21 ta’ Lulju: San Lawrenz ta’ Brindisi

Verżjoni Vidjo: San Lawrenz ta’ Brindisi

“Kontra d-Dinja, il-Ġisem, u x-Xitan, il-kelma ta’ Alla qisha xabla li tfarrak kull dnub.” – San Lawrenz ta’ Brindisi.

21-San_lorenzo_da_brindisi-21

SAN LAWRENZ TA’ BRINDISI
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1559 – 1619

Tagħrif: Ċesare de Rosse twieled fil-belt ta’ Brindisi, l-Italja. Fi ċkunitu ġie edukat mill-patrijiet Franġiskani Konventwali fi Brindisi. Ta’ tnax-il sena tilef lil missieru, u zijuh ħa ħsieb jibagħtu jistudja fil-kulleġġ ta’ San Mark, f’Venezja.

Fl-1575, meta kellu 16-il sena daħal mal-Kapuċċini ta’ Verona. Hawnhekk ħa l-isem ta’ Lawrenz. Studja l-filosofija u t-teoloġija fl-Università ta’ Padova. Kien jaf tajjeb ħafna lingwi. Barra t-Taljan, kien fluwenti fil-Latin, Grieg, Ebrajk, Ġermaniż, Franċiż, Spanjol u Bhoemi. Kien student brillanti u sar espert fil-Bibbja. Ħa l-quddiesa, fl-1582, ta’ 23 sena.

Fl-1596, sar id-Definitur Ġenerali tal-Kapuċċini f’Ruma. Il-Papa Klement VIII talbu jipprietka l-Vanġelu lil-Lhud tal-belt.

Fl-1598, ġie mibgħut il-Ġermanja biex jaħdem fost il-Luterani. Meta kien il-Ġermanja huwa kien strument biex jinfetħu kunventi fi Praga, Vjenna u Gorizea.

Fuq talba tal-Imperatur Rudolfu II, huwa organizza armata biex iwaqqaf l-avvanz tat-Torok li kienu waslu biex jinvadu l-Ungerija. Hu stess personalment kien iħeġġeġ lis-suldati. Fil-battalja ta’ Stuhlweissenburg, fl-1601, l-Insara rebħu minkejja li t-Torok kienu erba’ darbiet iktar minnhom fin-numru, u hekk l-Ewropa kollha salvat.

Fl-1602, il-Kapuċċini għażluh biex ikun il-Ministru Ġenerali tal-Ordni tagħhom.

Fl-1605, il-Papa bagħtu l-Ġermanja. Huwa ddefenda bil-qawwa tiegħu kollha l-Kattoliċiżmu fil-Ġermanja u fl-Awstrija bil-kitba u bil-prietki. Minkejja l-attività kbira tiegħu kien bniedem ta’ talb.

Fl-1610, mar Spanja biex jipperswadi lir-Re Filippu III, biex jidħol fil-Lega Kattolika. Meta kien Spanja hu fetaħ dar tal-Kapuċċini f’Madrid.

Fl-1618, irtira fil-monasteru ta’ Caserta. Iżda biex jaqbeż għan-nies ta’ Napli mar ikellem lir-Re Filippu III. Wara li ltaqa’ mar-Re miet f’Lisbona, fit-22 ta’ Lulju li ħabat eżatt is-60 sena mit-twelid tiegħu. Il-Papa Ljun XIII ikkanonizzah fl-1881. Il-Papa Ġwanni XXIII iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1959.

ĦsiebSan Lawrenz jissejjaħ ta’ Brindisi għax twieled f’din il-belt taljana. Flimkien mal-beatu Benedittu Urbino beda jwaqqaf kunventi tal-kapuċċini fil-Ġermanja u jikkumbatti l-protestantiżmu n-naħa tat-tramuntana. Bdew iduru bil-morda bil-pesta u waqqfu l-provinċji tal-Boemja u tal-Awstrija. Kien magħruf bħala predikatur famuż u pprietka f’diversi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali. Imma dan il-qaddis jibqa’ l-aktar magħruf għal ħafna kitbiet reliġjużi tiegħu fosthom kitbiet importanti fuq il-Madonna li ġew ippubblikati f’10 volumi kbar.

Kellu memorja tal-għaġeb tant li jgħidu li kien kapaċi jikkwota ħafna mill-Bibbja bl-amment. Kien jaf diversi ilsna, fosthom il-Grieg, il-Latin, il-Lhudi, il-Franċiż, l-Ispanjol, it-Tedesk u l-Bhoemi. Dan għenu qatigħ biex ikun jista’ jkellem lin-nies ta’ pajjiżi differenti, fuq Alla. Aħna biex nitkellmu ma’ Alla mhemmx għalfejn inkunu nafu b’ħafna ilsna differenti. Ilsien wieħed hu biżżejjed. Alla jifhem bl-ilsna u bid-djaletti tad-dinja kollha. Jalla lsienna nużawh spiss biex nitkellmu bil-qalb ma’ Alla.

Id-devozzjoni kostanti tiegħu lejn l-Iskrittura, flimkien mas-sensittività kbira għall-ħtiġijiet tan-nies, tippreżenta stil ta’ ħajja li tappella lill-Insara tal-lum. Lawrenz kellu bilanċ fil-ħajja tiegħu, dik id-dixxiplina mħallta mal-għarfien qawwi tal-ħtiġijiet ta’ dawk li kien imsejjaħ biex iservi.

San Lawrenz ta’ Brindisi kien jgħid li: ‘Alla huwa mħabba u kull ma jagħmel jara l-bidu tiegħu fl-imħabba.’ Fl-Iskrittura, fl-ewwel Ittra lill-Korintin, Kapitlu 13, minn versi 4-12, insibu deskrizzjoni tal-imħabba. Aħna li aħna magħġuna mill-istess Alla-Mħabba u msejħin biex inħobbu, nistgħu nagħmlu test biex naraw fejn ninsabu fil-livell ta’ mħabba tagħna. Minflok il-kelma ‘imħabba‘, inpoġġu isimna:

  1. L-imħabba taf tistabar u tħenn;
  2. l-imħabba m’hijiex għajjura,
  3. ma tintefaħx biha nfisha,
  4. ma titkabbarx fuq l-oħrajn;
  5. ma tagħmilx dak li mhux xieraq;
  6. ma tfittixx dak li hu tagħha,
  7. xejn ma tinkorla;
  8. ma żżommx f’qalbha għad-deni,
  9. ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità;
  10. kollox tagħder,
  11. kollox temmen,
  12. kollox tittama,
  13. kollox tissaporti.
  14. L-imħabba ma tintemm qatt.

Dan it-test jurini f’hiex jonqosni nikber biex l-imħabba tiegħi tkun kif iridni nħobb Alla. HU jħobb b’dan il-mod.

Talba: O Alla, int tajt l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa lis-saċerdot San Lawrenz ta’ Brindisi, biex jaħdem għall-glorja ta’ ismek u għas-salvazzjoni tal-erwieħ; bit-talb tiegħu, agħti lilna wkoll dan l-ispirtu, biex nagħrfu tajjeb x’għandna nagħmlu, u nagħmluh sewwa kif għandu jsir. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-lawrence-of-brindisi.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-lawrence-of-brindisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Lawrence_of_Brindisi

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started