22 ta’ Mejju: Santa Rita minn Cascia

Verżjoni Vidjo: Santa Rita minn Cascia

“Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina.” – Ġesù waqt li beda jgħallem it-talba tal-Missierna f’Mattew 6:12.

rita

SANTA RITA MINN CASSIA
Agostinjana
1381 – 1457

Tagħrif: Twieldet Rocca Parreno, fid-djoċesi ta’ Spoleto, minn ġenituri xjuħ u foqra, skont l-awtur tal-ħajja tagħha, Ġakbu Carelicci, Agostinjan, li kiteb il-“ħajja” tagħha fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni tal-qaddisa fl-1628.

Għad li kienu foqra, il-ġenituri tagħha kienu magħrufin għall-karità tagħhom, hekk li kienu jsejħulhom, “il-Messaġġiera tal-Paċi ta’ Ġesù”.

Jingħad li meta twieldet il-qaddisa, naħal, li bħalu qatt ma kien deher, beda dieħel u ħiereġ minn fommha.

Rita kellha xewqa kbira li tidħol soru, iżda ta’ tnax-il sena, kellha tobdi lill-ġenituri tagħha u tiżżewweġ. Ma ltaqgħetx ma’ żagħżugħ tajjeb, u għal tmintax-il sena kellha ssofri bil-paċenzja u bis-sabar, il-ħruxija tal-karattru tiegħu – mudell ta’ omm nisranija.

Meta qatlulha lil żewġha, ħafritilhom, u meta ndunat li wliedha t-tnejn riedu jivvendikaw il-mewt ta’ missierhom, għamlet li setgħet biex tbiddlilhom il-ħsieb, u talbet ’l Alla biex jeħodhom qabel ma jagħmlu d-dnub. Il-mewt ħadithom qabel ma setgħu jikkommettu d-dnub, fil-paċi m’Alla.

Meħlusa minn kulħadd, talbet lis-superjura tal-kunvent tal-Agostinjani ta’ Cassia, biex taċċettaha bħala soru. Iżda l-liġi ta’ dawk is-sorijiet kienet li ma jidħlux fosthom dawk li ma kinux verġni. Imma l-qaddisa talbet tant lis-superjura u lil Ġesù li fl-aħħar irnexxielha tidħol, b’miraklu, kif naqraw fil-ħajja tagħha, u libset il-libsa u pprofessat.

Fil-ħajja ġdida dehret xempju għal kulħadd, għall-faqar, il-karità, l-umiltà u l-ubbidjenza, u ġiet magħrufa għall-effikaċja tat-talb tagħha. Kienet hekk devota lejn il-passjoni ta’ Ġesù li talbet biex tieħu sehem fit-tbatijiet tiegħu. U Ġesù kkuntentaha: xewka mill-kuruna ta’ Ġesù Kurċifiss, tinqala’ u tolqotha f’moħħha, u daħlet tant ġewwa li Rita ma felħitx aktar, ħassha ħażin u sabet ruħha bejn il-mewt u l-ħajja.

Damet b’din il-ferita ħmistax-il sena. Għalqet biss meta marret Ruma għall-Ġublew tal-1450. Mietet fit-22 ta’ Mejju, 1457.

Ħsieb: Għalkemm nistgħu faċilment nimmaġinaw dinja ideali li fiha ngħixu l-vokazzjoni tal-magħmudija, din id-dinja ma teżistix. L-approċċ “Jekk biss …” lejn il-qdusija qatt ma jseħħ pjuttost, qatt ma jipproduċi l-frott li Alla għandu dritt jistenna minna.

Rita saret qaddisa għax għamlet dawk l-għażliet li rriflettew il-magħmudija u l-maturità   tagħha bħala dixxiplu ta’ Ġesù. L-għażla ewlenija tagħha tul il-ħajja kienet li tikkoopera b’mod ġeneruż mal-grazzja ta’ Alla, iżda kienu meħtieġa bosta għażliet żgħar biex dan iseħħ. Bil-ħafna għażliet żgħar u xi ftit kbar li għamlet din il-qaddisa, hija ġiet meqjusa bħala l-mara eżemplari ta’ kull żmien, ilbieraħ – illum – għada: xempju ta’ xebba, ta’ mara miżżewġa, ta’ omm, ta’ armla u ta’ reliġjuża.

Waħda mill-għażliet li żgur kellha bżonn tagħmel b’mod kontinwu kienet dik li taħfer. Imma din il-maħfra għadha moda llum? Papa Franġisku jgħidilna dan dwar il-maħfra (4 ta’ Awwissu, 2016):

“Dik tal-maħfra hi bla dubju ta’ xejn it-triq għalliema li rridu nimxu fiha biex naslu f’dak il-post, fil-Ġenna. Diffiċli taħfer! Kemm jiswielna li naħfru lill-oħrajn! Naħsbu ftit. X’rigal kbir għamlilna l-Mulej meta għallimna naħfru – jew, tal-inqas, li jkollna r-rieda li naħfru – biex immissu b’idejna l-ħniena tal-Missier! Smajnieha l-parabbola li biha Ġesù jgħallimna naħfru (ara Mattew 18:21-35). Għaliex għandna naħfru lil persuna li għamlitilna d-deni? Għax konna aħna l-ewwel li ġejna maħfura, u bil-wisq aktar. M’hawn ħadd fostna, hawn, li ma ġiex maħfur. Kull wieħed u waħda ħa jaħseb… naħsbu fis-skiet fl-affarijiet koroh li għamilna u kif il-Mulej ħafrilna. Il-parabbola tgħidilna propju dan: kif Alla jaħfer lilna, hekk aħna wkoll jeħtieġ naħfru lil min jagħmlilna d-deni. Din hi t-tmellisa tal-maħfra. Il-qalb li taħfer. Il-qalb li taħfer, tkun qed tagħti tmellisa. Kemm aħna mbegħdin minn dak il-ġest. Ħafna drabi f’qalbna ngħidu: ‘Issa tpattiha!’ Il-maħfra hi ħaġa oħra. Preċiżament bħal fit-talba li Ġesù għallimna, il-Missierna, meta ngħidu: ‘Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina’ (Mattew 6:12). Dawn huma dnubietna quddiem Alla, u min hu ħati għalina hu dak li lilu anki aħna rridu naħfru.”

Santa Rita hi wkoll mudell tad-devozzjoni lejn il-passjoni ta’ Ġesù. San Bernard jgħid hekk fuq din id-devozzjoni: “fost id-devozzjonijiet l-oħrajn kollha, l-aktar fiż-żgur, l-aktar ta’ qliegħ, u l-aktar universali għal kull stat tal-bniedem.” Permezz ta’ din id-devozzjoni Santa Rita kisbet il-grazzja u l-qawwa biex issofri u tagħmel it-tajjeb.

  • U int, x’għażliet qed tagħmel?
  • Huma favur Kristu u s-Saltna tiegħu?
  • Huma favur ħajja nisranija tajba u qaddisa?
  • Huma għażliet li bihom tikber fil-virtù kif għamlet Santa Rita?

Talba: Spirtu Santu, indur lejk u nitolbok biex tkun miegħi f’dawk il-mumenti l-aktar iebsin ta’ ħajti, fejn nitlef it-tama kollha u nħares madwari u ħlief dlam ma narax. Imlieni bil-kuraġġ għax f’dawn il-mumenti biss, jien nista’ nagħti prova tal-fidi tiegħi quddiem Alla. Eħlisni minn kull tentazzjoni u dubju li jistgħu jaħkmuni u jwassluni biex nitbiegħed minnek u noħodha kontra tiegħek.

Santa Rita, nitolbok tgħinni biex inħares lejk, lejn it-tbatija li inti għaddejt minnha u minkejja kollox mhux biss bqajt temmen, iżda tlabt lill-Mulej biex jagħtik xewka mill-kuruna tax-xewk tiegħu biex b’hekk taqsam miegħu dik l-agunija li huwa ġarrab bl-imħabba għalina. Agħmel li b’talbek, anke jien inkun kapaċi niflaħ għal din it-tbatija, ħalli meta l-Mulej isejjaħli, nieħu l-premju li nibqa’ ngawdih għall-eternità bħal ma għamilt int. Ammen.

Mulej inti tajt lil Santa Rita l-grazzja li f’kollox tara r-rieda tiegħek u ġġorr is-salib ma’ Ibnek, u fawwartilha ’l qalbha bid-dawl u l-ferħ tal-ispirtu tiegħek. Agħtina li bħalha ngħixu f’kollox l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-rita-of-cascia.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-rita-of-cascia/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Rita_of_Cascia

Saint Rita movie (with English subtitles) on Gloria TV:
Part 1: https://gloria.tv/video/ArUTHDF4RBQo6AeDc9iTuUQSD
Part 2: https://gloria.tv/video/nBeJeWQS8bMr3URGkzVfEo4pM

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started