31 ta’ Awwissu: San Adju

Verżjoni Vidjo: San Adju

“Kien dak li jivjaġġa kemm fl-ibliet kif ukoll fl-irħula, bil-mixi, qatt fuq iż-żiemel, diment li ma kienx ikun mgħaġġel għax jinqala’ xi bżonn; u meta fi triqtu kien jiltaqa’ mal-foqra jew is-sinjuri, kien jistedinhom, anki jekk kienu pagani, biex iħaddnu l-fidi, u dawk li kienu diġà jemmnu, biex isaħħu l-fidi tagħhom, u kien iqanqalhom bi kliemu u b’għemilu biex jagħtu karità u jagħmlu opri ta’ ħniena.” Deskrizzjoni fuq San Adju minn San Bedju fid-dokument tiegħu ‘L-Istorja Ekkleżjastika tal-Poplu Ingliż,’ (III Ktieb: Kapitlu V)

258526.pSAN ADJU
Isqof ta’ Lindisfarne
? – 651

Tagħrif: San Adju, li ddefenda bil-qawwa l-prattiki Ċeltiċi kontra l-impożizzjonijiet Rumani, twieled fl-Irlanda (dak iż-żmien l-Iskozja) fis-7 seklu. Bħala patri fil-monasteru mwaqqaf minn San Kolumbjanu fil-gżira ta’ Iona, huwa kien famuż għall-axxetiżmu strett tiegħu.

Meta r-re qaddis Oswaldu tal-Umbrija ta’ Fuq ried jikkonverti l-poplu tiegħu għall-kristjaneżmu, huwa dar fuq il-patrijiet Ċeltiċi ta’ Iona, aktar milli lejn il-kleru Ruman ta’ Canterbury. L-ewwel isqof li ntbagħat biex imexxi din il-missjoni, wera li kien inutli, għaliex gerrex lin-nies billi kien aħrax magħhom. Imma huwa qal li l-missjoni tiegħu falliet minħabba d-dispożizzjonijiet ostili tal-poplu Ingliż. San Adju sostna li kien l-isqof li kellu tort, u mhux l-Ingliżi. Minflok kellu jkun iebes ma’ poplu li kien għadu fl-injoranza, kellu jisqiehom il-ħalib aktar milli l-ikel solidu. (kliem San Pawl fl-1Korintin 3:2). Imbagħad l-isqof intbagħat lura, u nstab kandidat ideali biex joħodlu postu.

San Adju ġie kkonsagrat isqof u mibgħut fl-Umbrija ta’ Fuq biex jieħu ħsieb din il-missjoni. Ir-re Oswaldu tah il-gżira ta’ Lindisfarne qrib ir-residenza rjali ta’ Bamburg għall-episkopat tiegħu. San Adju waqqaf ukoll il-monasteru famuż ta’ Lindisfarne fis-sena 635.

San Bedju, fid-dokument tiegħu, ‘L-Istorja Ekkleżjastika tal-Poplu Ingliż,’ ifaħħar lil Adju għall-umiltà u t-tjubija tiegħu, filwaqt li rrakkomandah bħala mudell għall-isqfijiet u s-saċerdoti kollha suċċessivi. Hu ma kienx marbut mal-affarijiet tad-dinja, u lanqas kien ifittex r-rikkezzi tagħha. Meta kien jirċievi xi rigali mingħand ir-re jew mingħand nies sinjuri, huwa kien iqassamhom lill-foqra. Kull nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa kien isum u ma jiekol xejn sat-tlieta ta’ wara nofsinhar, minbarra fil-perjodu tal-Għid.

Minn Lindisfarne, San Adju kien jivvjaġġa madwar l-Umbrija ta’ Fuq kollha, biex iżur lill-merħla tiegħu u jistabilixxi missjonijiet. Fis-snin meta kien jevanġelizza, Adju kien responsabbli għall-kostruzzjoni ta’ knejjes, monasteri u skejjel. Fl-istess ħin, hu ħa reputazzjoni kbira ta’ wieħed li jagħmel karità u ta’ dak li hu dedikat lejn il-batut – bħal jipprovdi kamra, għejxien u edukazzjoni lill-orfni u jagħmel użu minn kontribuzzjonijiet biex jifdi l-ħajja tal-ilsiera. San Oswaldu, li kien jaf il-lingwa miż-żmien meta hu u l-familja tiegħu kienu eżiljati f’Iona, għamilha ta’ interpretu lill-isqof Adju, li ma kienx jitkellem bl-Ingliż. Għalhekk, ir-re kellu rwol attiv fil-konverżjonijiet ta’ niesu.

Sena minnhom, wara li attenda servizz f’Pascha, ir-re Oswaldu poġġa biex jiekol mal-isqof Adju. Fil-mument meta l-isqof kien wasal biex ibierek l-ikel, daħal qaddej u informa lir-re li kien hemm numru kbir ta’ nies foqra jittalbu l-karità. Ir-re ordna li l-ikel tiegħu stess jiġi servut lill-foqra fuq platti tal-fidda, u li wara, dawn il-platti jiġu maqsuma f’biċċiet u mogħtija lilhom. Hemm illustrazzjoni sabiħa ta’ dan l-inċident fit-13-il seklu Berthold Missal fil-Librerija Pierpont Morgan f’New York. Adju, li kien imqanqal bil-bosta b’dan il-ġest ta’ karità tar-re, qabdu minn idu l-leminija u qal: “Jalla din l-id qatt ma tintilef.” Skont it-tradizzjoni, id San Oswaldu baqgħet intatta għal sekli twal wara mewtu. San Bedju jgħid li din l-id inżammet fil-knisja ta’ San Pietru f’Bamburgh, fejn kienet meqjuma minn kulħadd. Illum din l-id, ma jafux x’sar minnha.

San Oswaldu miet f’battalja kontra l-forzi tar-re f’Penda fil-5 t’Awwissu tas-sena 642 f’post jismu Maserfield. Kien għad għandu biss 38 sena. San Adju tnikket ħafna bil-mewt tiegħu, imma San Oswinu li ħadlu postu, kien ukoll bniedem għal qalbu.

Ir-re Oswinu darba ta żiemel u karrettun lil Adju biex ikun jista’ jivjaġġa (għax kien jivjaġġa bil-mixi). Wara ftit taż-żmien, l-isqof Adju ltaqa’ ma’ tallab u tah kemm iż-żiemel, kif ukoll il-karrettun. Ir-re sema’ x’ġara, u ma tantx ħa gost b’dan. Hu staqsa lil San Adju għaliex kien ta dan ir-rigal rjali lil tallab, meta fl-istalla kien hemm żwiemel aktar addattati għat-tallaba. Adju ċanfru, filwaqt li staqsa lir-re jekk kienx iqis liż-żiemel oħla fil-ġieħ mill-Iben t’Alla (Adju qies ix-xbieha t’Alla f’dak it-tallab). Għall-bidu, ir-re ma fehemux. Imbagħad niżel f’riġlejn l-isqof, jibki dmugħ ta’ ndiema u filwaqt li talbu maħfra, Oswinu wiegħed li qatt iżjed ma kien se jiġġudika l-għemejjel ta’ karità ta’ Adju.

San Adju qajjem lir-re fuq riġlejh, u stqarr li qatt ma kien ra re daqshekk umli. Hu pprofetizza li Oswinu ma kienx se jdum wisq f’din il-ħajja, għax in-nies ma kienx jixraqilhom re ta’ dan it-tip. Il-profezija seħħet ftit taż-żmien wara, meta San Oswinu ġie maqtul f’Gilling fl-20 t’Awwissu tas-sena 651.

San Adju mar għand il-Mulej fil-31 t’Awwissu, inqas minn ġimagħtejn wara. Hu miet f’Bamburgh, iserraħ mal-ġenb tal-knisja fuq in-naħa tal-punent. Il-kolonna li serraħ magħha biex iwieżen lilu nnifsu, għada teżisti sal-lum, minkejja li l-knisja ġiet meqruda darbtejn, kawża ta’ nirien. Wieħed għadu jista’ jaraha fis-saqaf tal-knisja preżenti, fuq il-fonti tal-Magħmudija.

F’dak il-jum li San Adju miet, San Kurbert kien għadu daqsxejn ta’ żagħżugħ jirgħa n-nagħaġ ta’ missieru. Meta ħares ‘il fuq, ra viżjoni ta’ anġli jtellgħu fis-sema, ir-ruħ ta’ xi ħadd, f’ballun tan-nar. Aktar tard, sar jaf li l-isqof Adju kien miet f’dik l-istess siegħa li hu kien ra l-viżjoni.

Għall-ewwel, l-isqof qaddis Adju ġie midfun f’Lindisfarne fuq in-naħa tal-lemin tal-altar tal-knisja ta’ San Pietru. Fis-sena 664, is-Sinodu ta’ Whitby iddikjara li l-knejjes kollha tal-Brittanja kellhom isegwu l-prattiki Rumani, u li l-użanzi Ċeltiċi kellhom jitwaqqfu. San Kolmu, it-tielet isqof ta’ Lindisfarne, ma setax jaċċetta din id-deċiżjoni. Għalhekk, iddeċieda li jirtira f’Iona, filwaqt li ħa miegħu l-għadam ta’ San Adju . L-użanzi Ċeltiċi baqgħu jiġu pprattikati f’Iona sat-8 seklu.

ĦsiebSbuħija li tispikka f’San Adju hija dik tas-sempliċità. Hu ħabb lil Alla u lin-nies li għalihom ħadem, stinka u għex. Kien minħabba din l-imħabba tiegħu hekk kbira, li jrnexxielu jikkonverti saltna sħiħa. Bħala missjunarju, it-tagħlim tiegħu u l-eżempju ta’ ħajtu, kienu jiddu f’armonija perfetta. Hu jurina l-importanza u l-effett ta’ meta wieħed jagħti kas tal-konverżjoni tal-bniedem b’mod sħiħ; għax x’jiswa li tipprova tikkonvinċi lil min hu bil-ġuħ li Alla se jipprovdilu l-ikel, jekk ma tagħtihx inti stess x’jiekol minn dak li l-Mulej ipprovda lilek? Jew x’jiswa li tgħallem lin-nies biex ma jorbtux qalbhom mal-ġid tad-dinja imma jinvestu f’teżori fis-Sema, jekk inti stess m’intix tagħtihom l-eżempju ta’ dan b’ħajtek?

San Adju kien ukoll jisħaq li l-fidi mhix xi obbligu ta’ nhar ta’ Ħadd bla ebda rabta oħra, imma hija stil ta’ ħajja bbażata fuq it-tagħlim u l-eżempju ta’ Kristu. L-imħabba stess kienet l-ingredjent li mlietu bil-kuraġġ biex seta’ jaffaċċja l-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum. Dan jurina li aħna wkoll nistgħu nagħmlu l-istess impatt fuq ta’ madwarna, jekk inħallu lil Alla jmexxina fil-mod ħolistiku kif inħobbu lill-oħrajn.

Kulħadd kien iħossu milqut mill-karattru ta’ Adju. It-tattika li uża biex jirbaħ lin-nies għal Kristu kienet dik ta’ laqgħa diretta u personali magħhom. Bħal Ġesù, li f’ħajtu ma kitibx kotba, ma vjaġġax madwar id-dinja u ma talabx lin-nies jgħixu ħajja iżjed perfetta bla ma tahom l-eżempju, Adju ssokta l-missjoni tiegħu b’qalb mimlija tama f’Alla li jibdel il-qlub. Emmen bis-sħiħ fis-sempliċità ta’ konverżazzjonijiet komuni man-nies li magħhom kien jiltaqa’ tul it-triq, u li fihom kien jara x-xbieha t’Alla. Meta ngħata ż-żiemel u l-karrettun mir-re Oswaldu, hu tahom immedjatament lil tallab, għax beża’ li dawn kienu se jfixkluh milli jikkomunika man-nies bl-aktar mod xieraq.

Minkejja l-karattru twajjeb u dħuli tiegħu, il-karità vera ma żammitux lura milli jċanfar lir-re nnifsu, meta ra li dan kien ta valur lir-rigal li kien tah, aktar milli lit-tallab xbieha t’Alla. Li tazzarda tindirizza lir-re b’dak il-mod, (li kien il-figura awtorevoli u setgħana ta’ dak iż-żmien) ma kinitx ħaġa komuni. Imma fir-realtà n-nuqqas ikun meta wieħed jibqa’ sieket meta sippost jitkellem jew meta wieħed jista’ jiftaħ għajnejn xi ħadd biex dan ma jibqax fl-iżball, u dan ma jagħmlux, forsi b’mistħija, biża’ jew minħabba r-rispett uman. U jien, kemm qed inġib ruħi ta’ nisrani/ja vera f’din il-ħaġa, billi nitkellem meta għandi nitkellem jew niskot meta għandi niskot?

Adju għażel għalih knisja sempliċi tal-injam, li kien bena f’Lindisfarne, gżira li f’ħinijiet differenti tal-ġurnata tiċkien minħabba l-mewġ tal-marea. Kien hawn li kien jgħaddi ħin f’talb għall-bżonnijiet tal-merħla tiegħu, fi studju tal-Iskrittura, u f’sawm u ċaħdiet oħra. Jgħidu li darba bit-talb ferventi tiegħu, kien għamel ċerva inviżibli biex jipproteġieha mill-kaċċaturi. Darba oħra b’talbu rnexxielu jitfi xi nirien qabel ma dawn jikkawżaw ħsara. U f’okkażjoni oħra, jingħad li mit-tieqa tiegħu ra daħna fil-bogħod u nduna li kien hemm armata ġejja tattakkhom. Għat-talb tiegħu, l-armata ma komplitx tavvanza għax ħassew li ma setgħux jersqu qrib. Għalhekk huma ħasbu li kien hemm xi seħer, u beżgħu tant, li ħarbu mifxula! Kemm qed inbiegħed lili nnifsi u lill-oħrajn mill-perikli tar-ruħ u tal-ġisem bl-impenn tiegħi fit-talb?

Talba

Ħalluni waħdi ma’ Alla kemm jista’ jkun fit-tul.
Bħalma l-marea tgħatti x-xatt,
agħmilni gżira, riservata għalik biss,
waħdi miegħek, o Alla, u ngħix fil-qdusija għalik.

Imbagħad meta terġa’ tinkixef l-art,
ippreparani biex inġorr il-preżenza tiegħek fid-dinja bieżla ta’ ‘lil hinn,
id-dinja li tiġi fuqi u tinvadini, sakemm l-ilma jerġa’ jiġi jgħatti l-art,
u nkun nista’ nerġa’ nkun lura miegħek. Ammen.
(Talba ta’ San Adju)

English Version: https://www.americaneedsfatima.org/Saints-Heroes/st-aidan-of-lindisfarne.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Aidan_of_Lindisfarne

Design a site like this with WordPress.com
Get started