2 ta’ Settembru: Santa Ingrid tal-Isvezja

Verżjoni Vidjo: Santa Ingrid tal-Isvezja

“Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.” –Vers li qal Ġesù fi Ġwanni 14:12 li jmur sewwa ma’ dak li nafu fuq Santa Ingrid 

9_2_st_ingrid_of_sweden-best.jpgSANTA INGRID TAL-ISVEZJA
Verġni
? – 1271

Tagħrif: Ingrid kienet bint Elof, nobbli minn Östergötland u membru tal-familja Elofssönernas ätt, li kienu kkunsidrati bħala n-nobbli tal-Isvezja. Kellha mill-inqas żewġ ħutha, Anders u Johan, u dan tal-aħħar kien kavallier tal-Ordni Tewtonika. In-neputija tagħha, Kristina Johansdotter (li mietet fis-sena 1293), kienet l-ewwel mara ta’ Birger Persson, li sar missier Briġida tal-Isvezja fit-tieni żwieġ tiegħu. X’aktarx li Ingrid kienet ta’ ispirazzjoni għal Briġida.

Ingrid iżżewġet nobbli magħruf bħala Sir Sigge, li x’aktarx miet fis-sena 1271. Meta sfat armla, Ingrid u oħtha Kristina bdew jagħmlu parti minn ċirku ta’ nisa twajba li nġabru madwar id-Dumnikan Petrus ta’ Dacia f’Skänninge. F’waħda mill-ittri tiegħu, Petrus ta’ Dacia ħalla deskrizzjoni tal-istil ta’ ħajja axxetika u ta’ rivelazzjonijiet mistiċi ta’ waħda mill-ulied spiritwali tiegħu f’dan iċ-ċirku ta’ nisa, li x’aktarx kienet Ingrid.

Fis-sena 1272, dan iċ-ċirku ta’ nisa iffurmaw kunvent informali taħt it-tmexxija ta’ Ingrid billi addottaw l-użanzi tal-Ordni Dumnikan u l-prattika tar-regola tagħhom. Ingrid għamlet tliet pellegrinaġġi wieħed lejn Santiago ta’ Compostela, ieħor lejn Ġerusalemm u ieħor lejn Ruma. Wara l-mewt ta’ oħtha, Ingrid applikat biex il-kunvent tagħha jingħatha rikonoxximent formali. Hija laħqet dan il-għan tagħha fis-sena 1281, sena qabel mewtha.

Wara mewtha fis-sena 1282, in-nies tawha qima kbira u kellhom devozzjoni soda lejha. Ġew irrappurtati diversi mirakli abbinati magħha u mal-ħajja ta’ qdusija li għexet. Bdew isiru wkoll pellegrinaġġi lejn il-kunvent tagħha. Imma sfurtunatament, qatt ma ġiet rikonoxxuta formalment mill-Papa. Meta l-qariba tagħha, Briġida tal-Isvezja, kienet rikonoxxuta formalment mill-Papa fis-sena 1391, inħass il-bżonn li tiġi rikonoxxuta Ingrid ukoll. Fil-Konċilju ta’ Kostanz, saret l-applikazzjoni għall-kanonizzazzjoni tagħha u fis-sena 1499, il-Papa Alessandru VI qabel li ssir it-Translazzjoni tar-relikwi tagħha, li filfatt saret fil-kunvent tagħha fis-sena 1507.

Il-fdalijiet ta’ Ingrid ġew trasportati fl-monasteru ta’ Vadstena wara r-Riforma Svediża. Fis-sena 1645, rasha ġiet misruqa mill-Knisja ta’ Vadstena minn Antoine ta’ Beaulieu, li ħaseb kienet ras Briġida tal-Isvezja. Antoine ta’ Beaulieu taha lill-ambaxxatur Franċiż Gaspard Coignet ta’ Thullerie, li poġġieha fil-knisja ta’ Courson-les-Carrières fi Franza. Fis-sena 1959, ingħatat lill-Monasteru ta’ Brigitinesse ddedikat lill-Madonna tar-Refuġju f’Uden fin-Netherlands, fejn ġiet esebita bħala ras Briġida tal-Isvezja.

ĦsiebFir-rakkonti ta’ bosta ħajjiet tal-qaddisin, hija ħaġa komuni li nisimgħu b’rapporti ta’ numru sabiħ ta’ mirakli li jkunu seħħew propju wara mewthom. Frott it-tbatija li jkunu batew b’mod erojku għall-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, ma jesperjenzawhiex huma biss fis-sema, imma wkoll dawk li jitolbu xi grazzji bl-interċessjoni tagħhom. Hekk ġara fil-każ ta’ din il-qaddisa tal-lum. In-nies għarfu l-qdusija kbira li din għexet, meta bdew jinqalgħu ħafna grazzji lil min kien imur jitlob l-interċessjoni tagħha ħdejn qabarha.

Donnu l-merti kbar li l-qaddisin ikunu kisbu tul ħajjithom, anki jekk dawn ma tantx ikunu ġew osservati u rrakkontati min-nies, jiġu ppremjati f’forma ta’ grazzji maqlugħa li l-Mulej jagħti lil xi erwieħ, billi jittieħdu mit-teżor spiritwali li dawn ikunu ġemmgħu fil-karus tagħhom tas-sema. Il-Knisja tikkonsidra l-mirakli relatati mal-qaddis jew qaddisa bħala xhieda u konferma tal-ħajja ta’ qdusija li dawn ikunu għexu. Il-qaddisin kollha imxew fuq l-istruzzjoni diretta ta’ Ġesù meta qal: “Ġemmgħu għalikom teżori fis-sema.” li min fuqhom, il-Knisja kollha tista’ tagħmel gwadann.

Fi żmien Ġesù, seħħew bosta mirakli li kienu l-kawża tal-konverżjoni ta’ ħafna nies. Imma anki Ġesù nnifsu, kien ikun pront ifakkar lil dawk li kienu jmorru biex jisimgħuh, li fil-fatt, il-mirakli ma kinux se jgħinuhom biex tinbena fihom fidi vera, soda u li tibqa’ għal dejjem. Ħafna drabi, il-fidi vera, teżisti fin-nuqqas ta’ mirakli spettakulari. Infatti, jekk wieħed jagħraf iħares madwaru bl-għajnejn tal-fidi, wieħed jista’ jilmaħ li fil-realtà, il-ħolqien kollu huwa, fis-sens vera tiegħu, evidenza ta’ miraklu dirett, magħmul minn idejn Alla u taħt l-influwenza tiegħu.

Il-fidi nistgħu nqisuha wkoll bħala l-esperjenza tagħna ta’ Alla, li fil-biċċa l-kbira tagħha, ma taqax taħt is-sensi. Infatti, l-isbaħ unur li nistgħu nagħtu lil Alla, huwa meta, bla ma naraw jew nesperjenzaw xi ħaġa tanġibli, nibqgħu nemmnu u nittamaw fih. F’Salm 116:10, is-salmista jikteb:

“Bqajt nemmen, imqar meta għedt: ‘Jiena mdejjaq ħafna!'” 

u kliem Ġesù  lil Tumas meta dan ma emminx lid-dixxipli meta qalulu li Ġesù kien deherilhom wara li kien qam mill-mewt:

“Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: ‘Is-sliem għalikom!’ Imbagħad qal lil Tumas: ‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.’ Wieġeb Tumas u qallu: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.’” (Ġwanni 20:26-29) 

U xi ngħidu għall-ġrajja taċ-Ċenturjun:

“Ikun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar. Iċ-ċenturjun sama’ b’Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej. Dawk marru quddiem Ġesù, … u Ġesù ma kienx ‘il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun meta bagħat jgħidlu ma’ xi ħbieb: ‘Sinjur, toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi; … Imma int ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq.’ … Ġesù baqa’ mistagħġeb bih meta sama’ dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: ‘Ngħidilkom li anqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din!’ Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.” (ara d-dettalji tal-istorja minn Luqa 7:2-10)

Meta aħna nkunu għaddejja minn żmien ta’ konfużjoni u nkunu qed insibuha diffiċli biex nemmnu li Alla qed jippermetti dak li hu ta’ ġid għalina, (Rumani 8:28) aħna msejħa biex nipprattikaw il-fidi tagħna. Dawk il-mumenti ta’ dubju u dlam huma filfatt opportunitajiet biex nikbru fil-fidi billi neżerċitawha. Bl-istess mod jaħdmu l-muskoli tal-ġisem tagħna, li jissudaw meta nkunu qed nimbuttaw xi ħaġa reżistenti. San Ġorġ Preca kien jgħid: “Waqt il-prova kollox!” Mela, meta tgħaddi mill-mument tal-prova, u ssibek tikkumbatti ma’ tentazzjonijiet kontra l-fidi, għandek tagħmel propju att ta’ fidi, u l-fidi tiegħek, bħal dik tal-personaġġi li semmejna, tissaħħaħ. Int ukoll imbagħad tasal biex tistqarr kliem u anki tgħix azzjonijiet, li żgur jogħġbu lil Ġesù u jferrħulu Qalbu.

Talba: Għażiż Ġesù, għinni nara l-mirakli żgħar li Inti twettaq għalija kuljum. Kattar fija l-fidi, Mulej, biex b’qalb ġeneruża nkun ta’ għajnuna għal dawk li jitfixklu fil-mixja spiritwali tagħhom u fuq l-eżempju tal-qaddisin tiegħek, nagħraf nibqa’ fidil/a lejk fil-mumenti ta’ prova u tiġrib. Ammen.

English Version: https://prezi.com/-fneox_qbnta/saint-ingrid-of-sweden/

Alternative Reading: https://anastpaul.com/2018/09/02/saint-of-the-day-2-september-st-ingrid-of-sweden-o-p-died-1292/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Ingrid_of_Sk%C3%A4nninge

Design a site like this with WordPress.com
Get started