4 ta’ April: San Sidor

Verżjoni Vidjo: San Sidor

“Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.  San Sidor, mgħallem tassew għaref u dawl tal-Knisja imqaddsa, itlob lill-Iben ta’ Alla għalina, int li ħabbejt il-liġi tal-Mulej.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Sidor.

Isidor_von_Sevilla.jpegSAN SIDOR
Isqof u Duttur tal-Knisja
560 – 636

Tagħrif: San Sidor kien tifel ta’ familja nobbli Rumana, li kienet qed tgħix f’Kartaġena, Spanja. Tlieta minn ħutu huma wkoll qaddisin, San Leandru li kien Arċisqof ta’ Sevilla, San Fulġenzju, Isqof ta’ Astigi, u Santa Florentina.

Fis-sena 599 sar Arċisqof ta’ Sevilla, wara ħuh, u mexxa d-Djoċesi b’suċċess kbir għal 37 sena, sakemm miet fl-4 ta’ April 636.

Kien bniedem ta’ għerf kbir, u kien l-aħħar wieħed fost il-Filosofi Nsara. Kien ukoll l-aħħar wieħed fost il-Missirijiet tal-Knisja Latina, u kien l-ewwel kittieb Nisrani li għamel ‘Summa’, ġabra ta’ għerf universali. Hu ġabar xogħlijiet Latini u Griegi, li kienu jintilfu li kieku ma kienx hu. Baqa’ msemmi ħafna għall-opra tiegħu ”Etymologiae”, kollezzjoni sistematika ta’ 154 kittieb ta’ żmienu, fuq teoloġija, axxetika, storja, ġografija, astronomija, u suġġetti oħra.

San Sidor attenda t-Tieni Konċilju ta’ Sevilla fis-sena 619, u ppresieda r-Raba’ Konċilju ta’ Toledo fis-sena 633.

Ħadem ħafna biex il-Viżigoti li ddominaw Spanja għal kważi żewġ sekli, ġew ikkonvertiti mill-Arjaniżmu.

San Sidor miet fis-sena 636, ta’ 76 sena.

Ħsieb: Is-soċjetà tagħna tista’ sewwa sew tuża l-ispirtu ta’ San Sidor ta’ kombinazzjoni bejn it-tagħlim u l-qdusija. L-imħabba, il-fehma u l-għerf jistgħu jfejqu u jagħqdu flimkien nies miksura u mifruda minn xulxin. Aħna m’aħniex Barbari bħall-invażuri ta’ Spanja fi żmien Sidor. Imma n-nies li huma mgħarrqa fl-għana u invażati mill-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi, jistgħu jitilfu f’ħajja ta’ nuqqas ta’ mħabba u konpassjoni lejn il-proxxmu. X’jiswew umbagħad l-avvanzi kollha tal-bniedem tal-lum jekk titmermer l-imħabba, li nafu li hi r-raġuni għalfejn ġejna f’din id-dinja? X’jiswielu l-bniedem intelliġenti u għani jekk jikseb tant ġid u unuri biex umbagħad jitlef ruħu?

In-nisrani mħeġġeġ biex bl-avvanzi tad-dinja moderna, jara kif jista’ jħobb, jaqdi u jservi aħjar il-ħtiġijiet tal-ħajja tiegħu u tal-oħrajn, b’attenzjoni speċjali lejn dawk l-aktar batuti u fil-bżonn? Il-bniedem jiftaħar għax niżel fuq il-qamar u kull sena jintefqu eluf ta’ flus fuq ikomplu javvanzaw f’missjonijiet spazjali ġodda. U xi ngħidu għan-nefqa fl-armi li li tintefaq biex il-pajjiżi jkunu lesti għal xi gwerra li tista’ tinqala? Illum nista’ nilħaq lil xi ħadd li qiegħed fuq in-naħa l-oħra tal-globu!! Tassew li l-bniedem jaf ikun intelliġenti u bravu! Imma, ngħid jien, il-bniedem avvanza fejn tidħol il-karita’, l-imħabba u l-għajnuna immedjata ta’ nies fil-bżonn? Il-faqar irnexxielna niddistruġġuh? Nistgħu ngħidu li nies li jmutu bil-ġuħ, bil-mard, bil-klima għax m’għandhomx saqaf fuq rashom u oħrajn, issa saru biss memorja tal-passat?? U xi ngħidu għan-nies bi bżonnijiet fil-gżejjer tagħna?

F’omelija minn tiegħu, Mons. Isqof Mario Grech, waqt quddiesa fl-okkażjoni tal-Gradwazzjoni tal-studenti tal-Università (21 ta’ Novembru 2008) jgħidilhom hekk:

“Matul s-snin dejjem kien hemm nisġa qawwija bejn l-impenn intellettwali u dik l-attenzjoni speċjali għall-faqar qadim u ġdid. Kienu ħafna dawk li xorbu mill-għajn tal-għerf biex imbagħad setgħu jaqdu ġenerożament lill-fqir u liż-żgħir. Irrid nittama li dan huwa wkoll wieħed mill-ideali tagħkom, li llum qed troddu ħajr lil Alla talli temmejtu l-korsijiet tagħkom u issa tibdew tfittxu fejn tistgħu toffru l-kontribut professjonali tagħkom. Il-foqra qegħdin magħna. Peress li mhux dejjem isibu min ġenwinament isostnihom mill-kamp politiku, intom, bħala ċittadini, kulħadd esperti fil-kamp tiegħu jew tagħha, tistgħu tkunu t-tama tagħhom li b’xi mod tgħinuhom jgħixu ħajja umanament dinjituża.

  • Għandna familji li qed ifittxu min jgħinhom biex jegħlbu d-diffikultajiet relazzjonali u finanzjarji;
  • għandna ħaddiema li jixtiequ serħan il-moħħ dwar ix-xogħol li għandhom;
  • għandna tfal u adolexxenti li qed jaffrontaw sfidi ġodda fis-sistema edukattiva;
  • għandna ħafna aspettattivi biex fil-qasam tas-saħħa jkun assigurat ir-rispett lejn il-ħajja;
  • għandna anzjani li jibżgħu li fl-aħħar fażi ta’ ħajjithom mhux ser ikollhom min joffrilhom kenn.

Dawn biex insemmi ftit eżempji. San Bernard jikteb: “Hemm dawk li jridu jkunu jafu biex ikunu jafu, u din hija kurżità; hemm oħrajn li jridu jitgħallmu biex ħaddieħor ikun jaf li huma jafu, u din hija vanità; oħrajn li jistudjaw biex imbagħad ibiegħu l-għerf tagħhom għall-flus u l-unuri, u dan huwa tal-mistħija; hemm min għandu għatx għat-tagħlim biex jifforma lilu nnifsu, u din hija azzjoni prudenti; u hemm dawk li jistudjaw biex jagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u din hija għażla karitattiva”. Huma kliem miktuba ħafna snin ilu, imma attwalissimi. Nitlob lill-Mulej biex iseddaq fikom din il-motivazzjoni li semmejt fl-aħħar.

San Ġakbu jgħidilna li jekk hemmx xi ħadd għaref u għaqli fostna, ħa juri bl-imġiba tiegħu għemilu (Ġakbu 3;13). Ningħaqad mal-Appostlu u nawguralkom li l-għerf li ksibtu fis-snin li għaddejtu l-Università – għerf li żgur għad tridu tikkonfermaw u tkattru bil-formazzjoni kontinwata – , għerf li jgħinkom tiskopru min hu Alla u min hu l-bniedem, jiswielkom biex tagħmlu d-dinja aktar umana milli sibtuha”.

  • U inti, qed tuża l-intelliġenza, l-għerf u l-kapċitajiet tiegħek huma x’inhuma biex tkun ta’ servizz lejn il-proxxmu tiegħek?
  • Li tħalli d-dinja aħjar milli sibtha bil-mod kif għamel Kristu, San Sidor u tant u tant oħrajn, huwa l-programm ta’ ħajtek?

Talba: Agħti widen, Mulej, għat-talb li qegħdin nagħmlulek fit-tifkira ta’ San Sidor, biex, bħalma hu kien ta’ fejda kbira għall-Knisja bit-tagħlim qaddis tiegħu, hekk ukoll ikun ta’ għajnuna għaliha bit-talb tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-isidore-of-seville.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-isidore-of-seville/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Isidore_of_Seville

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

13 ta’ Marzu: Santa Ewfrasja

Verżjoni Vidjo: Santa Ewfrasja

“Billi ġa tajt ruħi lil Kristu, ma nistax nonqos mill-kelma li tajtu u niżżewweġ bniedem mortali.” – Santa Ewfrasja kitbet dan il-kliem lill-Imperatur Teodosju meta dan talabha tmur lura fil-qorti, għax ried iżewwiġha lil senatur żagħżugħ.  

St. Euphrasia 002 TSANTA EWFRASJA
Verġni
380 – 410

Tagħrif: Santa Ewfrasja verġni, kienet bint waħdiena ta’ Ewfrasja u ta’ Antigonu, senatur ta’ Konstantinopli. Missierha miet ftit wara twelidha, u ommha kkonsagrat ’l Alla l-bqija ta’ ħajjitha.

Biex twettaq dan il-ħsieb, ħalliet il-belt kapitali u ma’ bintha ta’ seba’ snin marret l-Eġittu , fejn għammret f’wieħed mill-oqsma art li kellha hemm, ħdejn kunvent tas-sorijiet, li tagħhom hi addottat l-għamla ta’ ħajja qalila.

L-eżempju tal-omm qanqal fiċ-ċkejkna x-xewqa li tidħol mas-sorijiet, u ommha fdatha f’idejn is-superjura, sabiex tħarriġha fil-ħajja axxetika.

Ewfrasja issa qabdet iktar bil-ħeġġa minn qabel it-triq tal-perfezzjoni, u saret għal ħutha s-sorijiet mudell ta’ umiltà, tjubija u karità. Kull tentazzjoni li kellha kienet tmur tistqarrha lis-superjuri, sabiex b’dan l-att ta’ umiljazzjoni, tkeċċiha.

Mietet ta’ xi tletin sena. San Ġwann Damaxxenu jsemmiha fit-tielet taħdita tiegħu dwar ix-xbihat sagri.

Ħsieb: Bħala tislima ta’ firda, qabel ma Ewfrasja daħlet mas-sorijiet, ommha offrietha ’l Ġesù: “Mulejja Ġesù, ilqa’ din it-tifla taħt il-protezzjoni tiegħek. Lilek biss hi tħobb u tfittex.” Ħallietha, u ħarġet mill-monasteru bid-dmugħ f’għajnejha. Ftit wara ħassha ħażin u tat l-aħħar parir lil bintha: “Ibża’ minn Alla, u aqdi lil ħutek bl-umiltà kollha. Kun umli u fqira fl-art, sabiex tkun sinjura fis-sema.”

Wara l-mewt ta’ ommha l-Imperatur Teodosju talabha tiġi lura fil-qorti, għax ried iżewwiġha lil senatur żagħżugħ. Iżda hi kitbitlu: “Billi ġa tajt ruħi lil Kristu, ma nistax nonqos mill-kelma li tajtu u niżżewweġ bniedem mortali.” Talbitu wkoll biex iqassam il-ġid tagħha kollu lill-fqar u lill-istituti tal-karità. Meta l-imperatur qara l-ittra ħariġlu d-dmugħ u s-senaturi qalulu: “Hi bint denja ta’ Antigonu, li jiġi minnek, u nisel qaddis ta’ siġra qaddisa.”

Il-kliem iqanqal imma l-eżemplu jkaxkar. Il-bint ħadet minn ommha it-tagħlim u l-eżempju. L-omm għaqlija, rawmet lil bintha Ewfrasja biex tgħix din il-ħajja bi preparazzjoni kontinwa għal li jmiss. Il-ħajja li jmiss, hija eterna u għalhekk min hu għaqli u jaf jagħmel il-kontijiet sew, jirrealizza li dawn l-erbat ijiem li għandna hawn jgħaddu bħal leħħa ta’ berqa, imma l-eternita’, imqabbla maż-żmien t’hawn, hi l-vera ħajja li tibqa’ għal dejjem. Dejjem jaqblilna, għalhekk, li bħal din l-omm u bintha u tant u tant irġiel u nisa li aħna nsejħulhom ‘qaddisin’ ngħixu hawn bil-għaqal ħalli mbagħad ikollna ħajja tal-akbar kwalita’ u glorja għal dejjem ta’ dejjem!

  • U int, tgħodd ruħek man-nies għaqlin?
  • Kemm qed tinvesti fil-ħajja li jmiss li hi l-veru ħajja li ma tintemm qatt?
  • Qiegħed/qiegħda tgħin, tħeġġeġ u tagħmel minn kollox biex tara li l-oħrajn madwarek, speċjalment dawk l-aktar qrib tiegħek, huma wkoll jinvestu fil-ħajja eterna?
  • Meta se jasal it-tmiem ta’ din id-dinja ma nafux imma t-tmiem ta’ ħajjitna jista’ jasal minn mument għall-ieħor, bla avviż ta’ xejn. Se jsibek preparat/a biżżejjed biex tidħol tgawdiH għal dejjem fil-ġenna?

Talba: O Alla ta’ min iħobboK fuq kollox, bl-eżempju ta’ ħajjitha, Santa Ewfrasja tgħallimna ma naħżnux għalina teżori f’din l-art imma biss fis-Sema, fejn jibqgħu miżmuma għalina u jagħtuna post ta’ ġieħ la naslu għandeK, agħtina dan l-għerf u din l-attitudni tal-qalb biex aħna wkoll ngħixu b’mod li jogħġob lileK ħalli magħha, niġu ngawduK meta ssejħilna għal għandeK. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-euphrasia.html

Alternative Reading: https://kcbc.co.in/KCBC/SaintsDetails/3

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Euphrasia_Eluvathingal

Film on Blessed Euphrasia:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Jannar: San Tumas ta’ Aquino

Verżjoni Vidjo: San Tumas ta’ Aquino

“Jiena tlabt, u sirt għaqli; sejjaħt lil Alla, u mtlejt bl-għerf. U dan l-għerf qistu aqwa mix-xettri u t-tronijiet, u ntbaħt li l-għana m’hu xejn ħdejh. Mulej, min qatt għaraf x’inhi r-rieda tiegħek jekk inti nnifsek ma tajtux l-għerf u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-Ispirtu qaddis tiegħek.” – Għerf 7:7-8; 9:17

220px-Thomas_Aquinas_in_Stained_GlassSAN TUMAS TA’ AQUINO
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1225 – 1274

Tagħrif: San Tumas, magħruf bħala d-“Duttur Anġeliku” u l-“Prinċep tat-Teologi Kattoliċi”, għadda ħajja f’atmosfera ta’ talb u studju.

San Tumas twieled fil-Belt ta’ Aquino qrib Monte Cassino, fl-1225, minn familja nobbli. Hu kien is-seba’ wieħed fost ħames subien u ħames bniet. Ta’ ħames snin beda jmur għand il-Patrijiet Benedittini ta’ Monte Cassino biex jitgħallem l-iskola.

Fl-1239, meta kellu erbatax-il sena, daħal l-Università ta’ Napli. Hemm iltaqa’ mal-Patrijiet Dumnikani, u daħal magħhom – ordni ddedikata prinċipalment għat-tagħlim u l-predikazzjoni..

Tal-familja ma riduhx isir patri Dumnikan. Fl-1224, ħutu, fuq ordni tal-ġenituri, qabduh u ġabuh lura d-dar bil-fors, u żammewh qisu priġunier f’wieħed mill-kastelli tal-familja, u għamlu minn kollox biex idawrulu fehmtu, bla ma rnexxielhom. Bil-għajnuna ta’ oħtu li kienet iġġiblu l-kotba, studja sew il-Bibbja u l-Filosofija.

Meta tawh il-libertà fl-1245, reġa’ ngħaqad mad-Dumnikani. F’Pariġi u f’Cologne huwa studja taħt San Albertu Manju. San Tumas għallem u pprietka f’Pariġi, Orvieto, Ruma, Viterbo u Napli. Fl-1266, beda jikteb il-famuża Summa Theologiæ, iżda waqaf ħesrem fis-6 ta’ Diċembru 1273, meta kellu esperjenza profonda waqt li kien qed jitlob wara li qaddes. Meta xi ħadd staqsieh għaliex kien waqaf, wieġeb: “Dak kollu li ktibt jidher qisu tiben ħdejn dak li ġie rrelevat lili.” Hu ħalla ħafna kitbiet oħra li jixhdu l-kobor tal-għerf li bih kien imżejjen.

Qabel ma kien jibda xi studju, huwa kien l-ewwel isejjaħ l-għajnuna ta’ Alla fil-kontemplazzjoni u t-talb. Is-sintesi ta’ San Tumas taqbel ħafna mar-rivelazzjoni divina u mar-raġuni umana.

Huwa kien bniedem ta’ ħajja sempliċi, lest li jaqdi, silenzjuż u miġbur, b’mod li kien maħbub minn kulħadd. Aktar minn ħaddieħor hu kien jifhem l-istudju u x-xjenza bħala mezzi ta’ qdusija. Maħbub mill-poplu, kien jippreferi li jipprietka lin-nies foqra, bis-sempliċità u bonarjetà, anke aktar minn darba kuljum, kif jixhed l-ewwel kittieb tal-ħajja tiegħu.

San Tumas t’Aquino kien devot kbir tal-Ewkaristija. Lil dan il-qaddis nafu l-offiċjatura ta’ nhar il-festa ta’ Corpus Christi fejn insibu fost l-oħrajn il-famuż innu Lauda Sion, kif ukoll Pange Lingua, it-Tantum Ergo, O Salutaris Hostia, Adoro te devote u oħrajn.

Darba kien qed jitlob quddiem il-kurċifiss u sama’: “Ktibt tajjeb fuqi, Tumas. Xi trid bħala rigal?” San Tumas wieġeb: “Xejn ħlief lilek, Mulej!”

Il-qaddis miet ta’ 49 jew 50 sena fis-7 ta’ Marzu 1274, wara li rċieva l-vjatku, meta kien fi triqtu biex fuq talba tal-Papa Girgor X jieħu sehem fil-Konċilju ta’ Lyons.

Il-festa tiegħu ssir fit-28 ta’ Jannar b’tifkira ta’ meta fl-1368 il-fdalijiet tiegħu ttieħdu f’Toloża, fi Franza, b’ordni tal-Papa Urbanu V. Kien iddikjarat qaddis minn Ġwanni XXII fl-1323 u ddikjarat duttur tal-Knisja minn Piju V. Mis-snin li għaddew mill-kanonizazzjoni tiegħu, ebda għalliem ma kien hekk approvat minn Papiet u konċilji daqsu u huwa l-uniku duttur li l-Konċilju Vatikan II ppropona speċifikament bħala gwida intellettwali għas-saċerdoti u għall-istudenti universitarji. San Tumas huwa Patrun tal-iskejjel Kattoliċi.

Ħsieb: Nixtieq nibda b’talba mill-isbaħ ta’ San Tumas ta’ Aquino:

O Mulej Alla tiegħi, agħtini
moħħ biex nagħarfek,
qalb biex infittxek,
għerf biex insibek,
imġiba biex nogħġob lilek,
perseveranza determinata fl-istennija tiegħek,
u tama li fl-aħħar inħaddnek miegħi.
Ammen. 

Peress li San Tumas ta’ Aquino kien devot kbir ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, xtaqt ninkludi parti minn taħdita ta’ Dun Hector Scerri dwar strofa minn innu li kiteb hu, li saret fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta fl-Akkademja fil-100 Sena mill-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali (27 ta’ April 2013):

“F’telfa ta’ mħabba qawwija, tabilħaqq magħġuna ma’ kontemplazzjoni taħraq, mill-qalb saċerdotali u l-moħħ għaref ta’ San Tumas ta’ Aquino ħarġet l-għanja-talba magħrufa mill-kliem tal-ewwel vers tagħha, Adoro te devote – Jien nadurak bil-qima. Innu Ewkaristiku li ilu jitkanta minn ġenerazzjonijiet ta’ Nsara tul is-sekli. Innu li jesprimi fidi ħajja fil-Ġisem Veru u d-Demm Veru ta’ Ġesù Kristu Rxoxt, tassew preżenti sagramentalment għalina taħt ix-xbihat ta’ ħobż umli u nbid iħammar. Fis-sitt strofa, minn sebgħa, li fiha l-għanja, inkantaw:

Pie pellicane Iesu Domine,
O Ġesù hekk twajjeb, Pellikan qaddis
Me immundum munda tuo Sanguine:
Saffi Int lil qalbi b’demmek il-għażiż
Cuius una stilla salvum facere
Li b’qatra biss minnu, O Ġesù maħbub
Totum mundum quit ab omni scelere
Tista’ d-dinja kollha tnaddaf minn kull dnub.

Il-kelmtejn tal-bidu, li jiddu b’tifsir għoli: pie pellicane – O Pellikan qaddis, iqanqlu devozzjoni u mħabba ġewwa fina… imma, mhux biss! Kif se naraw, dan il-kliem għandu jqanqalna biex infasslu ħajjitna fuq l-eżempju li tana l-Pellikan qaddis.

Dan in-nom u l-aġġettiv – O Pellikan qaddis, pie pellicane – jeħtieġu ftit ta’ spjegazzjoni. Mijiet ta’ snin ilu, u anke fiż-żmien klassiku tal-Greċja u tal-Imperu Ruman, kienu jemmnu li dan l-għasfur, il-pellikan, kellu mġiba għal kollox partikulari. Meta ma kienx jirnexxilha ssib ikel għall-friegħ tagħha, il-pellikan omm kienet tqatta’ minn ġisimha stess biex huma jkollhom almenu dak il-ftit biex jitrejqu bih. Għalkemm ir-riċerka tax-xjenzjati u tal-ornitoloġi (i.e. dawk li jistudjaw bir-reqqa d-dinja tal-għasafar) tgħid, bla tlaqliq, li dan fil-fatt mhuwiex minnu, fl-istess ħin dan il-ħsieb, bir-raġun, ifakkar lill-Insara f’Ġesù Kristu. Ġesù tassew tana lilu nnifsu. Tana lilu nnifsu biex niekluh. Tana kollox!

O Ġesù hekk twajjeb, Pellikan qaddis, ikun l-eżempju tiegħek li jispirana. Ikun l-eżempju tal-għotja tiegħek li jagħtina l-qawwa biex kuljum aħna nitgħallmu ningħataw bħalek. Inti, fiċ-Ċenaklu, fuq il-Golgota, wara l-Qawmien, ħallejthom iqattgħu u jieklu minnek. U tħalli lilna nagħmlu l-istess. Meta nkunu fl-iskola tiegħek, aħna u nqattgħu u nieklu minnek, nimtlew bil-qawwa biex aħna wkoll insiru ‘ġisem li jingħata’ u ‘demm li jixxerred.’ Dik skola! O Ġesù hekk twajjeb, Pellikan qaddis, agħmel li l-Ewkaristija ssir il-ħajja tagħna, u l-ħajja tagħna Ewkaristija.

Aħna l-Maltin għandna idjoma mill-isbaħ. Dwar persuna ġeneruża li ma toqgħodx tkejjel miegħek, aħna ngħidu: ‘Dak, taqta’ u tiekol minnu.’ Għal min, jekk mhux għal Ġesù, joqgħod l-aktar dan il-kliem?! Iva, Ġesù, l-Iben t’Alla li sar bniedem, li għallem in-nies, għamel il-mirakli, li sejjaħ in-nies biex ikunu dixxipli tiegħu billi jiċħdu lilhom infushom, jerfgħu salibhom u jimxu warajh, li bata passjoni ħarxa, miet u qam mill-imwiet… huwa tassew il-Pellikan qaddis.

Nistgħu naqtgħu u nieklu minnu mhux biex nieqfu hemm u npoġġu idejna fuq żaqqna. Naqtgħu u nieklu minnu biex hu jagħmel minnek persuna li ħaddieħor jista’ jaqta’ u jiekol minnek. Aħna nqimu lil Ġesù fl-Ewkaristija waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.”

ĠESU’ TQATTA’ U TIEKOL MINNU! Imma attenti! Jeħtieġ inkunu preparati sew biex nirċievu dan is-Sagrament hekk kbir! San Pawl jgħidilna b’mod ċar:

“Mela kull min jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej. Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi. Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess.” (1Korintin 11:27-29)

TKUN QED TITQARBEN ĦAŻIN: jekk int fid-dnub il-mejjet jew għandek ħsieb ĊAR li tidneb jew tmur kontra l-Vanġelu jew it-tagħlim tal-Knisja. F’dan il-każ, TITQARBINX qabel ma tindem b’sinċerità minn dnubietek kollha u tmur tirċievi l-maħfra tal-Mulej permezz tas-Sagrament tal-Ħniena (tal-Qrar). Din tapplika għalija, għalik u għal kulħadd. Kulħadd inkluż u ħadd eskluż.

Fis-Sekwenza tas-Solennita’ ta’ Corpus Christi nsibu dan li ġej:

“Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;
imma ‘l dawk iġib il-ħajja,
lil dawn jixħet fit-telfien.

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba
ara kif jinbidel fihom,
għalkemm jieħdu l-istess ikel”.

Talba: O Alla, inti tajtna f’San Tumas ta’ Aquino sinjal ċar ta’ ħeġġa għall-qdusija u ta’ ħerqa għat-tagħlim imqaddes; agħmel li nifhmu sewwa kull ma għallem u li nsiru nixbħuh fl-imġiba ta’ ħajtu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/january-28-saint-thomas-aquinas-priest-and-doctor/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-thomas-aquinas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_Aquinas

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

5 ta’ Jannar: San Ġwann Nepomeċenu Neumann

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Nepomeċenu Neumann

“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.” – Ġesù f’Mark 16:15 

saints1-5neumannSAN ĠWANN NEPOMEĊENU NEUMAN
Isqof
1811 – 1860

Tagħrif: San Ġwann twieled fi Prachitz fil-Boemja, fl-1811. Wara li temm l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Praga, telaq lejn l-Amerika.

Wasal New York fl-1836, u ġie ordnat saċerdot mill-Isqof James Dubois fil-25 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena.

Wara erba’ snin ta’ ħidma pastorali bħala qassis djoċesan, daħal mal-Patrijiet Redentoristi (ta’ San Alfons) u kien viċi-provinċjal.

Imma fl-1852, il-Papa Piju IX, ħatru isqof ta’ Filadeljfa, fejn ħadem bla mistrieħ, billi waqqaf skejjel li għalihom sejjaħ bosta brothers u sorijiet, bena knejjes u ta bidu għall-bini tal-katidral. Waqqaf ukoll bosta parroċċi ġodda, kiteb żewġ kotba tal-katekiżmu, u xerred ferm id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija.

Waqa’ mejjet fit-triq, ġewwa Filadelfja, fil-5 ta’ Jannar, 1860, fl-età ta’ 48 sena. Il-Qaddis Papa Pawlu VI mar jikkanonizzah fid-19 ta’ Ġunju, 1977. Il-fdal tiegħu jinsab meqjum fil-kripta tal-knisja ta’ San Pietru, (Avenue Girard) ġewwa Filadelfja.

Ħsieb: Kristu ma jagħtikx missjoni mingħajr ma jagħti wkoll l-mezzi biex twettaqha. Id-don li Ġwann Neumann ingħata mingħand Alla, kien l-abbiltà organizzattiva eċċezzjonali tiegħu, li kien juża biex ixerred l-Aħbar it-Tajba. Illum il-Knisja hija fil-bżonn urġenti li rġiel u nisa li jkomplu fi żminijietna jgħaddu l-Aħbar it-Tajba tal-Evanġelju. L-ostakoli u l-inkonvenjenzi huma reali u dejjem irid jitħallas prezz. Iżda meta l-Insara jersqu lejn Kristu, huwa jipprovdi t-talenti meħtieġa biex inkunu nistgħu inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-lum. L-Ispirtu ta’ Kristu jkompli x-xogħol tiegħu permezz tal-istrumentalità ta’ Nsara Ġenerużi.

Dan hu d-diskors tal-Papa Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali tal-22 ta’ Mejju, 2013 dwar il-missjoni tal-Knisja li tevanġelizza lill-ġnus:

“Il-missjoni tal-Knisja hi li tevanġelizza, u din m’hix missjoni ta’ xi wħud biss, imma hi l-missjoni tiegħi, tiegħek, tagħna lkoll. L-Appostlu Pawlu esklama: ‘Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!’ (1 Korintin 9:16). Kulħadd irid ikun evanġelizzatur, fuq kollox b’ħajtu! Pawlu VI enfasizza: ‘Li tevanġelizza… hi l-grazzja u s-sejħa propja tal-Knisja, l-identità l-aktar profonda tagħha. Hi teżisti biex tevanġelizza’ (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, 14).

Naħsbu ftit fuq dan. Inwasslu l-Evanġelju jfisser inħabbru u ngħixu aħna l-ewwel ir-rikonċiljazzjoni, il-maħfra, il-paċi, l-għaqda u l-imħabba li l-Ispirtu s-Santu jagħtina bħala don. Niftakru fi kliem Ġesù: ‘Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom’ (Ġwanni 13:34-35).

Effett ieħor tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu: il-kuraġġ li nħabbru lil kulħadd l-element ġdid tal-Evanġelju ta’ Ġesù;

  • bi frankezza (parresia),
  • b’leħen għoli,
  • f’kull waqt u
  • kullimkien.
  • Inxettlu enerġiji ġodda għall-missjoni,
  • toroq ġodda biex fihom inħabbru l-messaġġ tal-fidwa,
  • kuraġġ ġdid biex nevanġelizzaw.

Ejjew ma ningħalqu qatt għal din l-azzjoni! Ngħixu l-Evanġelju bl-umiltà u l-kuraġġ! Nagħtu xhieda għal dak li hu ġdid fih, it-tama, il-ferħ li l-Mulej iġib f’ħajjitna. Inħossu fina ‘l-hena ħelu u mimli faraġ tal-evanġelizzazzjoni’ (Pawlu VI, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, 80). Għax meta nevanġelizzaw u nħabbru lil Ġesù, dan jagħtina l-ferħ; min-naħa l-oħra, l-egoiżmu jġibilna biss diqa, niket, isabbatna mal-art; l-evanġelizzazzjoni tgħollina ‘l fuq.”

Neumann ħa serjament il-kliem ta’ Sidna, “Mur u għallem lill-ġnus kollha.” Irċieva l-istruzzjonijiet mingħand Kristu u s-setgħa li jwettaqhom. Kien qaddej fidil u għaqli li baqa’ magħruf għal kliemu, kitbietu u għemilu, hekk li llum qed nirringrazzjaw lil Alla għad-don ta’ ħajtu.

  • U int, għaliex taħseb li ser tibqa’ magħruf/a wara mewtek? Għal liema kelmiet u għemejjel se jfaħħruk u jirringrazzjawk?
  • Qed tagħmel ħiltek kollha biex tkun ta’ dawl u ispirazzjoni għal ħaddieħor?
  • Tfittex l-għerf u t-tagħlim li bih tista’ tikber int u tkabbar lill-oħrajn fit-triq għall-qdusija hekk kif għamel San Ġwann Neumann?

Talba: O Missier qaddis, ħares lejn din il-qalb fqira tiegħi lesta biex tilqgħek imqanqla bil-grazzja divina tiegħek. Keċċi minn ġo qalbi dak li hu ħażin, għax waħdi dan ma nistax nagħmlu. O ħelu Ġesù tarbija, għal darb’oħra inti tingħaqad miegħi. O li kieku nista’ nħejji post ġewwa qalbi kif tixtieq int, Ġesù. O salvatur omnipotenti, agħtini l-għajnuna! Għażiż Ġesù, aħsilna bid-dmugħ li jinxtered minn dawk għajnejk ħelwin, minħabba dnubieti. Ħa jberkuni dawk l-idejn tas-salvatur tarbija tiegħi. Ammen. (Talba ta’ San Ġwann Nepomeċenu Neumann)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-john-neumann.html

Alternative Reading: https://sjnnh.org/the-fascinating-life-of-st-john-neumann

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Neumann

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ Diċembru: San Ġwann ta’ Kety

Verżjoni Vidjo: San Ġwann ta’ Kety

“Iġġieled kontra l-iżbalji, imma agħmilha b’mod tajjeb, bil-paċenzja, bil-ġentilezza u bl-imħabba. Il-ħruxija tagħmel ħsara lil ruħek u tħassar l-aħjar kawża.” – San Ġwann ta’ Kety  

30450SAN ĠWANN TA’ KETY
Saċerdot
1390 – 1473

Tagħrif: San Ġwann twieled fir-raħal ta’ Kety, Djoċesi ta’ Krakovja, il-Polonja, fit-23 ta’ Ġunju 1390. Hu studja fl-Università ta’ Krakovja minn fejn ordna saċerdot, u wara sar professur tat-teoloġija.

Għallem għal bosta snin fl-Università ta’ Krakovja; imbagħad l-għira ta’ xi wħud minn sħabu pperswadiet lis-superjuri tiegħu biex jibagħtuh bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ilkusi. Iżda wara xi tmien snin raġa mar Krakovja jgħallem l-Iskrittura fl-Università fejn baqa’ sakemm miet.

San Ġwann kien qaddis tipiku: kien bniedem ta’ fidi safja, twajjeb, umli, ġeneruż, dejjem ferħan iżda serju, u mimli mħabba lejn għajru tant li wasal li ta’ ġidu kollu lill-foqra.

B’xewqa li jmut martri, għamel pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa biex jipprietka fost il-Musulmani. F’ħajtu għamel erba’ pellegrinaġġi għal Ruma bil-mixi, iġorr ħwejġu fuq dahru.

San Ġwann miet fi Krakovja lejliet il-Milied tal-1473. Ikkanonizzah il-Papa Klement XIII fl-1767.

Ħsieb: Dan hu dak li qal il-Papa Klement XIII dwar San Ġwann ta’ Kety:

“San Ġwann kien ta’ eżempju mill-isbaħ għall-professuri tal-Università, kien ispirazzjoni ta’ dedikazzjoni kompleta fid-doveri tiegħu u fit-tagħlim. … Barra mill-umiltà kbira li kellu, kien sempliċi qisu tifel. Kuljum wara li jkun għallem kien jibqa’ sejjer dritt il-knisja u jqatta’ sigħat sħaħ jitlob quddiem Ġesù fl-Ewkaristija.”

Il-kelma “universitas” għandha l-idea ta’ ġabra fimkien ta’ kollox, jiġifieri tas-suġġetti u d-dixxiplini kollha, u l-idea tal-komunità. Ma tistax tgħix tassew mingħajr ma tgħolli r-ruħ u l-moħħ lejn l-għerf u t-tagħlim, mingħajr ix-xewqa li wieħed jgħolli ‘l fuq il-ħsieb u l-konoxxenza tiegħu. Ir-riċerka trid issir flimkien, waqt li tistimola interessi tajbin komuni, li wieħed jaqsam ukoll mal-oħrajn. Din hi l-karatteristika universali tal-università, karatteristika li qatt ma tieqaf milli tinkludi fiha lil kulħadd u lil kull suġġett possibbli.

Ir-riċerka tat-tajjeb, infatti, hija ċ-ċavetta biex wieħed jirnexxi fl-istudji tiegħu, l-imħabba hija l-ingredjent li jagħti t-togħma lit-teżori kollha tal-għerf u tat-tagħlim u b’mod partikulari lid-drittijiet tal-bniedem u tal-popli.

Il-Papa Franġisku, fid-diskors tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2015, fil-Laqgħa mad-Dinija tal-Iskola u l-Università, qal dan:

“Hemm riflessjoni li tolqot lilna lkoll: familji, skejjel, għalliema: kif nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ tagħna biex ma jħarsux lejn id-diploma tal-università bħala ċertifikat li jagħmilhom xi ħaġa aktar minn ħaddieħor, bħala xi ħaġa li tfisser ‘aktar flus,’ prestiġju soċjali. Le, dawn ma jfissrux hekk. Kif nistgħu ngħinuhom biex jagħrfu li din it-tħejjija hi sinjal ta’ responsabbiltà akbar quddiem il-problemi tal-lum, quddiem il-ħtieġa tal-għajnuna lill-aktar foqra, quddiem il-ħtieġa tal-ħarsien tal-ambjent?

Lilkom illum, lili, lil kulħadd, aħna mitlubin biex b’urġenza nfittxu naħsbu, nfittxu niddiskutu dwar is-sitwazzjoni attwali tagħna – u ngħid urġenti -; li nsibu l-kuraġġ naħsbu dwar liema tip ta’ kultura rridu jew nippretendu li jkollna, mhux biss għalina imma wkoll għal uliedna u għan-neputijiet tagħna. Din l-art irċevejnieha b’wirt, bħala don, bħala rigal. Nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna:

  • Kif irridu nħalluha?
  • Liema toroq irridu nimmarkaw bihom l-eżistenza tagħna?
  • Għal liema raġuni aħna ġejna f’did-dinja?
  • Għal liema għan ġejna f’dil-ħajja?
  • Għal liema għan naħdmu u nissieltu?
  • Għalfejn qed nistudjaw?

L-Ispirtu s-Santu jispirana u jakkumpanjana għax Hu kien li sejħilna, stedinna, tana l-opportunità u fl-istess waqt, tana r-responsabbiltà li nagħtu l-aħjar tagħna. Jalla jagħtina l-qawwa u d-dawl li għandna bżonn. Hu l-istess Spirtu li fl-ewwel jum tal-ħolqien kien jittajjar fuq l-ilmijiet biex jittrasformahom, mehdi li jagħti l-ħajja. Hu l-istess Spirtu li lid-dixxipli tahom il-qawwa fil-Pentekoste. Hu l-istess Spirtu li ma jabbandunana qatt u jitwaħħad magħna biex insibu modi ta’ ħajja ġdida. Jalla jkun Hu l-kumpann tagħna u l-gwida tagħna tul il-vjaġġ.”

Talba: San Ġwann ta’ Kety, inti kont il-professur li għamilt il-ħajja tiegħek studju fil-qdusija, nitolbuk tinterċedi għall-professuri, l-għalliema u dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Ħa jkollhom l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex iwasslu dak id-Dawl u l-Għerf vera lill-istudenti. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-john-cantius.html

Alternative Reading: https://sanctoral.com/en/saints/saint_john_cantius.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Cantius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

11 ta’ Diċembru: San Damasu I

Verżjoni Vidjo: San Damasu I

“Dak li miexi fuq il-baħar seta’ jikkalma l-mewġ qawwi: Dak li jagħti l-ħajja liż-żerriegħa li qed tmut fil-ħamrija; Dak li kien kapaċi jħoll il-ktajjen tal-mewt, u wara tlett ijiem fid-dlam iġib lura fid-dinja lil ħu Marta; nemmen li hu għad iqajjem mill-ġdid lil Damasu mit-trab tal-art.” – Skrizzjoni li San Damasu I kiteb għalih stess.

55dc33cd71e021a896e6b698905b5c4dSAN DAMASU I
Papa
305 – 384

Tagħrif: San Damasu twieled aktarx f’Ruma għall-ħabta tas-sena 305. Missieru li kien Spanjol, wara l-mewt ta’ martu jew bil-kunsens tagħha sar qassis u kien jieħu ħsieb il-knisja ta’ San Lawrenz, f’Ruma.

Damasu sar Djaknu fil-knisja li kien qed jieħu ħsieb missieru, u wara sar qassis.

Fis-sena 366, meta kellu madwar 62 sena sar Papa. Miegħu sar l-antipapa Ursinu, iżda dan ġie eżiljat mill-Imperatur Valentinjanu. Matul il-papat twil tiegħu ta’ 18-il sena, San Damasu kellu jħabbat wiċċu ma’ ħafna nkwiet, speċjalment dak imqanqal mis-segwaċi ta’ Ursinu, u minn ħafna tagħlim falz sew f’Ruma u sew f’postijiet oħra fil-Knisja. B’danakollu, San Damasu ra ħwejjeġ sbieħ iseħħu fil-Knisja.

Fis-sena 380, l-Imperatur Teodozju tal-Lvant u Grazjanu tal-Punent ipproklamaw il-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Imperu Ruman. Kien hu l-ewwel Papa li sejjaħ il-Knisja bl-isem ta’ “Is-Sedja Appostolika.”

Hu ħatar lil San Ġilormu segretarju tiegħu u awtorizzah biex jagħmel reviżjoni b’reqqa ikbar tal-verżjoni Latina qadima tal-Bibbja, b’riżultat li llum għandna l-Vulgata. F’Sinodu tat-374, San Damasu ħareġ Kanoni importanti tal-Kotba tat-Testment il-Ġdid. Fi żmienu il-lingwa tal-Liturġija nbidlet mill-Grieg għal-Latin, f’Ruma.

Hu sab u rrestawra l-katakombi fejn bosta martri Nsara kienu midfuna, u għamilhom postijiet ta’ pellegrinaġġi. Huwa kiteb bosta skrizzjonijiet fuq lapidi ta’ oqbra u knejjes biex il-Fidili japprezzaw aħjar il-wirt Nisrani tagħhom.

San Damasu miet f’Ruma fil-11 ta’ Diċembru 384, u difnuh fil-qabar fejn kien hemm midfunin ommu u ħutu, fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu. Biex titpoġġa fuq qabru kiteb din l-iskrizzjoni: “Jien, Damasu, xtaqt nindifen hawn, iżda bżajt li noffendi l-fdalijiet ta’ dawn il-qaddisin.”

Ħsieb: L-istorja tal-papat u l-Knisja hija inseparabbilment imħallta mal-bijografija personali ta’ Damasu. F’perjodu problematiku u kruċjali tal-istorja tal-Knisja, huwa jispikka bħala difensur tal-fidi vera b’ħeġġa kollha żelu li kien jaf x’għandu jagħmel f’kull ċirkustanza li kellu jaffaċċja.

Damasu jagħmilna konxji ta’ żewġ kwalitajiet ta’ tmexxija tajba: viġilanza għat-tħeġġiġ tal-Ispirtu, u servizz. It-taħbit tiegħu għandu jfakkarna li Ġesù qatt ma wiegħed il-protezzjoni tal-blat tiegħu mir-riħ tal-uragani u lanqas li se jħares lis-segwaċi tiegħu mid-diffikultajiet. L-unika garanzija tiegħu hija r-rebħa finali. Kull Nisrani jinsab f’din it-taqbida ħarxa biex jaħdem għas-salvazzjoni ta’ ruħu fost tant taħbit u tiġrib li qatt ma jonqos.

Dawn huma siltiet minn kummentarju għat-talba tal-Missierna: “La ddaħħalniex fit-tiġrib” ta’ San Frangisk Anton Fasani:

“Mulej, fil-għerf ġust tiegħek, int għall-ġid tagħna ridt li ħajjet il-bniedem fuq l-art tkun taqbida, iżda din m’hijiex taqbida kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-prinċpijiet u l-mexxejja tad-dlamijiet. Hija ġlieda bejn l-ispirti l-ħżiena u l-ispirti tas-sema. Imma, Mulej, min jista’ jżomm sħiħ kontra x-xitan? Dak li kien maħluq biex ma jibża’ minn xejn, dak hu s-sultan ta’ wlied is-suppervja. U lkoll kemm aħna nintilfu, jekk ma tgħinniex int, Mulej. Tkun imbierka, mela, dejjem il-ħniena tiegħek, għax int dawwaltna, u aħna nitolbu l-għajnuna mingħandek, aħna u ngħidu: ‘u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’

Jeħtieġ li wieħed jifhem sewwa żewġ kelmiet: sahra u talb. Jeħtieġ li nishru dejjem, għax l-għadu tagħna, ix-xitan, dejjem jishar fuqna biex jagħmlilna l-ħsara. Min jishar joqgħod attent u jaħrab mill-perikli. U t-talb ukoll hu meħtieġ b’mod speċjali, għax għalkemm l-ispirtu jrid, dan għadu mirbuħ mid-dgħufija tal-ġisem, li hu magħqud max-xitan li hu qawwi. Mela biex ir-ruħ tirbaħ lill-ġisem u lix-xitan, jeħtieġ li tilbes dik il-qawwa li ġejja minn fuq. U din tinkiseb biss bit-talb. Fhimt, ja ruħ?

Imma jaħasra, kemm jitqarrqu l-bnedmin meta jaħsbu li jistgħu jkunu fiż-żgur bla ma jishru. Imorru fil-periklu u dlonk jaqgħu. Hekk ukoll hemm dawk li jaħsbu li huma qawwijin mingħajr it-talb, iżda mbagħad meta jinqala’ t-tiġrib jintelqu f’idejn ix-xitan.

Meta ngħidu “Iddaħħalniex fit-tiġrib” inkunu nitolbu ‘l Alla biex ma jħalliniex naqbdu t-triq tad-dnub. B’din it-talba nitolbu l-Ispirtu jagħtina l-grazzja li nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, u l-qawwa biex nagħmlu t-tajjeb. Nitolbu wkoll li qalbna tishar dejjem fuq l-imġiba kollha tagħna u li niksbu l-perseveranza tal-aħħar.

  • U int, kemm tishar fit-talb?
  • Meta titlob lil Alla biex ma jdaħħlekx fit-tiġrib, tagħmel ħiltek kollha biex titbiegħed minn dak kollu li jista’ jwasslek għad-dnub?
  • Meta tinqabad fin-nassa tax-xitan minħabba d-dgħjufija tiegħek, tfittex li tinħeles bit-talb, u bis-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin li jagħtuna l-qawwa kontra l-Ħażin u l-qerq tiegħu?

Ejjew nitolbu biex il-Mulej jeħles mit-tiġrib kontinwu tax-xitan lill-Papa u l-isqfijiet, is-saċerdoti, il-patrijiet u s-sorijiet, dawk ta’ ħajja kkonsagrata u l-lajċi kollha. Nitolbuh jipproteġina minn kull tip ta’ tentazzjoni, iwaqqaf kull spirtu ta’ firda bejnietna u jħarisna mill-iskandli li jġibu kunfużjoni u taħwid qalb il-poplu. Nitolbuh ukoll biex jagħtina mexxejja tajba u qaddisa bħall-Papa li qed niċċelebraw it-tifkira tiegħu llum biex imexxuna bil-għaqal, bl-għerf u bil-qdusija.

Talba: Nitolbuk, Mulej, biex kif il-Papa San Damasu weġġah u ħabb il-martri tiegħek, hekk aħna niċċelebraw dejjem il-merti tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/st-damasus-i.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-damasus-i/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Damasus_I

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb huwa meħud minn Kummentarju għat-talba tal-“Missierna” ta’ San Frangisk Anton Fasani, maqlub għal Malti minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

15 ta’ Novembru: San Albertu l-Kbir

Verżjoni Vidjo: San Albertu l-Kbir

“San Albert kellu dak id-don rari u divin, l-istint xjentifiku, fi grad għoli ferm. Hu sewwasew il-qaddis li bl-eżempju tiegħu għandu jdawwal l-epoka tal-lum, li tfittex hekk bil-ħeġġa l-paċi u hi hekk mimlija bit-tama fl-invenzjonijiet xjentifiċi tagħha.” – Il-Papa Piju XI dwar San Albertu l-Kbir

web-saint-november-15-albertus-magnus-public-domainSAN ALBERTU L-KBIR
Isqof u Duttur tal-Knisja
1206 – 1280

Tagħrif: San Albertu twieled f’Lauingen f’xatt id-Danubju, il-Ġermanja, fl-1206. Kien l-iben il-kbir ta’ familja sinjura ħafna, nobbli u aristokratika.

Kien qed jistudja fl-Università ta’ Padova meta ħass li kellu jsir saċerdot, u kontra x-xewqat tal-familja tiegħu daħal mad-Dumnikani fl-1223.

In-novizzjat tiegħu għamlu f’Cologne, il-Ġermanja. Ħames snin wara, beda jgħallem fil-kulleġġi tad-Dumnikani.

Fl-1245, ħa d-Dottorat fit-teoloġija mill-Università ta’ Pariġi. Kien l-ewwel Dumnikan li kiseb grad hekk għoli. Minnufih beda jgħallem it-teoloġija fl-istess Università. Hawn kellu lil San Tumas ta’ Aquino bħala student tiegħu.

Fl-1428, ġie maħtur Reġġent tal-istudji f’Cologne, fejn iż-żgħażagħ Dumnikani kienu jiġu mħarrġin biex isiru predikaturi tajbin kif kien jitlob minnhom l-Ordni.

San Albertu kien imżejjen b’intelliġenza straordinarja. Kien awtorita’ fil-Fiżika, Ġometrija, Bioloġija, Ġografija, Astronomija, u oħrajn, flimkien max-Xjenzi Teoloġiċi. Dawk li kienu jafuh, kienu jiskantaw kif moħħ ta’ bniedem wieħed seta’ jkollu dak l-għerf kollu, u fl-istess ħin ikun bniedem sempliċi, b’fidi kbira, umli u qaddis li kien iqatta’ ħafna ħin quddiem l-Ewkaristija. Minħabba l-ġenju u l-għerf fenominali tiegħu huwa magħruf bħal Duttur Universali.

Fl-1254, ġie elett Provinċjal tal-Ordni fil-Ġermanja, iżda wara sentejn irreżenja. Fl-1260, il-Papa Urbanu IV ħatru Isqof ta’ Regensburg, il-Ġermanja. Wara sentejn irreżenja. Xtaq jiddedika ruħu għat-tagħlim.

Fl-1278, waqt li kien qed jagħti ‘lecture’, f’daqqa waħda l-memorja ħallietu għal kollox, u ma ġietu qatt lura sakemm miet sentejn wara, f’Cologne, fil-15 ta’ Novembru 1280, meta kellu 75 sena. Miet fil-paċi, ħelu ħelu, bilqiegħda fuq is-siġġu tiegħu, bla mard, imdawwar minn ħutu d-Dumnikani. Ġie ddikjarat Qaddis u pproklamat Duttur tal-Knisja mill-Papa Piju XI, fl-1931.

Ħsieb: Dan x’jgħid San Bernard dwar l-għerf minn Prietka fuq l-Għanja tal-Għanjiet:

“Hemm xi wħud li jixtiequ l-għerf biex jitkabbru, dik hi għarukaża. Oħrajn biex isiru magħrufa, dik hi vanità u għajb. Oħrajn biex jakkwistaw il-flus u l-favuri, dan hu skreditu. Iżda hemm oħrajn li jixtiequ l-għerf biex ikunu jistgħu jgħinu lill-oħrajn, u dik hi karità.  Oħrajn biex itejbu lilhom infushom, dik hi prudenza. Minn dawn it-tipi kollha, it-tnejn tal-aħħar biss jużaw l-għerf tajjeb u kif għandu jkun.”

Bla dubju li San Albertu l-Kbir kien tal-aħħar żewġ tipi u kien għalhekk li laħaq il-qdusija li kull bniedem hu msejjaħ għaliha. Tassew li ma tridx tkun xi studjuż kbir biex tiddaħħal fil-ġenna mal-henjin imma hu importanti li dawk li jaslu għal xi pożizzjoni għolja f’għajnejn il-bnedmin, jibqgħu umli u jagħrfu li dak li għandhom ingħatalhom mingħand Alla biex jużawh għall-ġid tal-oħrajn u biex jitqaddsu huma stess.

Hawn ukoll min jispeċjalizza fis-sengħa tiegħu wkoll u hawn min jipprova jasal għall-perfezzjoni tal-mod kif jidher minn barra, hawn min iffissat kif se jagħmel iżjed u iżjed flus, min moħħu kif se jisfrutta u jiddomina fuq l-oħrajn u għandu ħabta kif jintimida lil dawk li jiġu f’kuntatt miegħu, hawn min jirsisti biex ikabbar fama tajba għalih innifsu u jsir popolari. Imma x’jiswa’ dan kollu jekk imbagħad ma tkunx għext ħajja li biha jkun jixraqlek tiddaħħal fl-hena tal-ħajja eterna – id-destin vera ta’ kull bniedem. Għax:

  • X’jiswielek li int avukat jekk wara mewtek ma tistax tiddefendi l-kawża tiegħek?
  • X’jiswielek li inti arluġġar, jekk wara mewtek ma tkunx tista’ tmexxi ‘l quddiem jew lura, mqar għal sekonda waħda, l-arloġġ tal-eternità?
  • X’jiswielek li inti bennej tajjeb, jekk wara mewtek ma tkunx kapaċi tneħħi minn fuqek dawk l-erba’ xorok li jkunu jgħattuk?
  • X’jiswielek li inti għandek persuntek sabiħa, jekk wara mewtek issir tant ikrah li jfittxu jaħbuk fit-trab?
  • X’jiswielek li inti għandek flus kemm trid, jekk wara mewtek ma tkunx tista’ ssarrafhom fil-bank tal-ġenna?
  • X’jiswielek li inti tikkmanda u tbeżża’ ‘l kulħadd, jekk wara mewtek ma tkunx kapaċi tikkmanda d-dud li jkun għaddej minn fuqek?
  • X’jiswielek li fid-dinja tgawdi fama tajba, jekk wara mewtek issib li għandek fama ħażina quddiem min ħalqek?

Mela fil-ħajja kull ma għandek tagħmel huwa tgħix ħajja tajba u l-bqija ħallih f’idejn l-Imgħallem. Il-ħlas tat-tajjeb li nkunu għamilna nieħduh b’garanzija u mhux mingħand il-bniedem li filli  jċapċaplek jew iċapċapielek imma mingħand Alla li jara kollox (anki dak li nagħmlu fil-moħbi) u wegħedna li jħallasna Hu. (ara Mattew 6:7) ‘U l-ħlas tiegħu jkun kbir daqs kemm hu kbir Hu.’

  • Inti temmnu dan?
  • Għal liema ħajja qed taħdem: għal dik li tgħaddi, jew għal dik li tibqa’ għal dejjem, dik li qed iħejjielek il-Mulej fis-sema?

U nispiċċa bi stqarrija sabiħa ta’ San Ġorġ Preca:

“Sinjur Alla, min għarfek ma jafx jitkellem ħlief fuqek, u m’għandux delizzju ieħor ħlief li juri l-ħniena tiegħek, li biha hija mimlija l-art; m’għandux gost ieħor ħlief li jipprietka  kemm int ta’ min iħobbok, u ta’ min jirringrazzjak, min għarfek jitpaxxa bik, u bik jitgħaxxaq u barra minnek ma jarax ħlief frugħa u duħħan. Min tassew iħobbok mhuwiex kuntent li jħobbok waħdu, u xejn ma jara prezzjuż ħlief il-volontà santissma tiegħek u fiha jħoss il-ħajja u l-hena u l-glorja.”

Talba: O Alla, Int għamilt lil San Albertu kbir billi ppermettejtlu jikkombina l-għerf tal-bnedmin mal-Fidi Divina. Għinna sabiex inżommu sħiħ mat-tagħlim tiegħu hekk li nkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem fix-xjenzi u fl-istess ħin naslu għal għarfien aktar profond u mħabba dejjem akbar għalik, li minnek ħadna kulma hu tajjeb u sewwa. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/11/st-albert-great.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-albert-the-great/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Albertus_Magnus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

18 ta’ Settembru: San Ġużepp ta’ Copertino

Verżjoni Vidjo: San Ġużepp ta’ Copertino

“Lilkom studenti żgħażagħ, nawguralkom impenn ta’ studju seren u li jagħti frott. Ħallu li l-iskola tkun għalikom ilkoll post fejn tistgħu tikbru kulturalment u umanament. Ħa jkun eżempju u għajnuna għalikom il-Qaddis li tiegħu llum qed nagħmlu l-festa liturġika: San Ġużepp ta’ Copertino, Patrun tal-Istudenti.” Silta mid-diskors li kien għamel il-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp ta’ Copertino 

120SAN ĠUŻEPP TA’ COPERTINO
Saċerdot u Reliġjuż
1603 – 1663

Tagħrif: Diffiċli biex issib qaddis ieħor li beda l-ħajja tiegħu b’tant diżabilitajiet daqs Ġużeppi Desa, li twieled fis-17 ta’ Ġunju, 1603, fir-raħal ċkejken ta’ Copertino, bejn Brindisi u Otranto, fl-Italja.

Missieru, mastrudaxxa fqir, kellu tant dejn li kellu jbigħ id-dar fejn kienet tgħix il-familja biex jifdi d-dejn. Difatti Ġużeppi twieled ġo kamra mwarrba fuq il-parti ta’ wara tad-dar fejn ommu kienet qiegħda tinħeba bil-mistħija tal-faqar li waqa’ fuqhom. Wara ftit miet missieru. It-tifel għex ħajja miżera, nieqes mis-sustanzi u marradi tant li kien ilaqqat kull marda li tkun għaddejja u kien fil-pont tal-mewt ħafna drabi.

Fl-iskola kien dejjem l-aħħar tal-klassi u lanqas biss ma kellu l-ħila jfisser dak li xtaq jgħid. Kien dejjem qisu sturdut u skantat, dejjem ħalqu miftuħ qisu iblah, tant li qalgħuhielu “Boccaperta” (Ħalq miftuħ). Kien saħansitra jinsa jmur jiekol u wara jiskuża ruħu għax nesa! Kien tant jinħasad mix-xejn li anke jekk b’kumbinazzjoni ddoqq qanpiena ta’ knisja huwa u sejjer l-iskola, kienu jaqgħulu l-kotba minn idejh. Darba pprova jidħol ma’ skarpan biex jitgħallem is-sengħa imma la rnexxielu jagħmel żarbun u lanqas almenu jsewwi xi wieħed. Tant ma kien tajjeb għalxejn li anqas ommu stess ma riditu magħha; għaliha kien toqol u xkiel.

Kien hemm żewġ ħwejjeġ favur tiegħu: dik li almenu kien jaċċetta lilu nnifsu kif kien bin-nuqqasijiet tiegħu kollha, tant li hu stess kien isejjaħ lilu nnifsu “l-ħmar”, u l-oħra dik li mhux biss kien iħobb jitlob ħafna iżda kien ukoll devot, verament mill-qalb, ta’ Ommna Marija. L-iċken ħaġa li kien jilmaħ kienet biżżejjed biex tfakkru fil-kobor u fl-imħabba t’Alla għalina. Kull ħlejqa kienet biżżejjed biex jiċċassa fuqha u titfgħu f’estasi ta’ mħabba lejn il-Ħallieq!

Bil-mod il-mod din l-imħabba profonda mmanifestat ruħha mhux biss f’sensiela ta’ mumenti ta’ estasi, imma anke ta’ mirakli ta’ fejqan u ta’ ġrajjiet sopranaturali li ma nsibuhom imsemmija fil-ħajja ta’ ebda qaddis ieħor.

Isib ruħu fit-triq imċerċer
Darba, meta Ġuzeppi kellu 17-il sena, ġie patri jitlob il-karità fir-raħal tiegħu. Kif rah, Ġużeppi ħass illi hu wkoll seta’ jagħmel dak ix-xogħol, jidħol patri u jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum b’dak il-mod. Beda jħabbat il-bibien ta’ monasteru wara l-ieħor sakemm fl-aħħar ġie aċċettat bħala lajk minn komunità ta’ Kapuċċini. Imma kien kollu għal xejn; ma seta’ jdaħħal xejn f’moħħu. Barra minn hekk, il-patrijiet ma felħux għal dawk il-mumenti ta’ aljenazzjoni li ta’ spiss kien jaqa’ fihom. Filli kien ikun qed jaħdem u filli kien jieqaf ċass u skantat, jekk mhux ukoll jaqa’ għarkopptejh ikun fejn ikun. Il-platti jaqgħulu minn idejh u jitfarrku mal-art. Biex forsi jġegħluh joqgħod iktar attent saħansitra rabtulu biċċiet taċ-ċaqquf li kisser ma’ ħwejġu biex iżommuh attent. Imma kollox għalxejn. Fl-aħħar wara tmien xhur, ma felħux iżjed u kellhom ikeċċuh. Darba qal li l-iktar ġurnata iebsa ta’ ħajtu kienet dik meta kellu jneħħi ċ-ċoqqa minn fuqu; ħassu qishom qegħdin iqaxxrulu l-ġilda minn fuqu!

Ġuzeppi sab ruħu fit-triq imċerċer, bi ħwejġu mqattgħin u ma jafx x’se jagħmel. Qabad it-triq għal għand zijuh, li kien negozjant u jagħmilha tajjeb. Imma kif wasal għandu, qala’ tgħajjira kif imiss u reġa’ sab ruħu fit-triq mingħajr ċenteżmu fil-but. Telaq lejn Copertino, ir-raħal tiegħu, mar lejn id-dwejra t’ommu, fetaħ il-bieb u daħal, ra lil ommu u waqa’ fl-art quddiemha sturdut u mifluġ għall-aħħar tant li ma felaħx ilissen kelma. Seta’ biss iħares lejn ommu b’għajnejh mimlijin dmugħ jitlobha ħniena. Imma anqas ommu ma ħennet għalih.

“Keċċewk mill-kunvent,” qaltlu ommu “waqqajtilna wiċċna l-art. Itlaq minn hawn ma tiswa għal xejn. Mur il-ħabs, jekk trid, jew mur fuq il-baħar. Jekk tibqa’ hawn tmut bil-ġuħ.” Imbagħad ommu marret għand ħuha, li kien Franġiskan Konventwali fi Grotella u lmentat kif il-Kapuċċini keċċew lil binha b’dak il-mod u talbithom ituh xi xogħol ieħor, ikun xi jkun, basta jżommuh. Il-Franġiskani aċċettawh bħala terzjarju u tawh ix-xogħol li jieħu ħsieb il-bagħal li kellhom fl-istalla. Ġużeppi tgħidx kemm feraħ! Għalkemm ma setax jilbes iċ-ċoqqa ta’ Franġiskan, almenu seta’ jkun is-seftur tagħhom!

Ilqgħuh fl-Ordni
L-umiltà, il-paċenzja, il-qdusija u l-ubbidjenza ta’ Ġużeppi, seftur mal-Franġiskani Konventwali, malajr ġibdu l-ammirazzjoni tal-patrijiet. Qatt ma kien igerger u kien jaċċetta kull ma jagħtuh bil-ferħ, ħwejjeġ u ikel; ikun x’ikun. Saħansitra ma kienx jiddejjaq jorqod fuq tavla li kien hemm fl-istalla tal-bagħal li kien jieħu ħsieb tiegħu. Mhux hekk biss imma anke offra li jmur jittallab għall-bżonnijiet tal-patrijiet, kif kienet id-drawwa ta’ dak iż-żmien. Kien dejjem ferħan u jilqa’ lil kulħadd bi tbissima. Tant ammirawh li ddeċidew li jaċċettawh fl-Ordni tagħhom u jħalluh ukoll jipprepara ruħu biex jirċievi l-Ordni Sagri. Dan kien fis-sena 1625, meta kellu madwar 22 sena.

L-istudju kien ħaġa iebsa ħafna għal Ġużeppi; bilkemm irnexxielu jitgħallem jaqra u jikteb u qatt ma kellu l-ħila jfisser fi kliemu xi passaġġ mill-Iskrittura ħlief, oħroġ il-għaġeb, wieħed biss! Dan kien Luqa 11:27: “Hieni l-ġuf li ġiebek (fid-dinja)…” Meta kien jaqbad jitkellem fuq dak il-vers ma kienx ikun jista’ jieqaf għax tant kien jintilef fl-imħabba li kellu lejn Marija, Omm Alla. Ħaġa li ma titwemminx, imma meta kellu jersaq quddiem l-Isqof biex jeżaminah qabel ma seta’ jirċievi d-Djakonat, l-Isqof talbu spjegazzjoni preċiża ta’ dik is-silta li tant kien iħobb! Naturalment Ġużeppi ma setax imur aħjar.

Kien baqa’ għadma oħra għax is-sena ta’ wara kellu jagħmel l-eżami qabel jirċievi s-Saċerdozju. Imma x’ġara? L-Isqof tant kien impressjonat bir-risposti tajbin li tawh l-ewwel grupp ta’ kandidati li ddeċieda li jaċċetta anke lil dawk li kien għad baqa’ mingħajr ma jeżaminahom; u Ġużeppi kien wieħed minnhom. Tassew li riditu l-Madonna! Ġużeppi issa kellu 25 sena meta beda jqaddes. Imma baqa’ umli bħal qabel. Kien imur jaħsel il-platti fil-kċina, jaħsel l-art, iġorr il-bricks u t-tajn u jagħmel ix-xogħol kollu li l-oħrajn ma kinux iridu jagħmlu.

Issa, pero’ bdew jidhru fih fenomeni tal-għaġeb li forsi ma dehru f’ebda qaddis ieħor. Waqt il-ħin tat-talb, kien ta’ spiss jintilef estasi ta’ mħabba għall-Mulej u jdum hekk għal sigħat sħaħ. Ħutu l-patrijiet ġieli kienu jniggżuh u anke jmissuh bil-ġmamar biex forsi jqajmuh mill-estasi. Kollu għalxejn. Kien jiġi f’siktu biss meta kien jordnalu s-superjur tiegħu u dak il-ħin ta’ estasi divina tal-imħabba t’Alla hu stess kien isejjaħlu “sturdament!” Bl-interċessjoni tiegħu saru għadd kbir ta’ mirakli; kien imiss l-għajnejn ta’ nies għomja u jiġu jaraw, jerfa’ tarbija mifluġa f’dirgħajh u din tfiq fil-pront; kien jikteb il-barkiet ta’ San Franġisk fuq karta u ħafna minn dawk li kienet tiġi f`idejhom, mar-raħal kollu, kienu jfiqu. Kien jaqra l-qlub. Bilkemm kien jaf jaqra u jikteb u b’danakollu kellu għerf divin tant li kien isolvi problemi dottrinali l-iżjed diffiċli. In-nies kienu jmorru bi ħġarhom biex iqerru għandu, u meta kien imur jittallab ta’ spiss kienu jaqtgħulu xi biċċa miċ-ċoqqa biex iżommuha b’devozzjoni.

Il-Qaddis li jtir
San Ġużepp ta’ Copertino hu magħruf bħala “l-Qaddis li jtir” minħabba d-don li kellu li jinqata’ mill-art. Ta’ spiss, waqt il-quddies kien jinqata’ u jogħla. Anke xi drabi, meta kien jiċċassa fejn xi pittura tal-Madonna fis-saqaf tal-knisja u jidħol f’meditazzjoni profonda, kien mhux biss jinqata’ mill-art imma jogħla sa ħdejn il-pittura fis-saqaf! Anke waqt l-ikel, ġieli kien jidħol f’estasi u jogħla ‘l fuq bil-platt f’idejh. Meta kien ikun fil-kampanja, mhux l-ewwel darba li kien itir għal fuq xi siġra u joqgħod hemm mitluf fil-meditazzjoni. Dawn il-fenomeni kienu jarawhom mijiet ta’ nies u xi wħud minnhom huma rrekordjati uffiċjalment.

Darba waħda – u dan il-fatt hu wieħed minn dawk magħrufin uffiċjalment – xi ħaddiema kienu qegħdin isibu diffikultà biex iwaħħlu salib kbir, twil 36 pied, fil-ħofra tiegħu, bejn żewġ slaleb oħra. Ġużeppi rahom, inqata’ mill-art u għola ‘l fuq, qabad is-salib, qisu xi tibna, u niżlu fil-ħofra tiegħu. Minħabba dawn il-fenomeni straordinarji, matul il-35 sena tas-saċerdozju tiegħu, Ġużeppi kien sospiż għal ħafna żmien milli jqaddes fil-knisja; seta’ biss iqaddes f’kappella privata, ma setax jiekol fir-refettorju, ma setax jirreċita l-Uffiċċju Divin mal-Komunità u lanqas ma seta’ jieħu parti f’xi proċessjoni.

Kien hemm saħansitra min beda jissuspetta ħażin fih u li kien qed jagħmel dak kollu biex jitkessaħ, li ried jaqla’ l-inkwiet, u akkużawh quddiem il-Vigarju Ġenerali. Minħabba f’hekk Ġuzeppi kellu jidher quddiem l-Inkwiżituri ta’ Napli, imma dawn ma sabu ebda ħtija fih. Bagħtuh quddiem il-Ministru Ġenerali tal-Ordni f’Ruma. Dan baqa’ impressjonat bl-umiltà ta’ Ġużeppi. Fl-aħħar kellu jidher quddiem il-Papa Urbanu VIII. Kif sab ruħu quddiem il-Papa, Ġużeppi waqa’ f’estasi u nqata’ mill-art b’għaġeb ta’ kulħadd.

Mewtu
Fis-sena 1653, l-Inkwiżituri ta’ Perugia ġew ordnati li jibagħtu lil Ġużeppi lura lill-Kapuċċini u li jinżamm f’xi kunvent `il bogħod, maqtugħ min-nies. Meta n-nies saru jafu fejn kien u bdew imorru jfittxuh hemm, lil Ġużeppi ħaduh f’kunvent ieħor, imbagħad f’ieħor u ieħor. Dan baqa’ sejjer hekk għal erba’ snin sħaħ. Fis-sena 1657, bagħtuh lura lill-Ordni tal-Konventwali, fil-Kunvent ta’ Osimo, fejn qegħduh f’ċella żgħira b’kappella privata magħha. L-uniċi nies li setgħu jarawh kienu dawk biss magħżula minn fost il-kleru. Issa kien waqa’ tista’ tgħid f’estasi kontinwa. Issa li ġie maqtugħ minn man-nies, Ġużeppi ħassu maħbub minn Alla aktar minn qatt qabel!

Ġużeppi kellu l-ordni li qatt ma jitlaq minn Osimo. FI-10 ta’ Awissu, 1663, f’daqqa waħda qabdu attakk ta’ deni li ma riedx iħallih. Ġużeppi xorta baqa’ jqaddes sa ma waslet il-festa tal-Assunzjoni. Minn dak inhar ma felaħx iżjed u kellu jibqa’ fis-sodda. Imma qatt ma tilef tqarbina. FI-aħħar, meta wasal fi stat ħażin ħafna, irċieva l-Griżma tal-Morda u fit-18 ta’ Settembru, 1663, ħalla dal-wied tad-dmugħ waqt li bi tbissima fuq wiċċu tenna l-kliem ta’ San Pawl: “Ix-xewqa tiegħi hi li mmur u ningħaqad ma’ Kristu.” (Filippin 1:23). Il-Papa Klement XIII ikkanonizzah fis-sena 1767.

Fi żmien San Ġużepp ħadd ma kien isemmi titjir bl-ajru; kien għadu kmieni wisq, imma meta vvintaw l-ajruplani, fis-seklu għoxrin, San Ġużepp ta’ Copertino ġie magħżul bħala l-Patrun tal-ivvjaġġar bl-ajru u tal-Piloti. Illum ukoll huma ħafna dawk l-istudenti li jitolbu lil San Ġużepp ta’ Copertino biex jinterċedi għalihom ħalli jgħaddu mill-eżamijiet.

Ħsieb: Xtaqt nagħżel xi siltiet meħuda minn kitba tal-Papa San Ġwanni Pawl II lill-Ministru Ġeneral tal-Ordni Franġiskan tal-Patrijiet Minuri Konventwali fl-okkażjoni tal-400 sena mit-twelid ta’ San Ġużepp ta’ Copertino:

“San Ġużepp ta’ Copertino jkompli jiddi fi żmienna bħala fanal li jdawwal il-mixja ta’ kuljum ta’ dawk li jirrikorru għall-interċessjoni ċelesti tiegħu. Bħala Patrun tal-istudenti, San Ġużepp ta’ Copertino jagħti kuraġġ lid-dinja tal-kultura, b’mod partikulari tal-iskola. Huwa propju minħabba d-doċilità interjuri għall-Għerf divin tiegħu, li dan il-qaddis singolari jista’ jipproponilna lilu nnifsu bħala gwida spiritwali lil kull kategorija ta’ nies. Mis-sema issa ma jiqafx jipproteġi u jsaħħaħ lil dawk, li jsegwu l-passi tiegħu u li bi ħsiebhom jikkonvertu lejn Alla u jimxu b’fehma sħiħa fuq it-triq tal-qdusija.

Aspett ieħor importanti tal-ispiritwalità tiegħu kienet l-imħabba lejn l-Ewkaristija. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa Mqaddsa, kif ukoll is-sigħat twal li kien iqatta’ fl-adorazzjoni quddiem it-tabernaklu, kienu l-qalba tal-ħajja tiegħu ta’ talb u ta’ kontemplazzjoni. Kien iqis is-Sagrament tal-Altar bħala “Ikel tal-Anġli,” misteru tal-Fidi mħolli minn Ġesù lill-Knisja tiegħu, Sagrament li fih l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem ma jidhirx lill-fidili wiċċ imb ‘wiċċ, imma qalb ma’ qalb. F’dan il-misteru kbir – kien jgħid – Alla tana t-teżori kollha tas-setgħat Divini u għamilha possibli biex nieħdu sehem fil-Ħniena Divina tiegħu. Minn dan il-kuntatt ta’ kuljum ma’ Ġesù Ewkaristija, huwa kien jikseb is-serenità u l-paċi, li mbagħad kien jittrasmetti lil dawk li kien jiltaqa’ magħhom, waqt li jfakkar li b’dan il-mod aħna lkoll pellegrini u għorba fil-mixja tagħna lejn l-eternità.

U xi ngħidu għad-devozzjoni filjali u mqanqla li kellu lejn il-Verġni Marija? Sa minn żgħożitu deher jieqaf fit-tul f’riġlejn il-Madonna tal-Grazzji, fis-Santwarju ta’ Galatone. Aktar tard kien jieqaf biex jikkontempla x-xbieha tant għażiża għalih tal-Verġni ta’ Grottella, li kienet is-sieħba tiegħu tul ħajtu kollha. Fl-aħħar nett, mill-kunvent ta’ Osimo, fejn għadda l-aħħar snin ta’ ħajtu, kien idawwar ħarstu lejn il-Bażilka ta’ Loreto, ċentru ta’ devozzjoni Marjana. Għalih Marija kienet l-Omm tassew li magħha kellu rapport ta’ iben sempliċi u kunfidenza sinċiera. Illum ukoll huwa jtenni lid-devoti li jersqu lejh: “Din hija l-Protettriċi, Sinjura, Patruna, Omm, Għarusa, Għajnuna tagħna.”

(Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija)

F’San Ġużepp ta’ Copertino, tant għażiż għall-poplu, jiddi l-għerf taċ-ċkejknin u l-ispirtu tal-Beatitudni tal-Vanġelu. Matul il-ħajja tiegħu kollha huwa juri t-triq li twassal għall-ferħ veru, ukoll jekk fost it-taħbit u t-tbatija: ferħ li ġej minn fuq u li jitwieled mill-imħabba lejn Alla u lejn l-aħwa, frott ta’ tfittxija twila u mpenjattiva tal-veru ġid u għaldaqstant kontaġġuża għal min jiġi f’kuntatt magħha.

Jekk minħabba l-impenn intens u sħiħ tal-axxeżi nisrani tiegħu, dan il-qaddis jista’ jidher quddiem il-ħarsa superfiċjali bħala bniedem rozz, sever u rigoruż, fir-realtà iżda, huwa bniedem ta’ ferħ, ta’ min iħobbu u dħuli ma’ kulħadd. Anzi dawk li kitbu dwaru jirreferu li hu rnexxilu jitrassmetti l-ferħ qaddis u franġiskan tiegħu permezz tal-mod kif kien jitlob, mogħni b’komposizzjonijiet mużikali sbieħ u minn versi popolari li kienu jsaħħru lil min jisimgħu u jqanqlu mill-ġdid id-devozzjoni.

Dawn il-karatteristiċi kollha jressqu spiritwalment viċin lil San Ġużepp ta’ Copertino lejn il-bniedem ta’ żmienna. F’kelma waħda, ix-xhieda erojka tal-Vanġelu ta’ dan il-bniedem ta’ Alla li jiġbdek, magħruf mill-Knisja u propost mill-ġdid lill-irġiel u lin-nisa ta’ żmienna, hija għalina lkoll sejħa qawwija biex ngħixu mqanqla u b’ħeġġa l-fidi tagħna, fis-sitwazzjonijiet differenti u kumplessi taż-żmien li qed ngħixu fih.”

TalbaO Alla, fil-għerf tiegħek tal-għaġeb, int ridt li l-Iben il-waħdieni tiegħek merfugħ mill-art jiġbed kollox lejh: fil-ħniena tiegħek agħmel li bil-merti u fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp ta’ Copertino ninfatmu mix-xewqat kollha tad-dinja u hekk inkunu nixbhu tassew lil Ibnek. Ammen.

English Version: https://www.ewtn.com/catholicism/library/st-joseph-of-cupertino-the-dunce-5587

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-joseph-of-cupertino/

Wikipedia bil-Malti: https://mt.wikipedia.org/wiki/San_%C4%A0u%C5%BCepp_ta%27_Kopertinu

A film on Saint Joseph of Copertino:

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa kitba ta’ Fr. Vincent Vaz, S.D.B. maqluba għall-Malti minn Joseph Agius Delicata. Il-ħsieb huwa magħmul minn siltiet meħuda minn messaġġ tal-Papa San Ġwanni Pawl II lill-Ministru Ġeneral tal-Ordni Franġiskan tal-Patrijiet Minuri Konventwali fl-okkażżjoni tal-400 sena mit-twelid tal-qaddis.

2 ta’ Jannar: San Basilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu

Verżjoni Vidjo: San Basilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu

“Il-Mulej jagħti għerf lill-għorrief u dehen lil min jagħraf l-għaqal: Hu jikxef ħwejjeġ moħbija fil-qiegħ u mistura, u d-dawl jgħammar miegħu. Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu” – Daniel 2:21-22; 1 Korintin 12:11

gregory_and_basil_artwork_full_0SAN BASILJU L-KBIR
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 379

SAN GIRGOR NAZJANZENU
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 389

Dawn iż-żewġ qaddisin li llum il-Knisja tonorahom it-tnejn flimkien kienu ħbieb kbar ta’ xulxin qishom żewġ aħwa, għexu fl-istess żmien u fl-istess pajjiż, studjaw flimkien, kienu studjużi kbar, saru qassisin u isqfijiet, u saħansitra wara mewthom, it-tnejn ġew magħrufin bħala Dutturi tal-Knisja.

SAN BASILJU L-KBIR
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 379

Fil-familja ta’ San Basilju nsibu li n-nanna tiegħu Makrina l-Kbira, Missieru Basilju x-Xiħ, ommu Emmelja, oħtu Makrina ż-żgħira, u ħutu Girgor, Isqof ta’ Nissa, u Pietru, Isqof ta’ Sebaste, huma lkoll Qaddisin.

Hu twieled f’Ċesarija, Kappadoċja (illum parti mit-Turkija). Meta kien qed jistudja f’Ateni ltaqa’ ma Girgor Nazjanzenu u sar ħabib kbir tiegħu.

Laħaq tabib, matematiku famuż, filosofu u astrologu. Influwenzat minn oħtu, Makrina, ħalla d-dinja u mar jgħix bħala eremita, u waqqaf monasteru fuq ix-xmara Iris, fis-sena 358.

Fis-sena 364 ġie ordnat saċerdot minn Ewsebju, Arċisqof ta’ Ċisarija. Tant kien saċerdot kapaċi u ħabrieki li l-ħabib tiegħu Girgor kien qal dwaru: “L-Isqof mexxa l-poplu, u Basilju mexxa l-Isqof.”

Fis-sena 370 ġie elett Arċisqof ta’ Ċisarija bħala suċċessur ta’ Ewsebju. Irnexxielu jqajjem responsabbiltà soċjali fost l-Insara, billi hu stess kien jittallab biex jinbnew sptarijiet, orfanatrofji u skejjel. Ħadem ħafna kontra l-ereżija ta’ Arju, li kienet tiċħad id-divinità ta’ Kristu.

Sakemm miet fl-1 ta’ Jannar tas-sena 379, ta’ 49 sena, baqa’ dejjem attiv, b’elokwenza kbira u b’karità immensa, li tawh l-isem ta’ Kbir f’ħajtu, u ta’ Duttur tal-Knisja wara mewtu.

Kien jgħid: “Il-ħobż li ma tużax, hu l-ħobż ta’ min hu bil-ġuħ; l-ilbies li għandek fil-gwardarobba, hu l-ilbies ta’ min hu għarwien; iż-żarbun li ma tilbisx, huwa ż-żarbun ta’ min hu ħafi; il-flus li għandek imwarrba huma l-flus tal-fqar; l-atti ta’ karità li ma tagħmilx huma inġustizzji li inti twettaq.”

SAN GIRGOR NAZJANZENU
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 389

San Girgor Nazjanzenu twieled f’Nazjanze, Kappadoċja fis-sena 330. Missieru Girgor Nazjanzenu x-xiħ, ommu Nonna, ħuh Ċesarju, u oħtu Gorgonja, huma lkoll qaddisin.

Kellu temperament differenti minn ta’ ħabibu Basilju, kien aktar miġbur, ta’ għalih waħdu, u jħobb il-kwiet. Meta ħabibu mar eremita, hu mar warajh. Fis-sena 362 ġie ordnat saċerdot, u fis-sena 372 ġie kkonsagrat Isqof ta’ Sasima, mill-ħabib tiegħu San Basilju li kien Arċisqof ta’ Ċisarija. Fis-sena 380 sar il-Patrijarka ta’ Konstantinopli.

Sena wara rtira f’Nazjanze fejn mar fil-kwiet, jitlob, jikteb u jipprietka, sakemm miet fil-25 ta’ Jannar tas-sena 389, ta’ 64 sena. Hu wkoll huwa Duttur tal-Knisja.

San Girgor hu wieħed mit-tliet teoloġi l-kbar ta’ Kappadoċja, kolonni tal-Knisja fi żmienu flimkien ma’ ħabibu San Basilju u San Girgor Nissenu (ħu San Basilju). Hu magħruf bħala d-Duttur tat-Trinità. Kien hu l-ewwel wieħed li sejjaħ lill-Madonna “Omm Alla.”

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Girgor Nazjanzenu fuq il-ħbiberija tiegħu ma’ San Basilju:

“F’Atene konna qisna l-ilma ta’ xmara mnissla minn għajn waħda; il-ġibda għall-għerf bħal qasmitna f’żewġ nixxigħat għaddejjin kull waħda fi triq għaliha, li Alla mexxiehom biex jerġgħu jersqu lejn xulxin u jitwaħħdu mill-ġdid fil-ġirja tagħhom.

Konna qisna ruħ waħda żżomm żewġ iġsma. Tassew li m’hux ta’ min joqgħod fuqhom dawk li jgħidu li kollox jinsab f’kollox; imma kulħadd għandu jemminni meta għalina t-tnejn ngħid li konna l-wieħed fl-ieħor f’kollox.

Sew il-wieħed sew l-ieħor konna nsibu l-qawwa ta’ ruħna fil-ħidma u l-istudju, filli ngħixu bit-tama tal-ħajja li ġejja u nitħejjew b’mod li, qabel ma noħorġu minn din il-ħajja, inkunu diġà qisna tlaqna minn hawn. B’dan il-ħsieb quddiem għajnejna konna ngħaddu jiemna u nagħmlu kollox fid-dawl tal-kmandamenti ta’ Alla, u nfittxu li nħeġġu l-imħabba għall-virtù. Mhux biex nintefaħ bija nnifsi, imma nista’ ngħid li aħna konna għal xulxin bħal riegla jew skwerra li turik jekk ħaġa hix dritta jew imgħawġa.

Xi wħud mill-bnedmin kisbu titlu jew għax wirtuh mill-familja jew għax rebħuh huma stess bis-saħħa ta’ xi għemil jew bit-taħbit tagħhom. Imma għalina l-aqwa ħaġa u l-isbaħ titlu kien li nkunu u nissejħu Nsara”.

Jalla l-eżempju ta’ dawn iż-żewġ pilastri tal-Knisja fi żminijiethom, iwassalna biex nagħmlu l-mistoqsija kruċjali għalina l-Insara:

  • X’kontribut nista’ nagħti jien fil-komunità Nisranija tiegħi?
  • Bit-tagħlim, bit-talenti jew bl-esperjenza tagħna, nistgħu niddedikaw xi ftit aktar ħin f’servizz lejn il-Parroċċa, il-komunità jew l-għaqda spiritwali li fiha l-Mulej jixtieqna nkunu qaddej/ja tiegħu?

Qatt mhu se jiddispjaċina li nkunu użajna d-doni u t-talenti tagħna biex ngħinu lil ta’ madwarna jersqu iżjed viċin ta’ Alla. Jekk nagħmlu dan, il-Mulej ifawwarna bis-sliem tiegħu, Hu li wiegħed ukoll li jħejji għalina post ta’ ġieħ fis-saltna tiegħu.

Talba: O Alla, inti ddawwal il-Knisja tiegħek bl-eżempju u t-tagħlim ta’ San Bażilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu; agħmel li, bl-umiltà kollha, nitgħallmu l-verità tiegħek u nuruha fl-għemil tagħna bl-imħabba. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/2-january-saints-basil-the-great-and-gregory-nazianzen-bishops-and-doctors-memorial/

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-basil-and-st-gregorian-nazianen.html

Wikipedia for St. Basil: https://en.wikipedia.org/wiki/Basil_of_Caesarea

Wikipedia for St. Gregorian Nazianen: https://en.wikipedia.org/wiki/Gregory_of_Nazianzus

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started