17 ta’ Ġunju: Santa Emilja de Vialar

Verżjoni Vidjo: Santa Emilja de Vialar

“Huwa waqt il-provi li l-Mulej l-aktar li jġegħilna nħossu l-preżenza tiegħu.” – Santa Emilja de Vialar

St-EmilieEdition.jpgSANTA EMILJA DE VIALAR
Fundatriċi
1797 – 1856

Tagħrif: Santa Emilja għandha rabtiet speċjali mal-gżira ta’ Malta għax għexet fil-gżejjer tagħna mhux inqas minn ħdax-il xahar, u kienet hi li waqqfet fostna l-Kongregazzjoni tagħha, is-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni, fl-1842, għaxar snin biss wara li kienet tat bidu għaliha fi Franza.

Il-miġja tagħha f’pajjiżna tixbah ħafna lil dik tal-Appostlu Missierna San Pawl, kif se ngħarrfu aktar ’l quddiem.

Emilja kienet bint il-baruni Jacques de Vialar u Antoinette Portal; twieldet fl-1797, fil-belt ċkejkna ta’ Gaillac, fil-Languedoc, Franza. Studjat f’Pariġi. Missierha kisira magħha meta hi kellha ħmistax-il sena, wara li mietet ommha, għax irrifjutat li tiżżewweġ. Kompla jiħrax kontriha meta hi bdiet tgħallem tfal abbandunati u fqar, u tgħin u ddur bil-morda u l-magħkusin f’daru matul il-15-il sena li fihom bintu kienet twettaq l-appostolat tagħha.

Iżda ta’ 35 sena, Emilja wirtet kemxa sewwa mingħand nannuha, il-Baruni de Portal, li kien tabib tas-sultan ta’ Franza. Bil-wirt tagħha Emilja xtrat dar kbira u malajr setgħet tipprofessa l-voti reliġjużi flimkien ma’ 17 minn sħabha. F’ħajjitha twaqqfu 40 dar, xi wħud minnhom fl-Afrika, fl-Asja u l-Awstralja u waħda f’Ġerusalemm.

Interessanti ħafna l-ġrajja kif Santa Emilja ġiet Malta. Talbuha tibgħat xi sorijiet tagħha l-Italja, biex jieħdu ħsieb ħabsin nisa. Hi stess kellha tmur Tuneż, bil-ħsieb li żżur ukoll id-dar ta’ Ruma, iżda fi triqitha qamet maltempata tal-biża’. Il-vapur li kienet fuqu tfarrak, iżda hi u sħabha ħelsuha mill-għarqa. Waqt it-tiġrib tal-għarqa l-Qaddisa wegħdet lil San Pawl (li għadda mill-istess esperjenza fi triqtu lejn Ruma, u spiċċa Malta bla ħsieb) li jekk il-baħar jiskot, tiftaħ dar il-belt għall-edukazzjoni tal-bniet u wkoll tiddedika kappella lil San Pawl.

Bilkemm kien għadda xahar minn dan in-nawfraġju meta Santa Emilja laqgħet l-ewwel 3 novizzi. Il-qaddisa ġabet xi sorijiet minn Franza u waqqfet skola l-Birgu fl-1842, li tliet snin wara ġiet trasferita għall-Belt.

Santa Emilja mietet fl-età ta’ 59 sena, minn kumplikazzjonijiet ta’ ftuq li sofriet f’żgħożitha waqt li kienet qed tgħin lill-fqar. Meta mietet, f’Marsilja, fejn kellha l-Casa Madre, fl-24 ta’ Awwissu 1856, kellha diġà 40 dar imxerrdin mad-dinja. Il-Papa Piju XII iddikjaraha qaddisa fis-17 ta’ Ġunju, 1951. Hija l-qaddisa patruna tan-nisa mhux miżżewġin.

Ħsieb: Emilja kienet l-ikbar fil-familja imma kellha żewġt aħwa iżgħar minnha. Il-ġenituri ta’ Emilja kienu kattoliċi imma minħabba r-Rivoluzzjoni Franċiża, kellhom jgħammdu lil Emilja bil-moħbi u ommha għallmitha r-reliġjon fid-dar. Meta mietet ommha, Emilja marret ‘boarding school` meta kellha 13-il sena imma reġgħet marret lura Gaillac meta kellha ħmistax-il sena. Hemm għallmet liż-żgħażagħ fuq Ġesù.

Emilja għamlet ħilitha biex tgħin lin-nies kif setgħet. Kienet tagħti ikel u mediċini lill-fqar u saħansitra kienet anke ddaħħalhom ġo darha biex tgħinhom. Darba waħda, il-fqar kienu jeħtieġu xkora dqiq. Billi ma kien hemm ħadd biex jgħinha terfagħha, Emilja għamlet sforz kbir u refgħet l-ixkora tad-dqiq waħedha. Ir-riżultat ta’ dan l-isforz kien li nfetqet u baqgħet issofri mill-ftuq tul ħajjitha kollha.

Il-kongregazzjoni tagħha ddedikata lil San Ġużepp tal-Apparizjoni għax kien laqatha l-fatt li, wara Marija, San Ġużepp kien l-ewwel wieħed li sar jaf bil-misteru tal-Inkarnazzjoni. Santa Emilja u s-sorijiet tal-kongregazzjoni tagħha għadhom sal-lum jiddedikaw ħajjithom biex jgħinu lill-fqar, lin-nies bla edukazzjoni, l-imġewħin u l-morda.

F’Marzu tal-1842, twaqqfet l-ewwel ġebla ta’ St. Joseph Convent Sliema (Il-kunvent ta’ San Ġużepp f’Tas-Sliema) u l-iskola nfetħet għall-istudenti fl-1881.

Ir-rabta li Henry u Ineż Casolani (ara Henry u Ineż Casolani) kellhom mas-sorijiet ta’ San Ġużepp, minħabba l-fatt lil binthom Swor Cecilia għaddiet għomorha mas-sorijiet ta’ San Ġużepp, esponiethom għad-devozzjoni lejn il-fundatriċi, Santa Emilja de Vialar. Tant kienu jaħsbu fiha li meta binthom Swor Cecilia kienet f’Ruma għall-kapitlu ġenerali tal-ordni, Ineż kitbet lil bintha li kienet ħolmot b’Santa Emilja. Ineż ħolmot li kienet ma’ bintha u ħafna nies oħra f’bitħa meta lemħet lil Santa Emilja de Vialar. Urietha lil Swor Cecilia. Marru fuqha u kellmuha bil-Franċiż. Emilja ħadet pjaċir ħafna b’Cecilia.

Snin qabel, meta Henry u Ineż marru Franza għall-bidu tan-novizzjat ta’ Cecilia, huma kienu żaru l-qabar tal-ħġieġ li fih il-ġisem ta’ Santa Emilja fid-dar ġeneralizja tal-Ordni f’Marsilja. Ma jistax jonqos li Ineż kitbet b’idha stess ġakulatorja lil din il-qaddisa ħabiba ta’ Malta, ukoll biex bintha titħeġġeġ fl-imħabba lejn Ġesù.

Dan li ġej hu x’kienet tħobb tgħid Santa Emilja de Vialar:

  • “Huwa waqt il-provi li l-Mulej l-aktar li jġegħilna nħossu l-preżenza tiegħu.”
  • “L-akbar konsolazzjoni tagħna f’din id-dinja hi li f’kollox nagħmlu r-rieda ta’ Alla.”
  • “Jenħtieġ inbaxxu rasna bis-sabar u bl-imħabba kollha għal dak li jrid jew jippermetti Alla. Jiena ċerta li Alla jgħinna fis-siegħa tal-bżonn. Ma jistax forsi jinqeda b’kulma jiġri biex jilħaq l-iskopijiet tiegħu u jipprokura l-iktar ġid tagħna?”

U int, tafda lil Alla li anki l-maltempati tal-ħajja jistgħu jkunu ta’ gwadann għalik u għal tant oħrajn li jistgħu jibbenifikaw mis-servizz tiegħek?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, Int għoġbok li Santa Emilja de Vialar taqdik bil-qalb fil-batut u l-imsejknin; bit-talb tagħha, agħtina li naqdu bil-fedeltà lil ħutna kollha fi Kristu, biex inti tilqagħna għandek fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/saint-emily-de-vialar.html

Alternative Reading: https://www.ucatholic.com/saints/emily-de-vialar/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Emily_de_Vialar

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

One thought on “17 ta’ Ġunju: Santa Emilja de Vialar”

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started