħ l-Iskrittura: “Ħalli xogħolu jieħdu ħaddieħor.” (Atti 1:20)

Ir-rakkont jgħid li Pietru qam fost il-ġemgħa tal-aħwa u qal: “… Jeħtieġ għalhekk li jingħażel wieħed minn dawk li ssieħbu magħna biex ikun flimkien magħna xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. ” Imbagħad resqu tnejn, Ġużeppi msejjaħ Barsaba, li jgħidulu wkoll Ġustu, u Mattija. U talbu hekk: “Mulej, int li tagħraf il-qalb ta’ kulħadd, uri liema minn dawn it-tnejn int għażilt biex jieħu l-post ta’ dan il-ministeru u l-appostolat li minnu telaq Ġuda biex imur fejn kien jistħoqqlu.” Imbagħad tefgħu x-xorti, li waqgħet fuq Mattija, u dan ħa postu mal-ħdax-il appostlu l-ieħor (Atti 1, 15, 21-6).

Mattija jfisser “għotja (rigal) ta’ Alla”. Bħala appostlu, Mattija, wara li ppriedka ‘l Ġesù u t-tagħlim tiegħu fil-Ġudea, it-tradizzjoni tal-Griegi tgħidilna li San Mattija ħawwel il-fidi f’Kappadoċja u madwar il-Baħar Kaspju, l-iktar qrib il-port Iussuż. Aktarx bata ħafna tbatijiet fost dan il-poplu krudil. L-istess awturi jżidu jgħidu li rċieva l-kuruna tal-martirju f’Kalċis, li huma jsejħu l-Etjopja. Skont tradizzjoni oħra, San Mattija pprietka l-Evanġelju fil-Lhudija u fl-Etjopja fejn kien maqtul imsallab; tradizzjoni oħra tgħid li qatgħulu rasu f’Ġerusalemm.

Hu patrun tal-ħajjata, tal-mastrudaxxi u ta’ dawk li qatgħu l-vizzju tax-xorb; hu msejjaħ kontra l-mard tal-ħożba. Il-Latini kienu jżommu l-festa tiegħu fl-24 ta’ Frar, iżda fir-Riforma tal-Kalendarju Liturġiku (1969) bdiet issir fl-14 ta’ Mejju biex ikun qrib il-festa tal-Axxensjoni ta’ Kristu u l-Pentekoste. Xi fdalijiet tiegħu jintwerew fil-knisja abbatika ta’ Triers u f’Santa Marija Maggiore, Ruma. Hemm min jgħid li dawn tal-aħħar, huma ta’ Mattija ieħor. Jinsab “Evanġelju skont San Mattija,” iżda dan hu Evanġelju apokrifu.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli bit-titlu: ‘Mulej, uri liema wieħed għażilt’:

“Pietru qam, ta’ bniedem imħeġġeġ li kien, hu li Kristu fdalu l-merħla f’idejh. Bħala l-ewwel wieħed fil-ġemgħa, kien dejjem l-ewwel wieħed li jiftaħ fommu. ‘L-aħwa, jenħtieġ nagħżlu.’ Ħalla l-ġudizzju f’idejn il-ġemgħa; fl-istess ħin ħaseb għall-ġieħ ta’ dawk li kienu se jintgħażlu u ħeles lilu nnifsu mill-għira li setgħet titnissel f’xi ħadd. Għax sikwit jiġri li f’ċirkustanzi bħal dawn jinqala’ nkwiet kbir.

Imma b’daqshekk? Forsi dan ifisser li Pietru waħdu ma kellux is-setgħa li jagħżel? Seta’, iva; iżda dan ma għamlux, biex ħadd ma jaħseb li qed jimxi bil-grazzja. Terġa’ mbagħad kien għadu anqas niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu. U ressqu tnejn, Ġużeppi, imsejjaħ Barsaba, u mlaqqam ukoll Ġustu, u Mattija. Mhux hu ressaqhom, imma kulħadd. Biss hu wriehom il-fehma tiegħu, anzi qalilhom li dik il-fehma ma kinitx tiegħu, għaliex diġà fl-imgħoddi kienet imniżżla fil-profezija. Hu ma ordna xejn, imma biss fisser il-profezija.

Jenħtieġ għalhekk, qal, ‘li wieħed minn dawk li ssieħbu magħna.’ ‘Araw, iridhom xhieda li raw b’għajnejhom stess, avolja kien ġej l-Ispirtu s-Santu fuqhom.’ Huwa qagħad attent ħafna għal dan.

‘Minn dawk li ssieħbu magħna,’ qal, ‘tul iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù għex fostna,’ jiġifieri, ried nies li kienu għexu ma’ Ġesù, u mhux biss kienu dixxipli tiegħu. Ma hemmx dubju li sa mill-bidu kienu ħafna dawk li marru warajh. L-evanġelista qal: ‘Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù.’

Iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù għex fostna, ibda mill-magħmudija ta’ Ġwanni, ħadd ma kien kiseb tagħrif sewwa mingħand xi ħadd dwar dak li kien ġara qabel; dan għarrafhulhom l-Ispirtu s-Santu.

‘Sal-jum li fih kien meħud minn magħna,’ qal, ikun ukoll jixhed magħna għall-qawmien tiegħu mill-imwiet. Ma semmiex ġrajjiet oħra, imma l-qawmien mill-imwiet biss. Għax kien iżjed ta’ min jemmnu dak li seta’ jgħid: Dak li kiel u xorob magħna, dak li kien imsallab, dak hu li qam mill-imwiet. Għalhekk ma kienx hemm għalfejn ikun xhud ta’ dak li ġara qabel jew wara fiż-żmien, anqas tas-sinjali li l-Mulej għamel, imma tal-qawmien mill-imwiet biss. Għax il-ġrajjiet l-oħra saru bid-dieher u kienu magħrufa minn kulħadd; iżda l-qawmien mill-imwiet mhux hekk, dawn biss kienu jafu bih.

U talbu lkoll flimkien u qalu hekk: ‘Mulej, int li tagħraf qlub kulħadd, uri. Int, mhux aħna.’ Għamlu tajjeb li sejħu lil dak li jagħraf il-qlub, għax l-għażla kienet f’idejh, u mhux f’idejn ħaddieħor. Minn hawn kienet ġejja dik il-fiduċja li wrew meta qalu li jenħtieġ tassew li jintgħażel wieħed. U ma qalux: ‘Agħżel,’ imma ‘uri l-magħżul,’ – ‘uri liema għażilt,’ qalu, – għax kienu jafu li Alla jagħżel kollox minn qabel. Imbagħad tefgħu x-xorti. Ħassew li għalissa ma kienx jistħoqqilhom jagħmlu l-għażla huma stess, u għalhekk xtaqu li Alla jurihom b’sinjal.”

Illum Kristu qiegħed jagħżel lilek kif għażel lil Mattija, u qed jitolbok tkun tafu u tiltaqa’ miegħu għaliex meta tkun esperjenzajt dik l-intimità ta’ faraġ miegħu, int tkun tista’ xxandar l-għeġubijiet tal-imħabba t’Alla għal kulħadd. Ġesù għandu relazzjoni unika ma’ kull persuna, u b’dan ikollna ħila naraw il-wiċċ ta’ Kristu f’kull wiċċ uman.

  • M’hemmx dubju li Kristu għażel lilek ukoll, imma int, tista’ tgħid li għażilt Lilu, qed tgħix skont it-tagħlim tiegħU u qed twasslu lil ħaddieħor b’dak li tgħid u tagħmel?

Talba: O Alla, int għażilt lil San Mattija u daħħaltu fl-għaqda tal-appostli; bit-talb tiegħu, imliena bil-ferħ ta’ mħabbtek u għoddna mal-magħżulin tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-matthias.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-matthias/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Matthias

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started