30 ta’ April: San Piju V

Verżjoni Vidjo: San Piju V

“Jekk inti twiddeb lill-ġust biex ma jidnibx u hu ma jidnibx, huwa jgħix għax inti tkun widdibtu u int tkun salvajt lil ħajtek. Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek, biex issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Piju V.

430piusSAN PIJU V
Papa
1504 – 1572

Tagħrif: Anton Mikiel Ghislieri, kif kien jismu qabel sar Papa, twieled fl-1504, f’Bosco, fil-Lombardija, l-Italja, f’familja fqira.

Fl-1519, meta kellu ħmistax-il sena daħal mad-Dumnikani, u qaddes fl-1528. Għal sittax-il sena għallem it-teoloġija u l-filosofija, sakemm il-Papa Pawlu IV, fl-1556 ħatru Isqof ta’ Sutri, u fl-1557 Kardinal. Imbagħad il-Papa Piju IV li laħaq wara Pawlu IV, poġġieh Isqof ta’ Mondori.

Meta l-Papa Piju IV miet, f’Diċembru tal-1565, il-Kardinal Ghislieri ġie elett Papa fis-7 ta’ Jannar, 1566, u ħa l-isem ta’ Piju V.

Bil-ħajja qaddisa tiegħu ġab atmosfera ġdida f’Ruma. Wettaq ħafna mir-riformi fil-Knisja, mitluba mill-Konċilju ta’ Trentu (1545-1563). Ippubblika Katekiżmu, Missal u Brevjar ġodda. Irriforma l-mużika u l-liturġija tal-Knisja. Ħadem bla serħan biex jgħaqqad il-mexxejja nsara tal-Ewropa kontra t-theddida tat-Torok. Fl-1570 skomunika lir-Reġina Eliżabetta I tal-Ingilterra, u kiteb lil Mary Stuart fil-ħabs biex ifarraġha.

Malta għandha tassew biex tqisu bħala missier li ħaseb fiha ħafna bl-għajnuna kbira li ta lill-Kavallieri speċjalment biex sewwew il-ħerba li ħallew warajhom it-Torok taħt Suleiman II fl-Assedju l-Kbir u biex bnew il-belt Valletta.

Għen ħafna lil Don Juan tal-Awstrija bħala l-Kmandant tal-flotta Nisranija, u waqt li talbu biex ma jeħux miegħu nies ta’ ħajja ħażina, ordna talb pubbliku għas-suċċess tat-taqbida tiegħu kontra t-Torok li ntemmet f’rebħa kbira għall-Insara fil-battalja ta’ Lepanto fis-7 ta’ Ottubru, 1571. Fuq din ir-rebħa, il-Papa waqqaf il-festa tar-Rużarju Mqaddes (ara Festa tar-Rużarju Mqaddes), u żied it-titlu “Għajnuna tal-Insara” fil-Litanija tal-Madonna.

Kien iqatta’ ħafna ħin fit-talb, kien isum ħafna, u jgħaddi mingħajr il-kumditajiet u l-ħela, u kien josserva bir-reqqa ir-Regola bħala patri Dumnikan.

Huwa miet f’Ruma fl-1 ta’ Mejju, 1572. Il-Papa Klement X fl-1 ta’ Mejju 1672, ibbeatifikah, u l-Papa Klement XI fit-22 ta’ Mejju 1712, ikkanonizzah. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu għall-qima tal-fidili fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, Ruma b’monument mill-isbaħ.

ĦsiebDan il-Papa qaddis Piju V kellu rabta mill-qrib mal-ġżejjer Maltin. Huwa kien bagħat lill-Arkitett Francesco Laparelli ġewwa Malta sabiex jgħin fit-tfassil tal-bini tal-Belt Valletta. Huwa kien ukoll jgħin finanzjarjament fil-bini tal-Belt Kapitali tagħna. Bħala rikonoxximent ix-xbieha tiegħu kienet tidher fuq il-bieb prinċipali tal-Belt Valletta. Dan il-bust kien tneħħa meta fis-snin sittin inbidel bieb il-Belt. Il-Papa San Piju V huwa wkoll l-fundatur tal-Parroċċa ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu u San Duminku fil-belt Valletta.

Il-Papa Piju V huwa wkoll marbut mal-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Din ir-rabta twieldet fl-1571. It-Torok minkejja t-telfa li ġarrbu sitt snin qabel fl-Assedju ta’ Malta, xorta ma qatgħux qalbhom li jakkwistaw artijiet Insara. F’din is-sena il-Misilmin attakkaw Lepanto, fil-Greċja, Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu għall-ġellieda Nsara. It-talba speċjali kienet ir-Rużarju. Ir-rebħa seħħet nhar is-7 ta’ Ottubru u sena wara dan il-jum kien iddikjarat bħala l-festa tal-Madonna tal-Vitorja, imma aktar ’il quddiem bdiet tissejjaħ il-Madonna tar-Rużarju. Sal-lum għadna niċċelebraw din il-festa f’ dan il-jum.

Min jaf kemm ġid sar permezz tar-Rużarju! Kemm nies għamlu mewta tajba, kemm nies biddlu ħajjithom, kemm grazzi nqalgħu! Ejjew ma ninsewx li hu l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Bħala Papa kien mexxej spirtwali imma wkoll mexxej tal-istati Pontifiċji. Dan il-Papa huwa magħruf għall-bini ta’ Borgo Pio, Borgo Angelico u Borgo Vittorio, ġewwa Ruma, tliet toroq li sal-Patti Lateranensi li saru bejn il-Knisja Kattolika u l-Gvern Faxxista Taljan ta’ Mussolini fl-1929, kienu jagħmlu parti mit-territorju tal-Vatikan. Illum minkejja li jagħmlu parti mit-territorju tar-Repubblika Taljana, għadhom bl-istess ismijiet u bosta mill-bini fihom imur lura għas-snin tas-seklu XVI.

Hemm xniegħa li tgħid li dan il-Papa kien xi ftit sever. Minn dan il-ftit li rajna nistgħu nifhmu kemm kien Papa rett. It-tradizzjoni tgħid li dan il-Papa kellu d-drawwa li qabel jorqod ibus riġlejn il-kurċifiss li kellu fil-kamra tas-sodda tiegħu. Meta kien qiegħed jirfes il-kallijiet ta’ xi wħud jingħad li dawn poġġew il-velenu fuq il-kurċifiss. Meta l-Papa mar biex ibus riġlejn il-kurċifiss, dan warrab saqajh sabiex xufftejn il-Papa ma jmissux mal-velenu. Huwa għalhekk li bosta xbiehat iġibu lil dan il-Papa bil-kurċifiss f’idejh.

Il-Provinċja Dumnikana Maltija, meta fl-1838 inqatgħet minn mal-provinċja Dumnikana ta’ Sqallija u saret provinċja awtonoma għażlitu bħala Patrun tagħha u sal-lum għadha magħrufa bħala l-Provinċja San Piju Ħamsa.

O Alla, int għażilt lil San Piju V biex ikun Ragħaj tal-Poplu kollu tiegħek ħalli jagħmillu l-ġid bil-kelma u bl-eżempju, ibqa’ ħares nitolbok, lir-rgħajja tal-Knisja u l-merħliet li tafda f’idejhom u mexxihom ilkoll sa ma jaslu fis-salvazzjoni ta’ dejjem.

Talba: O Alla, int qanqalt fil-Knisja tiegħek lill-Papa San Piju Ħamsa biex iħares il-fidi u biex jaħseb u jħabrek ħalli tingħata lilek qima aktar xierqa: bit-talb tiegħu, agħtina li nissieħbu fil-misteri tiegħek b’fidi mħeġġa u mħabba ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://sspx.ca/en/pope-pius-v-and-rosary

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-pius-v/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pius_V

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb huwa meħud minn kitba ta’ Fr. Reno Muscat OP.

Design a site like this with WordPress.com
Get started