28 ta’ Ġunju: San Irinew

Verżjoni Vidjo: San Irinew

“Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ’l Alla u tithenna bi tjubitu.” – San Irinew

SOD-0628-SaintIrenaeus-790x480.jpg

SAN IRINEW
Isqof u Martri
130 – 202

Tagħrif: San Irinew wieħed mill-akbar teoloġi tat-tieni seklu, twieled fi Smirna, fil-Friġja (illum Ismir fit-Turkija) fis-sena 130. Hu kellu l-privileġġ li jkun dixxiplu ta’ San Polikarpu li kien ħabib ta’ San Ġwann l-Appostlu.

Fis-sena 154 jew 155 San Irinew mar Ruma flimkien ma’ San Polikarpu. Min Ruma mar Lyon, Franza, fejn kien ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Lyon, San Potinu.

Fis-sena 177, l-Isqof Potinu bagħtu Ruma b’ittra għall-Papa San Elewterju. Sadattant l-Isqof Potinu u numru ta’ Nsara ġew maqtula fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Mark Awrelju.

Meta San Irinew reġa’ lura f’Lyon, fis-sena 178, ġie elett Isqof bħala suċċessur ta’ San Potinu.

Fis-sena 190, San Irinew għen biex tinżamm il-paċi bejn il-Papa San Viktor I u l-Isqfijiet tal-Lvant fuq il-kwistjoni tad-data tal-festa tal-Għid.

Madwar is-sena 155, l-istess kwistjoni kienet ġiet ittrattata mill-Papa San Aniċetu u San Polikarpu. Ġiet solvuta għal kollox wara l-Konċilju ta’ Niċea (325), meta l-Knisja tal-Lvant minn rajha bdiet tiċċelebra l-festa tal-Għid bħall-Knisja tal-Punent.

San Irinew kiteb ħafna kontra t-tagħlim qarrieqi ta’ żmienu speċjalment kontra l-Injostiċi. L-iktar xogħol famuż tiegħu hu trattat f’ħames kotba jismu “Adversus Haereses” (Kontra l-Ereżiji).

X’aktarx li miet martri, fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Settimu Severu madwar is-sena 202, wara li kien ilu Isqof ta’ Lyon xi 24 sena. Billi San Irinew kien dixxiplu ta’ Polikarpu, u dan kien dixxiplu ta’ San Ġwann Appostlu, id-djoċesi ta’ Lyon għadha sal-lum il-knisja primarzjali ta’ Franza kollha minħabba l-qedem kbir tagħha.

Ħsieb: Dan il-qaddis, imsejjaħ “Missier it-Teoloġija Kattolika,” kien iben familja nisranija li kienet tgħix fl-Asja Minuri (Turkija). Irinew kellu jeħodha kontra l-eretiċi msejħa Njostiċi, li kienu jippretendu li kellhom tagħrif dwar is-salvazzjoni li kien superjuri għal dak li kienet toffri l-ġerarkija tal-Knisja. L-isqof Irinew jispjega li d-duttrina vera nisranija tinsab fl-Iskrittura u t-Tradizzjoni, u jinsisti li t-tradizzjoni appostolika hi miżmuma fis-safa kollha tagħha b’mod speċjali fil-Knisja ta’ Ruma.

Ix-xogħol kbir tiegħu ‘Adversus Haereses,’ ippreservat bil-Latin biss, temm l-injostiċiżmu bħala forza fil-knisja. Hu l-aktar teologu importanti tat-tieni seklu. Permezz tiegħu l-fidi sħiħa u ortodossa tat-tradizzjoni appostolika twasslet għandna bil-kitba.

San Irinew jibqa’ msemmi għall-mod kollu karità li bih kien jittratta l-avversarji tiegħu. Għex tassew it-tifsira ta’ ismu, li bil-Grieg tfisser “iħobb il-paċi.” Ħalla miktub: “M’hemmx Alla mingħajr tjubija.” u “Hu permezz tal-imħabba li l-Verb sar dak li aħna, biex aħna nsiru dak li hu Hu,” u lil dawk li kienu kontrih jiktbilhom: “Aħna noffrulkom idejna b’qalbna kollha, u ma nehdew qatt li noffruhielkom.” Irinew kiteb bil-Grieg; hu jiskuża ruħu li ma kitibx bi stil eleganti, “għaliex,” qal, “aħna qed ngħixu qalb iċ-Ċelti, u kemm hi lingwa stramba din li qed ikollna nitkellmu biha!”

Qari mit-Trattat tal-Isqof San Irinew, “Kontra l-Ereżiji”:

“Id-dija ta’ Alla tagħti l-ħajja; mela dawk li jaraw ‘l Alla jkollhom il-ħajja. Għalhekk Alla, li ma nistgħux nagħrfuh, nifhmuh u narawh, ġie fostna biex narawh, nifhmuh u nagħrfuh. U għalkemm il-kobor tiegħu qatt ma nistgħu naslu biex nagħrfuh, u t-tjieba tiegħu qatt ma nifhmuha, hu proprju minħabba l-kobor u t-tjieba tiegħu li hu juri lilu nnifsu lilna u jagħti l-ħajja lil dawk li jarawh. Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ‘l Alla u tithenna bi tjubitu.

Il-bnedmin, mela, biex jgħixu, jridu jaraw ‘l Alla u jekk jaraw ‘l Alla jgħixu għal dejjem u jaslu sa għand Alla. Dan, kif għedtilkom, ħabbruh taħt xbihat il-profeti meta qalu li għad jaraw ‘l Alla dawk li għandhom l-Ispirtu tiegħu, u bla heda jistennew il-miġja tiegħu. Dan jgħid Mosè fid-Dewteronomju: F’dan il-jum naraw li Alla jista’ jkellem lill-bniedem, u dan jibqa’ ħaj.

Lil Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd, ħadd mill-ħlejjaq kollha ma’ jista’ jarah jew jifhmu, fil-qawwa u l-kobor tiegħu, għalkemm ma nistgħux ngħidu li ma jistgħux jagħrfuh: permezz tal-Verb tiegħu. Il-ħlejjaq kollha jitgħallmu li wieħed hu Alla l-Missier, li għamel kollox u kollox iżomm sħiħ fl-eżistenza tiegħu, kif insibu miktub fl-Evanġelju: Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Mill-bidunett l-Iben għarrafna l-Missier, għax mill-bidu kien mal-Missier: hu, meta ried, fi żmien f’waqtu wassal lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, il-viżjonijiet tal-profeti, kull xorta ta’ kariżmi u grazzji, il-ministeru tiegħu, u s-sebħ ta’ Alla, ħaġa wara l-oħra, b’armonija liema bħalha: għaliex meta ħaġa tiġi wara l-oħra, f’ordni liema bħalu, jkun hemm l-armonija, u fejn hemm l-armonija hemm iż-żmien f’waqtu, u fejn iż-żmien hu f’waqtu hemm il-ġid ta’ kulħadd.

Għalhekk il-Verb qassam lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, id-doni tal-Missier: għalihom għamel dan kollu u wriehom lil Alla. Wera ‘l Alla lill-bnedmin, imma ried li Alla jibqa’ ma jidhirx għall-bnedmin, biex huma ma jaslux biex jistmerru lil Alla, imma jkollhom dejjem lilu għand min imorru; ried li Alla ma jkunx jidher għall-bnedmin, imma wrihulhom permezz tal-ħlejjaq tiegħu, biex il-bniedem ma jkunx għalkollox imċaħħad minn Alla, li ma jasalx biex jgħid li ma hemmx Alla. Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj, u hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem. Jekk ir-rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-ħolqien kienet biżżejjed biex tagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha tal-art, kemm aktar ir-rivelazzjoni tal-Missier permezz tal-Verb ma tagħtix il-ħajja lil dawk li jaraw ‘l Alla?”

  • U int, qed tirċievi l-kuraġġ mingħand Alla biex tgħix u tistqarr il-ħajja tal-fidi tiegħek fi Kristu Sidna?

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lill-isqof San Irinew biex iwettaq il-verità tat-tagħlim tal-Knisja u jħabrek sewwa għall-paċi tagħha; agħmel li, bit-talb tiegħu, niġġeddu fil-fidi u fl-imħabba, biex dejjem infittxu li nkunu magħquda qalb waħda bejnietna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-irenaeus-285

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-irenaeus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Irenaeus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Ġunju: San Ċirillu ta’ Lixandra

Verżjoni Vidjo: San Ċirillu ta’ Lixandra

“Jista’ xi bniedem jgħanni t-tifħir li jixraq lid-dinjità ta’ Marija, li hija ‘l fuq minn kull tifħir? Hija Omm u Verġni fl-istess ħin, ħaġa tassew tal-għaġeb!” – San Ċirillu ta’ Lixandra.

st-cyril-of-alexandria-4.jpg

SAN ĊIRILLU TA’ LIXANDRA
Isqof u Duttur tal-Knisja
370 – 444

Tagħrif: San Ċirillu twieled Lixandra, l-Eġittu, fis-sena 370. Għall-ewwel mar jgħix bħala eremita, imbagħad ordna saċerdot u mar ma’ zijuh, Teofilu, li kien il-Patrijarka ta’ Lixandra. Meta fis-sena 412 il-Patrijarka miet, Ċirillu laħaq floku.

Għall-bidu, Ċirillu kien awtoritarju u aħrax, u beda jagħlaq il-knejjes tal-eretiċi Novazjani, u kellu ħafna konfronti mal-Lhud tal-belt. Iżda wara ftit snin inbidel u beda juri l-kwalitajiet kbar tiegħu speċjalment fid-difiża tal-misteru tal-Inkarnazzjoni.

Fis-sena 428, Nestorju, Isqof ta’ Kostantinopli, ħareġ bl-ereżija li Ġesù kellu żewġ persuni, waħda umana u l-oħra divina, u għalhekk ċaħad li l-Madonna hi Omm Alla. Ċirillu ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jgħallem bil-kelma tal-pinna u tal-fomm kontra din l-ereżija. Anke appella lill-Papa San Ċelestinu I.

Fis-sena 431, Ċirillu, bħala r-rappreżentant tal-Papa, mexxa u ppresieda t-Tielet Konċilju ta’ Efesu li għalih kienu attendew aktar minn mitejn isqof, u li fih Nestorju kien ġie kkundannat u skomunikat u eventwalment eżiljat fid-deżert tal-Eġittu.

Kiteb ħafna fuq it-Teoloġija u fuq l-Ispiritwalità biex b’għaqal kbir ifisser u jiddefendi l-fidi Nisranija, speċjalment fuq il-Madonna li hi Omm Alla; fuq l-unjoni taż-żewġ naturi, divina u umana ta’ Kristu, u li l-Persuna Divina sofriet fin-natura umana. It-tagħlim tiegħu għen il-Knisja għal sekli sħaħ wara mewtu.

Hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, bħalma Santu Wistin hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru tal-Grazzja.

Miet fis-27 ta’ Ġunju tas-sena 444. San Ċirillu ta’ Lixandra kien iddikjarat duttur tal-knisja mill-Papa Ljun XIII fl-1882.

Ħsieb: Il-qaddisin ma twildux bir-raġġiera ma’ rashom, u kien hemm żmien fil-ħajja ta’ dan il-qaddis li juri li kien ta’ karattru impulsiv, u kultant ukoll vjolenti. San Ċirillu ta’ Lixandra jibqa’ l-aktar magħruf bħala d-difensur qawwi tat-titlu tal-Madonna Theotokos, jiġifieri “Omm Alla.” Waslulna ħafna kitbiet importanti ta’ dan l-isqof għaref Lixandrin.

Fis-Sena 431, fit-Tielet Konċilju ta’ Efesu, taħt il-Presidenza ta’ San Ċirillu ta’ Lixandra, ġiet imfissra l-unità personali ta’ Kristu, Alla u Bniedem, u Marija ġiet idikkjarata Omm Alla (Theotokos) kontra dak li kien ixandar Nestorju, Isqof ta’ Kostantinopli. Fl-istess Konċilju ġiet imġedda l-kundanna ta’ Pelagius.

Din li ġejja hija kitba ta’ San Ċirillu, isqof ta’ Lixandra, bit-titlu ‘Jekk ma mmutx, id-Difensur ma jiġix għandkom: ‘

“Il-Mulej kien temm kull ma kellu jagħmel fid-dinja, iżda kien jeħtieġ li aħna jkollna sehem min natura tiegħu ta’ Alla, jiġifieri li aħna nintrefgħu mill-ħajja naturali tagħna u ninbidlu għalkollox biex ngħixu ħajja tassew ġdida u ta’ tjieba: dan seta’ jsir biss bl-għoti tal-Ispirtu s-Santu.

L-aħjar żmien għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu u għat-tiswib tiegħu fina kien iż-żmien li fih is-Salvatur tagħna Ġesù Kristu kellu jħalli d-dinja.

Sakemm Kristu kien jgħix fost il-fidili tiegħu b’ġisem bħal tagħna, hu – naħseb jien – kien jidher fosthom bħala dak li jqassmilhom kull ġid; iżda meta wasal iż-żmien li fih kellu jerġa’ lura għand il-Missier kien jeħtieġ li b’xi mod jibqa’ qrib dawk li kienu jqimuh. Dan seħħ permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jgħammar fi qlubna bil-fidi, biex hekk inkunu nistgħu ngħidu: “Abba! Missier!”, u bil-ħeffa kollha nkunu nistgħu nagħmlu kull xorta ta’ għemil tajjeb. Barra minn dan, aħna nidhru ukoll qawwija u mhux mirbuħa mit-theddid tax-xitan u mit-tiġrib tal-bnedmin, għax fina hemm l-Ispirtu s-Santu, li jista’ kollox.

Kulħadd jista’ jara malajr mill-Kotba Mqaddsa tal-Patt il-qadim u tal-Patt il-ġdid kif l-Ispirtu s-Santu jbiddel għalkollox ‘il dawk li fihom jinżel jgħammar ħa jagħtihom ħajja ġdida.

Samwel il-qaddis, meta kellem lil Sawl, qallu: Jissawwab fuqek l-Ispirtu tal-Mulej u int issir bniedem ieħor. U San Pawl jgħidilna: Aħna lkoll li, b’wiċċna mikxuf, nirriflettu l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej li hu Spirtu.

Tara kif l-Ispirtu jbiddel f’sura oħra ‘l dawk li fihom jgħammar? Malajr ibiddel ix-xewqa għall-ħwejjeġ tad-dinja f’kontemplazzjoni tal-ħwejjeġ tas-sema, u minn nies beżżiegħa u bla ħila jagħmel nies kollhom qlubija u ħeġġa u qawwa. Bla dubju ta’ xejn dan narawh iseħħ fid-dixxipli tal-Mulej: tant twettqu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li qatt ma setgħu jintrebħu mill-qilla ta’ dawk li ppersegwitawhom, imma bil-qawwa kollha baqgħu sħaħ fl-imħabba ta’ Kristu.

Minnu għalhekk dak li qal is-Salvatur: Jeħtieġ nerġa’ lura lejn is-sema. Kien wasal iż-żmien tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu”.

Talba: Is-sliem għalik, O Marija, Omm Alla, teżor għani tad-dinja, dawl li ma jintefa qatt, kuruna tax-xbubija, xettru tas-sewwa, tempju li ma jistax jaqa’, dar fejn jgħammar dak li mkien ma jista’ jesgħu, Omm u Verġni, li minnek hu Dak li ġej Imbierek f’isem il-Mulej. (San Ċirillu)

O Alla, aħna nemmnu li l-Verġni mqaddsa Marija hija Omm Alla, kif b’qawwa kbira għallem l-isqof San Ċirillu; agħmel li niksbu s-salvazzjoni ta’ dejjem bis-saħħa tal-inkarnazzjoni ta’ Kristu Ibnek, li hu Alla. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-cyril-of-alexandria-516

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-cyril-of-alexandria/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Cyril_of_Alexandria

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

4 ta’ April: San Sidor

Verżjoni Vidjo: San Sidor

“Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.  San Sidor, mgħallem tassew għaref u dawl tal-Knisja imqaddsa, itlob lill-Iben ta’ Alla għalina, int li ħabbejt il-liġi tal-Mulej.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Sidor.

Isidor_von_Sevilla.jpegSAN SIDOR
Isqof u Duttur tal-Knisja
560 – 636

Tagħrif: San Sidor kien tifel ta’ familja nobbli Rumana, li kienet qed tgħix f’Kartaġena, Spanja. Tlieta minn ħutu huma wkoll qaddisin, San Leandru li kien Arċisqof ta’ Sevilla, San Fulġenzju, Isqof ta’ Astigi, u Santa Florentina.

Fis-sena 599 sar Arċisqof ta’ Sevilla, wara ħuh, u mexxa d-Djoċesi b’suċċess kbir għal 37 sena, sakemm miet fl-4 ta’ April 636.

Kien bniedem ta’ għerf kbir, u kien l-aħħar wieħed fost il-Filosofi Nsara. Kien ukoll l-aħħar wieħed fost il-Missirijiet tal-Knisja Latina, u kien l-ewwel kittieb Nisrani li għamel ‘Summa’, ġabra ta’ għerf universali. Hu ġabar xogħlijiet Latini u Griegi, li kienu jintilfu li kieku ma kienx hu. Baqa’ msemmi ħafna għall-opra tiegħu ”Etymologiae”, kollezzjoni sistematika ta’ 154 kittieb ta’ żmienu, fuq teoloġija, axxetika, storja, ġografija, astronomija, u suġġetti oħra.

San Sidor attenda t-Tieni Konċilju ta’ Sevilla fis-sena 619, u ppresieda r-Raba’ Konċilju ta’ Toledo fis-sena 633.

Ħadem ħafna biex il-Viżigoti li ddominaw Spanja għal kważi żewġ sekli, ġew ikkonvertiti mill-Arjaniżmu.

San Sidor miet fis-sena 636, ta’ 76 sena.

Ħsieb: Is-soċjetà tagħna tista’ sewwa sew tuża l-ispirtu ta’ San Sidor ta’ kombinazzjoni bejn it-tagħlim u l-qdusija. L-imħabba, il-fehma u l-għerf jistgħu jfejqu u jagħqdu flimkien nies miksura u mifruda minn xulxin. Aħna m’aħniex Barbari bħall-invażuri ta’ Spanja fi żmien Sidor. Imma n-nies li huma mgħarrqa fl-għana u invażati mill-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi, jistgħu jitilfu f’ħajja ta’ nuqqas ta’ mħabba u konpassjoni lejn il-proxxmu. X’jiswew umbagħad l-avvanzi kollha tal-bniedem tal-lum jekk titmermer l-imħabba, li nafu li hi r-raġuni għalfejn ġejna f’din id-dinja? X’jiswielu l-bniedem intelliġenti u għani jekk jikseb tant ġid u unuri biex umbagħad jitlef ruħu?

In-nisrani mħeġġeġ biex bl-avvanzi tad-dinja moderna, jara kif jista’ jħobb, jaqdi u jservi aħjar il-ħtiġijiet tal-ħajja tiegħu u tal-oħrajn, b’attenzjoni speċjali lejn dawk l-aktar batuti u fil-bżonn? Il-bniedem jiftaħar għax niżel fuq il-qamar u kull sena jintefqu eluf ta’ flus fuq ikomplu javvanzaw f’missjonijiet spazjali ġodda. U xi ngħidu għan-nefqa fl-armi li li tintefaq biex il-pajjiżi jkunu lesti għal xi gwerra li tista’ tinqala? Illum nista’ nilħaq lil xi ħadd li qiegħed fuq in-naħa l-oħra tal-globu!! Tassew li l-bniedem jaf ikun intelliġenti u bravu! Imma, ngħid jien, il-bniedem avvanza fejn tidħol il-karita’, l-imħabba u l-għajnuna immedjata ta’ nies fil-bżonn? Il-faqar irnexxielna niddistruġġuh? Nistgħu ngħidu li nies li jmutu bil-ġuħ, bil-mard, bil-klima għax m’għandhomx saqaf fuq rashom u oħrajn, issa saru biss memorja tal-passat?? U xi ngħidu għan-nies bi bżonnijiet fil-gżejjer tagħna?

F’omelija minn tiegħu, Mons. Isqof Mario Grech, waqt quddiesa fl-okkażjoni tal-Gradwazzjoni tal-studenti tal-Università (21 ta’ Novembru 2008) jgħidilhom hekk:

“Matul s-snin dejjem kien hemm nisġa qawwija bejn l-impenn intellettwali u dik l-attenzjoni speċjali għall-faqar qadim u ġdid. Kienu ħafna dawk li xorbu mill-għajn tal-għerf biex imbagħad setgħu jaqdu ġenerożament lill-fqir u liż-żgħir. Irrid nittama li dan huwa wkoll wieħed mill-ideali tagħkom, li llum qed troddu ħajr lil Alla talli temmejtu l-korsijiet tagħkom u issa tibdew tfittxu fejn tistgħu toffru l-kontribut professjonali tagħkom. Il-foqra qegħdin magħna. Peress li mhux dejjem isibu min ġenwinament isostnihom mill-kamp politiku, intom, bħala ċittadini, kulħadd esperti fil-kamp tiegħu jew tagħha, tistgħu tkunu t-tama tagħhom li b’xi mod tgħinuhom jgħixu ħajja umanament dinjituża.

  • Għandna familji li qed ifittxu min jgħinhom biex jegħlbu d-diffikultajiet relazzjonali u finanzjarji;
  • għandna ħaddiema li jixtiequ serħan il-moħħ dwar ix-xogħol li għandhom;
  • għandna tfal u adolexxenti li qed jaffrontaw sfidi ġodda fis-sistema edukattiva;
  • għandna ħafna aspettattivi biex fil-qasam tas-saħħa jkun assigurat ir-rispett lejn il-ħajja;
  • għandna anzjani li jibżgħu li fl-aħħar fażi ta’ ħajjithom mhux ser ikollhom min joffrilhom kenn.

Dawn biex insemmi ftit eżempji. San Bernard jikteb: “Hemm dawk li jridu jkunu jafu biex ikunu jafu, u din hija kurżità; hemm oħrajn li jridu jitgħallmu biex ħaddieħor ikun jaf li huma jafu, u din hija vanità; oħrajn li jistudjaw biex imbagħad ibiegħu l-għerf tagħhom għall-flus u l-unuri, u dan huwa tal-mistħija; hemm min għandu għatx għat-tagħlim biex jifforma lilu nnifsu, u din hija azzjoni prudenti; u hemm dawk li jistudjaw biex jagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u din hija għażla karitattiva”. Huma kliem miktuba ħafna snin ilu, imma attwalissimi. Nitlob lill-Mulej biex iseddaq fikom din il-motivazzjoni li semmejt fl-aħħar.

San Ġakbu jgħidilna li jekk hemmx xi ħadd għaref u għaqli fostna, ħa juri bl-imġiba tiegħu għemilu (Ġakbu 3;13). Ningħaqad mal-Appostlu u nawguralkom li l-għerf li ksibtu fis-snin li għaddejtu l-Università – għerf li żgur għad tridu tikkonfermaw u tkattru bil-formazzjoni kontinwata – , għerf li jgħinkom tiskopru min hu Alla u min hu l-bniedem, jiswielkom biex tagħmlu d-dinja aktar umana milli sibtuha”.

  • U inti, qed tuża l-intelliġenza, l-għerf u l-kapċitajiet tiegħek huma x’inhuma biex tkun ta’ servizz lejn il-proxxmu tiegħek?
  • Li tħalli d-dinja aħjar milli sibtha bil-mod kif għamel Kristu, San Sidor u tant u tant oħrajn, huwa l-programm ta’ ħajtek?

Talba: Agħti widen, Mulej, għat-talb li qegħdin nagħmlulek fit-tifkira ta’ San Sidor, biex, bħalma hu kien ta’ fejda kbira għall-Knisja bit-tagħlim qaddis tiegħu, hekk ukoll ikun ta’ għajnuna għaliha bit-talb tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-isidore-of-seville.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-isidore-of-seville/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Isidore_of_Seville

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

11 ta’ Marzu: San Sofronju

Verżjoni Vidjo: San Sofronju

“Aħna nistqarru li Kristu, il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem, hu dejjem veru Iben Alla u hu dejjem veru Bin il-bniedem”. ~ Minn Ittra tal-Papa San Ljun il-Kbir

ib372SAN SOFRONJU
Patrijarka ta’ Ġerusalemm
?560 – 638

Tagħrif: Twieled fil-belt ta’ Damasku (is-Sirja) madwar is-sena 560. Wara li studja u għallem għal xi żmien ir-rettorika mar jgħammar fl-ermitaġġ ta’ San Teodosju ħdejn Ġerusalemm. Għal bosta snin, taħt it-tmexxija ta’ San Ġwann Mosku u miegħu, żar is-santwarji u l-monasteri tal-Palestina, tas-Sinaj u tal-Eġittu, fejn sar ħabib taż-żewġ patrijarki ta’ Lixandra, Ewloġju u San Ġwann l-Elemożinier. San Sofronju kiteb il-ħajja ta’ San Ġwann l-Elemożnier ma’ Mosku.

Mar ukoll Ruma ma’ Mosku, u meta dan miet hemm fis-sena 619, ħa ġismu lura lejn il-Palestina u difnu fil-monasteru ta’ San Teodosju.

Kellu sehem kbir fil-lotta kontra l-ereżija tal-Monoteliti, li kienu jgħidu li Kristu kellu rieda waħda biss, ir-rieda tan-natura divina u mhux ukoll dik ta’ bniedem. Fuq din il-kwistjoni kellu kontroversja sew mal-patrijarka Ċiru ta’ Lixandra, u anki ma’ Serġju ta’ Kostantinopoli. Kiteb ukoll trattat kbir kontra din l-ereżija, issa mitluf, fejn ġabar 600 test tas-Santi Padri dwar iż-żewġ ridiet ta’ Kristu.

Għandna tiegħu għaxar omeliji fuq bosta festi tas-sena, magħrufa għall-kontenut dommatiku u għall-istil rettoriku tagħhom. Kiteb ukoll il-ħajja ta’ San Ċiru u ta’ San Ġwann, żewġ martri Lixandrini talli kienu ħelsuh mill-mard tal-għajnejn, u l-ħajja ta’ Santa Marija mill-Eġittu.

Ġie magħżul patrijarka ta’ Ġerusalemm fis-sena 634. Minnufih laqqa’ konċilju biex jikkundanna l-ereżija tal-Monoteliti, u bagħat l-ittra sinodali mwettqa mis-sitt konċilju ġenerali, lill-Papa Onorju, biex ifakkru li s-skiet fuq din il-kwistjoni kien x’aktarx ta’ dannu aktar milli ta’ ġid.

Waqt il-patrijarkat tiegħu kellu jsofri l-waqgħa ta’ Ġerusalemm taħt l-Għarab. Waqt l-assedju tal-belt qaddisa ħa sehem bil-qlubija tiegħu fid-difiża, u mbagħad irranġa l-waqgħa tal-belt mal-kaliffu Omar (636), fejn kiseb il-libertajiet ċivili u reliġjużi lill-Insara bi ħlas ta’ taxxa.

Miet x’aktarx fil-11 ta’ Marzu, 638.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-isqof San Sofronju bit-titlu ‘Nilqgħu d-dawl dejjem jiddi’:

“Ġie Dak li hu id-dawl tassew, li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja. Mela niddawwlu lkoll, ħuti; ħa niddu lkoll.

Ħadd minna ma għandu jibqa’ mingħajr din id-dija, ħadd ma għandu joqgħod mistur fid-dalma tal-lejl; imma noħorġu kollna niddu, immorru mdawla lkoll flimkien u b’ruħna ferħana nkantaw innijiet ta’ radd il-ħajr lil Missier id-dawl, li bagħtilna d-dawl veru biex ikeċċi d-dlam minna u jdawwalna lkoll.

Permezz tiegħu aħna wkoll rajna s-salvazzjoni ta’ Alla, li l-Missier ħejja għall-popli kollha u wrihielna għall-glorja tagħna, Iżrael il-ġdid.

Aħna wkoll, bil-fidi tagħna, ħaddanna lil Kristu li ġie għandna minn Betlehem. Hu, is-Salvatur mibgħut lilna minn Alla l-Missier, sejħilna minn fost il-ġnus u għamilna l-poplu ta’ Alla; u aħna rajna b’għajnejna lil Alla magħmul bniedem, rajna lil Alla magħna u lqajnieh fid-dirgħajn ta’ ruħna. U għalhekk aħna, niċċelebraw din il-preżenza ta’ Alla fostna u ma ninsewha qatt”.

  • U int, ilqajt lil Kristu li Hu l-veru Dawl li jdawwal id-dlamijiet ta’ din id-dinja u tal-ħajja tiegħek?
  • Tmur għandu, li Hu tassew Alla setgħani u tassew bniedem li jagħder, b’kunfidenza u b’qima?
  • Tagħmel ħiltek kollha, biex bħal San Sofronju tiddefendi l-fidi nisranija tiegħek kontra l-ereżiji ta’ żminijietna?

Talba: O Alla, permezz ta’ San Sofronju, Int dawwalt lill-poplu tiegħeK bit-tagħlim veru fost il-ħafna opinjonijiet u stqarrijiet foloz, agħtina li bit-talb tiegħu, aħna wkoll niddefendu t-Tagħlim u l-Valuri nsara li qed jiġu mhedda bil-kbir fi żminijietna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-sophronius-718

Alternative Reading: http://saintsresource.com/sophronius-of-jerusalem

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Sophronius_of_Jerusalem

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

13 ta’ Jannar: San Ilarju

Verżjoni Vidjo: San Ilarju

“Alla Missier li tista’ kollox, jiena nħoss li l-aqwa dmir tiegħi f’ħajti huwa dan: li dak kollu li ngħid u nħoss, kollox ikun għalik.” – San Ilarju

SAN HILARIOSAN ILARJU
Isqof u Duttur tal-Knisja
300 – 368

Tagħrif: San Ilarju twieled f’familja nobbli pagana, f’Poitiers, Franza. Il-ġenituri tiegħu tawh edukazzjoni tajba, u sar oratur famuż.

Bil-qari tal-Bibbja, hu wasal biex ħaddan il-Kristjaneżmu u tgħammed meta kellu tletin sena. Ħadem ħafna biex jiddefendi u jxerred it-twemmin Nisrani.

Martu, li hu kien iżżewweġ qabel tgħammed u li minnha kellu tifla jisimha Apra, kienet għadha ħajja meta ġie magħżul biex ikun l-Isqof ta’ belt twelidu, fis-sena 353.

Bħala Isqof, ħadha bl-aħrax kontra l-Arjaniżmu, tant li l-Imperatur Arjan, Kostanzu, eżiljah fil-Friġja, fl-Asja Minuri. Fit-tliet snin li dam eżiljat għamel studju tal-Missirijiet Griegi tal-Knisja u kiteb il-ktieb fuq it-Trinità, l-ikbar opra tiegħu, u fis-sena 359 attenda s-Sinodu ta’ Seleucia fejn iddefenda bil-kbir id-digrieti tal-Konċilju ta’ Niċea.

Fis-sena 360, reġa lura fi Franza. Kiteb ħafna biex isaħħaħ il-fidi Kattolika u jfisser l-Iskrittura Mqaddsa, u flimkien ma’ San Martin, Isqof ta’ Tours, irsista biex idaħħal il-monastiċiżmu (il-patrijiet f’kunvent) fi Franza.

Miet f’Poitiers fit-13 ta’ Jannar 367. Fl-1572, il-Kalvinisti qerdu l-fdalijiet tiegħu.

Ħsieb: San Ilarju huwa wieħed mid-Dutturi tal-Knisja, jiġifieri dawk li ġew rikonoxxuti għall-kontribuzzjonijiet straordinarji tagħhom fil-Fidi u li l-ħajja tagħhom hija ta’ eżempju għalina. Hemm 35 Dutturi tal-Knisja, 4 nisa u 31 raġel. Il-kitbiet tagħhom huma profondi, arrikkenti u onorati b’mod ġustifikabbli għall-għarfien tagħhom dwar il-Fidi u l-esperjenza tal-bniedem. It-tagħlim tagħhom jibqa’ jgħodd għal kull żmien għax huwa mibni fuq il-Verità li xandrilna Kristu u fuq it-Tagħlim veru tal-Knisja Kattolika mwaqqfa minnu. Dawn li ġejjin huma ħsibijiet ta’ xi wħud mid-Dutturi tal-Knisja flimkien ma’ talbiet li tnisslu minn mexxejja u għalliema tal-Knisja lill-istess Duttur biex jidħlu għalina quddiem Alla:

San Ġwann Damaxxenu: “Ngħaqqdu ruħna mal-Verġni Marija, it-tama tagħna, bħalma vapur jiġi ankrat fis-sod.” Nitolbu: San Ġwann Damaxxenu, itlob għalina biex dejjem ikollna fehma sħiħa fil-medjazzjoni materna tal-Madonna.

San Basilju l-Kbir: “Is-silenzju hu l-bidu tal-purifikazzjoni tar-ruħ.” Nitolbu: San Basilju, itlob għalina biex inkunu fidili u nsibu ħin għal silenzju qaddis kuljum.

San Atanasju: “L-Iben kollu qdusija tal-Missier ġie fostna biex iġedded lill-bniedem li kien maħluq xbieha tiegħu.” Nitolbu: San Atanasju, itlob għalina biex ma naħsbux li aħna kollox u nieqfu hemm.

San Gregorju Nazjanzenu: “Adurawh lil dak li kien imdendel fuq Salib minħabba fikom, anki jekk intom stess imdendlin hemm.” Nitolbu: San Gregorju Nazjanzenu għinna niksbu l-perseveranza biex nitolbu waqt is-siegħa tal-prova u tan-niket.

San Ġwann Kriżostmu: “Meta juri l-pjagi Tiegħu, Kristu jkun qed juri dak li nkiseb bis-Salib, li bih Hu jagħti dak kollu li hu tajjeb, li hi l-Paċi.” Nitolbu: San Ġwann Kriżostmu aqlagħna l-grazzja li niksbu l-qawwa li naċċettaw it-tbatija f’ħajjitna.

San Ambroġ: “Araw kemm għandhom sidien dawk li ma jridux li jkollhom l-uniku Sid, il-Mulej.” Nitolbu: San Ambroġ agħtina l-għajnuna biex ikollna qalb mimlija b’fehma waħda u soda.

San Ġilormu: “Meta s-suppervja tkabbar lill-bniedem, tbaxxih fl-istess waqt, għax bid-dnub tagħmlu għadu ta’ Alla.” Nitolbu: San Ġilormu nitolbuk tgħinna nkunu umli, sempliċi, u mansweti.

San Ċirillu ta’ Lixandra: “Għaliex l-Iben hu Alla minn Alla, b’mod mill-aktar misterjuż, Hu jgħaddi dan l-unur lilna.” Nitolbu: San Ċirillu ara li nakkwistaw sehem akbar mis-sehem ta’ Ġesù bħala Iben.

San Pietru Krisolgu: “Dak li juri l-ħniena u jġorr l-imħabba qatt ma jħossu mdejjaq.” Nitolbu: San Pietru Krisolgu nitolbuk tidħol għalina biex ikollna qalb li taf tħenn.

San Ljun il-Kbir: “Ma kien hemm l-ebda raġuni oħra għall-Iben t’Alla li jitwieled għajr dik li jkun jista’ jmut fuq l-għuda tas-Salib.” Nitolbu: San Iljun il-Kbir idħol għalina biex ikollna l-grazzja li ngħannqu s-Salib b’Ġesù Kristu msallab.

San Gregorju l-Kbir: “Bix-xieraq li l-Ispirtu s-Santu deher taħt forma ta’ Lsien tan-Nar f’kull qalb li daħal, u għadu jidħol, għax Hu jkebbes f’dak li jkun ix-xewqa għall-Eternità Tiegħu.” Nitolbu: San Gregorju eħlisna mill-bruda li ttellfilna l-ħerqa spiritwali.

San Isidoru ta’ Sevilja: “Kull tama qiegħda fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Tiddubitax, toqgħodx taħsibha, qatt taqta’ qalbek mill-ħniena ta’ Alla.” Nitolbu: San Isiodoru ta’ Sevilja aqlgħalna l-grazzja tal-indiema u li nqerru ta’ spiss.

San Anselmu: “L-aktar ħaġa importanti għalik għandha tkun kif twaqqaf ir-Renju ta’ Alla f’qalbek, u b’hekk il-ħajja ta’ ruħek għandha tkun il-ħajja ta’ Alla nnifsu.” Nitolbu: San Anselmu għinna niksbu l-grazzja li ngħixu għal Alla.

San Bernard ta’ Clairvaux: “Alla ma xtaqx li jkollna xi ħaġa li m’għaddietx minn ħdan Marija.” Nitolbu: San Bernard idħol għalina biex inkabbru d-devozzjoni tagħna fl-Imqaddsa Verġni Marija.

Sant’Antnin ta’ Padova: “Kuntent hu dak il-bniedem li kliemu hu mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu u mhux minn żniedu.” Nitolbu: Sant’Antnin ta’ Padova għinna biex it-taħdit tagħna jkun mimli qdusija.

San Albertu l-Kbir: “Bis-sempliċità kollha u bil-kunfidenza kollha ntelaq bla ebda ħsieb ta’ xejn aktar fil-providenza bla heda ta’ Alla.” Nitolbu: San Albertu għinna nintelqu, bla dubju ta’ xejn, għar-rieda ta’ Alla.

San Bonaventura: “Meta l-ġisem hu maħkum minn spirtu qaddis, ir-ruħ tinħakem minn paċi u ferħ ġewwenin.” Nitolbu: San Bonaventura idħol għalina biex nintelqu f’ħajja ta’ spirtu mimli qdusija.

San Tumas t’Akwinu: “Kristu ma kienx ikun daqstant intimament magħqud magħna li kieku kellna biss naqsmu mill-qawwa Tiegħu; kemm hu ferm aħjar li hu tana verament lilu nnifsu.” Nitolbu: San Tumas għinna niksbu mħabba aktar profonda għall-Ewkaristija Mqaddsa.

Santa Katerina ta’ Siena: “Agħmel dar ċkejkna fil-ġenb ta’ Kristu Msallab biex ikollok konoxxenza qaddisa tiegħek innifsek.” Nitolbu: Santa Katerina ta’ Siena idħol għalina biex niksbu l-grazzja li nkunu nafu lilna nfusna.

Santa Tereża ta’ Ġesù (Avila): “Il-Mulej ma jimpurtahx iżżejjed għal l-importanza tal-ħidmiet tagħna daqskemm għall-imħabba li biha nagħmluhom.” Nitolbu: Santa Tereża ta’ Avila għinna biex dak li nagħmlu nagħmluh b’intenzjoni pura u mimlija mħabba.

San Pietru Kanisju: “Ħallu d-dinja tissodisfa lilha nfisha fil-ġennijiet tagħha. Imma aħna, midfunin fil-fond tal-pjagi ta’ Kristu, għax għandna nkunu mwerwra?” Nitolbu: San Pietru Kanisju saħħaħna fid-determinazzjoni, fil-fiduċja, u fit-tama.

San Robertu Bellarminu: “Għalkemm hu tajjeb li wieħed jagħmel minn kollox biex iżomm il-paċi u l-għaqda ‘mma mhux aqwa mill-mogħdrija li nħossu għad-difetti tal-oħrajn.” Nitolbu: San Robertu idħol għalina biex ikollna l-paċenzja, it-tolleranza, il-mogħdrija, u l-ispirtu tal-maħfra.

San Ġwann tas-Salib: “La darba r-rieda jkun messa Alla nnifsu, qatt ma tkun sodisfatta b’xejn għajr b’Alla.” Nitolbu: San Ġwann tas-Salib għinna niksbu bidla qaddisa li tmexxi x-xenqat tagħna kollha.

San Lawrenz ta’ Brindisi: “Kontra d-Dinja, il-Ġisem, u x-Xitan, il-Kelma ta’ Alla qisha xabla li tfarrak kull dnub.” Nitolbu: San Lawrenz ta’ Brindisi idħol għalina biex niksbu mħabba profonda għall-Kelma ta’ Alla.

San Franġisk de Sales: “Fuq l-għuda tas-Salib, il-qalb ta’ Ġesù rat qalbek u ħabbitha.” Nitolbu: San Franġisk de Sales għinna biex inkunu kapaċi nagħtu lilna nfusna lill-imħabba bla tarf ta’ Ġesù.

San Alfons Liguori: “Dak li ma jieqafx jitlob ma jistax ikompli joffendi lil Alla.” Nitolbu: San Alfons Liguori għinna biex niksbu fedeltà fit-talb u ħerqa profonda spiritwali.

Santa Tereża ta’ Lisieux: “Dak li jogħġob lil Alla hu li jarani nħobb ix-xejn u l-faqar tiegħi, u l-imħabba għamja li għandi fil-ħniena Tiegħu.” Nitolbu: Santa Tereża ta’ Lisieux idħol għalina ħalli jkollna l-grazzja ta’ spiritwalità żagħżugħa.

Talba: O Alla li tista’ kollox, l-isqof Sant’Ilarju għallem b’qawwa kbira li Ibnek huwa Alla; agħmel li nifhmu tajjeb dan it-tagħlim u nistqarruh tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-hilary-of-poitiers.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/resources/church-fathers/biographies-of-church-fathers/st-hilary-of-poitiers

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Hilary_of_Poitiers

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-maġġoranza tal-Ħsieb huwa ġabra ta’ Harry Agius Ordway mis-sit tal-Laikos.

Design a site like this with WordPress.com
Get started