23 ta’ Diċembru: San Ġwann ta’ Kety

Verżjoni Vidjo: San Ġwann ta’ Kety

“Iġġieled kontra l-iżbalji, imma agħmilha b’mod tajjeb, bil-paċenzja, bil-ġentilezza u bl-imħabba. Il-ħruxija tagħmel ħsara lil ruħek u tħassar l-aħjar kawża.” – San Ġwann ta’ Kety  

30450SAN ĠWANN TA’ KETY
Saċerdot
1390 – 1473

Tagħrif: San Ġwann twieled fir-raħal ta’ Kety, Djoċesi ta’ Krakovja, il-Polonja, fit-23 ta’ Ġunju 1390. Hu studja fl-Università ta’ Krakovja minn fejn ordna saċerdot, u wara sar professur tat-teoloġija.

Għallem għal bosta snin fl-Università ta’ Krakovja; imbagħad l-għira ta’ xi wħud minn sħabu pperswadiet lis-superjuri tiegħu biex jibagħtuh bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ilkusi. Iżda wara xi tmien snin raġa mar Krakovja jgħallem l-Iskrittura fl-Università fejn baqa’ sakemm miet.

San Ġwann kien qaddis tipiku: kien bniedem ta’ fidi safja, twajjeb, umli, ġeneruż, dejjem ferħan iżda serju, u mimli mħabba lejn għajru tant li wasal li ta’ ġidu kollu lill-foqra.

B’xewqa li jmut martri, għamel pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa biex jipprietka fost il-Musulmani. F’ħajtu għamel erba’ pellegrinaġġi għal Ruma bil-mixi, iġorr ħwejġu fuq dahru.

San Ġwann miet fi Krakovja lejliet il-Milied tal-1473. Ikkanonizzah il-Papa Klement XIII fl-1767.

Ħsieb: Dan hu dak li qal il-Papa Klement XIII dwar San Ġwann ta’ Kety:

“San Ġwann kien ta’ eżempju mill-isbaħ għall-professuri tal-Università, kien ispirazzjoni ta’ dedikazzjoni kompleta fid-doveri tiegħu u fit-tagħlim. … Barra mill-umiltà kbira li kellu, kien sempliċi qisu tifel. Kuljum wara li jkun għallem kien jibqa’ sejjer dritt il-knisja u jqatta’ sigħat sħaħ jitlob quddiem Ġesù fl-Ewkaristija.”

Il-kelma “universitas” għandha l-idea ta’ ġabra fimkien ta’ kollox, jiġifieri tas-suġġetti u d-dixxiplini kollha, u l-idea tal-komunità. Ma tistax tgħix tassew mingħajr ma tgħolli r-ruħ u l-moħħ lejn l-għerf u t-tagħlim, mingħajr ix-xewqa li wieħed jgħolli ‘l fuq il-ħsieb u l-konoxxenza tiegħu. Ir-riċerka trid issir flimkien, waqt li tistimola interessi tajbin komuni, li wieħed jaqsam ukoll mal-oħrajn. Din hi l-karatteristika universali tal-università, karatteristika li qatt ma tieqaf milli tinkludi fiha lil kulħadd u lil kull suġġett possibbli.

Ir-riċerka tat-tajjeb, infatti, hija ċ-ċavetta biex wieħed jirnexxi fl-istudji tiegħu, l-imħabba hija l-ingredjent li jagħti t-togħma lit-teżori kollha tal-għerf u tat-tagħlim u b’mod partikulari lid-drittijiet tal-bniedem u tal-popli.

Il-Papa Franġisku, fid-diskors tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2015, fil-Laqgħa mad-Dinija tal-Iskola u l-Università, qal dan:

“Hemm riflessjoni li tolqot lilna lkoll: familji, skejjel, għalliema: kif nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ tagħna biex ma jħarsux lejn id-diploma tal-università bħala ċertifikat li jagħmilhom xi ħaġa aktar minn ħaddieħor, bħala xi ħaġa li tfisser ‘aktar flus,’ prestiġju soċjali. Le, dawn ma jfissrux hekk. Kif nistgħu ngħinuhom biex jagħrfu li din it-tħejjija hi sinjal ta’ responsabbiltà akbar quddiem il-problemi tal-lum, quddiem il-ħtieġa tal-għajnuna lill-aktar foqra, quddiem il-ħtieġa tal-ħarsien tal-ambjent?

Lilkom illum, lili, lil kulħadd, aħna mitlubin biex b’urġenza nfittxu naħsbu, nfittxu niddiskutu dwar is-sitwazzjoni attwali tagħna – u ngħid urġenti -; li nsibu l-kuraġġ naħsbu dwar liema tip ta’ kultura rridu jew nippretendu li jkollna, mhux biss għalina imma wkoll għal uliedna u għan-neputijiet tagħna. Din l-art irċevejnieha b’wirt, bħala don, bħala rigal. Nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna:

  • Kif irridu nħalluha?
  • Liema toroq irridu nimmarkaw bihom l-eżistenza tagħna?
  • Għal liema raġuni aħna ġejna f’did-dinja?
  • Għal liema għan ġejna f’dil-ħajja?
  • Għal liema għan naħdmu u nissieltu?
  • Għalfejn qed nistudjaw?

L-Ispirtu s-Santu jispirana u jakkumpanjana għax Hu kien li sejħilna, stedinna, tana l-opportunità u fl-istess waqt, tana r-responsabbiltà li nagħtu l-aħjar tagħna. Jalla jagħtina l-qawwa u d-dawl li għandna bżonn. Hu l-istess Spirtu li fl-ewwel jum tal-ħolqien kien jittajjar fuq l-ilmijiet biex jittrasformahom, mehdi li jagħti l-ħajja. Hu l-istess Spirtu li lid-dixxipli tahom il-qawwa fil-Pentekoste. Hu l-istess Spirtu li ma jabbandunana qatt u jitwaħħad magħna biex insibu modi ta’ ħajja ġdida. Jalla jkun Hu l-kumpann tagħna u l-gwida tagħna tul il-vjaġġ.”

Talba: San Ġwann ta’ Kety, inti kont il-professur li għamilt il-ħajja tiegħek studju fil-qdusija, nitolbuk tinterċedi għall-professuri, l-għalliema u dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Ħa jkollhom l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex iwasslu dak id-Dawl u l-Għerf vera lill-istudenti. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-john-cantius.html

Alternative Reading: https://sanctoral.com/en/saints/saint_john_cantius.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Cantius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

18 ta’ Settembru: San Ġużepp ta’ Copertino

Verżjoni Vidjo: San Ġużepp ta’ Copertino

“Lilkom studenti żgħażagħ, nawguralkom impenn ta’ studju seren u li jagħti frott. Ħallu li l-iskola tkun għalikom ilkoll post fejn tistgħu tikbru kulturalment u umanament. Ħa jkun eżempju u għajnuna għalikom il-Qaddis li tiegħu llum qed nagħmlu l-festa liturġika: San Ġużepp ta’ Copertino, Patrun tal-Istudenti.” Silta mid-diskors li kien għamel il-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp ta’ Copertino 

120SAN ĠUŻEPP TA’ COPERTINO
Saċerdot u Reliġjuż
1603 – 1663

Tagħrif: Diffiċli biex issib qaddis ieħor li beda l-ħajja tiegħu b’tant diżabilitajiet daqs Ġużeppi Desa, li twieled fis-17 ta’ Ġunju, 1603, fir-raħal ċkejken ta’ Copertino, bejn Brindisi u Otranto, fl-Italja.

Missieru, mastrudaxxa fqir, kellu tant dejn li kellu jbigħ id-dar fejn kienet tgħix il-familja biex jifdi d-dejn. Difatti Ġużeppi twieled ġo kamra mwarrba fuq il-parti ta’ wara tad-dar fejn ommu kienet qiegħda tinħeba bil-mistħija tal-faqar li waqa’ fuqhom. Wara ftit miet missieru. It-tifel għex ħajja miżera, nieqes mis-sustanzi u marradi tant li kien ilaqqat kull marda li tkun għaddejja u kien fil-pont tal-mewt ħafna drabi.

Fl-iskola kien dejjem l-aħħar tal-klassi u lanqas biss ma kellu l-ħila jfisser dak li xtaq jgħid. Kien dejjem qisu sturdut u skantat, dejjem ħalqu miftuħ qisu iblah, tant li qalgħuhielu “Boccaperta” (Ħalq miftuħ). Kien saħansitra jinsa jmur jiekol u wara jiskuża ruħu għax nesa! Kien tant jinħasad mix-xejn li anke jekk b’kumbinazzjoni ddoqq qanpiena ta’ knisja huwa u sejjer l-iskola, kienu jaqgħulu l-kotba minn idejh. Darba pprova jidħol ma’ skarpan biex jitgħallem is-sengħa imma la rnexxielu jagħmel żarbun u lanqas almenu jsewwi xi wieħed. Tant ma kien tajjeb għalxejn li anqas ommu stess ma riditu magħha; għaliha kien toqol u xkiel.

Kien hemm żewġ ħwejjeġ favur tiegħu: dik li almenu kien jaċċetta lilu nnifsu kif kien bin-nuqqasijiet tiegħu kollha, tant li hu stess kien isejjaħ lilu nnifsu “l-ħmar”, u l-oħra dik li mhux biss kien iħobb jitlob ħafna iżda kien ukoll devot, verament mill-qalb, ta’ Ommna Marija. L-iċken ħaġa li kien jilmaħ kienet biżżejjed biex tfakkru fil-kobor u fl-imħabba t’Alla għalina. Kull ħlejqa kienet biżżejjed biex jiċċassa fuqha u titfgħu f’estasi ta’ mħabba lejn il-Ħallieq!

Bil-mod il-mod din l-imħabba profonda mmanifestat ruħha mhux biss f’sensiela ta’ mumenti ta’ estasi, imma anke ta’ mirakli ta’ fejqan u ta’ ġrajjiet sopranaturali li ma nsibuhom imsemmija fil-ħajja ta’ ebda qaddis ieħor.

Isib ruħu fit-triq imċerċer
Darba, meta Ġuzeppi kellu 17-il sena, ġie patri jitlob il-karità fir-raħal tiegħu. Kif rah, Ġużeppi ħass illi hu wkoll seta’ jagħmel dak ix-xogħol, jidħol patri u jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum b’dak il-mod. Beda jħabbat il-bibien ta’ monasteru wara l-ieħor sakemm fl-aħħar ġie aċċettat bħala lajk minn komunità ta’ Kapuċċini. Imma kien kollu għal xejn; ma seta’ jdaħħal xejn f’moħħu. Barra minn hekk, il-patrijiet ma felħux għal dawk il-mumenti ta’ aljenazzjoni li ta’ spiss kien jaqa’ fihom. Filli kien ikun qed jaħdem u filli kien jieqaf ċass u skantat, jekk mhux ukoll jaqa’ għarkopptejh ikun fejn ikun. Il-platti jaqgħulu minn idejh u jitfarrku mal-art. Biex forsi jġegħluh joqgħod iktar attent saħansitra rabtulu biċċiet taċ-ċaqquf li kisser ma’ ħwejġu biex iżommuh attent. Imma kollox għalxejn. Fl-aħħar wara tmien xhur, ma felħux iżjed u kellhom ikeċċuh. Darba qal li l-iktar ġurnata iebsa ta’ ħajtu kienet dik meta kellu jneħħi ċ-ċoqqa minn fuqu; ħassu qishom qegħdin iqaxxrulu l-ġilda minn fuqu!

Ġuzeppi sab ruħu fit-triq imċerċer, bi ħwejġu mqattgħin u ma jafx x’se jagħmel. Qabad it-triq għal għand zijuh, li kien negozjant u jagħmilha tajjeb. Imma kif wasal għandu, qala’ tgħajjira kif imiss u reġa’ sab ruħu fit-triq mingħajr ċenteżmu fil-but. Telaq lejn Copertino, ir-raħal tiegħu, mar lejn id-dwejra t’ommu, fetaħ il-bieb u daħal, ra lil ommu u waqa’ fl-art quddiemha sturdut u mifluġ għall-aħħar tant li ma felaħx ilissen kelma. Seta’ biss iħares lejn ommu b’għajnejh mimlijin dmugħ jitlobha ħniena. Imma anqas ommu ma ħennet għalih.

“Keċċewk mill-kunvent,” qaltlu ommu “waqqajtilna wiċċna l-art. Itlaq minn hawn ma tiswa għal xejn. Mur il-ħabs, jekk trid, jew mur fuq il-baħar. Jekk tibqa’ hawn tmut bil-ġuħ.” Imbagħad ommu marret għand ħuha, li kien Franġiskan Konventwali fi Grotella u lmentat kif il-Kapuċċini keċċew lil binha b’dak il-mod u talbithom ituh xi xogħol ieħor, ikun xi jkun, basta jżommuh. Il-Franġiskani aċċettawh bħala terzjarju u tawh ix-xogħol li jieħu ħsieb il-bagħal li kellhom fl-istalla. Ġużeppi tgħidx kemm feraħ! Għalkemm ma setax jilbes iċ-ċoqqa ta’ Franġiskan, almenu seta’ jkun is-seftur tagħhom!

Ilqgħuh fl-Ordni
L-umiltà, il-paċenzja, il-qdusija u l-ubbidjenza ta’ Ġużeppi, seftur mal-Franġiskani Konventwali, malajr ġibdu l-ammirazzjoni tal-patrijiet. Qatt ma kien igerger u kien jaċċetta kull ma jagħtuh bil-ferħ, ħwejjeġ u ikel; ikun x’ikun. Saħansitra ma kienx jiddejjaq jorqod fuq tavla li kien hemm fl-istalla tal-bagħal li kien jieħu ħsieb tiegħu. Mhux hekk biss imma anke offra li jmur jittallab għall-bżonnijiet tal-patrijiet, kif kienet id-drawwa ta’ dak iż-żmien. Kien dejjem ferħan u jilqa’ lil kulħadd bi tbissima. Tant ammirawh li ddeċidew li jaċċettawh fl-Ordni tagħhom u jħalluh ukoll jipprepara ruħu biex jirċievi l-Ordni Sagri. Dan kien fis-sena 1625, meta kellu madwar 22 sena.

L-istudju kien ħaġa iebsa ħafna għal Ġużeppi; bilkemm irnexxielu jitgħallem jaqra u jikteb u qatt ma kellu l-ħila jfisser fi kliemu xi passaġġ mill-Iskrittura ħlief, oħroġ il-għaġeb, wieħed biss! Dan kien Luqa 11:27: “Hieni l-ġuf li ġiebek (fid-dinja)…” Meta kien jaqbad jitkellem fuq dak il-vers ma kienx ikun jista’ jieqaf għax tant kien jintilef fl-imħabba li kellu lejn Marija, Omm Alla. Ħaġa li ma titwemminx, imma meta kellu jersaq quddiem l-Isqof biex jeżaminah qabel ma seta’ jirċievi d-Djakonat, l-Isqof talbu spjegazzjoni preċiża ta’ dik is-silta li tant kien iħobb! Naturalment Ġużeppi ma setax imur aħjar.

Kien baqa’ għadma oħra għax is-sena ta’ wara kellu jagħmel l-eżami qabel jirċievi s-Saċerdozju. Imma x’ġara? L-Isqof tant kien impressjonat bir-risposti tajbin li tawh l-ewwel grupp ta’ kandidati li ddeċieda li jaċċetta anke lil dawk li kien għad baqa’ mingħajr ma jeżaminahom; u Ġużeppi kien wieħed minnhom. Tassew li riditu l-Madonna! Ġużeppi issa kellu 25 sena meta beda jqaddes. Imma baqa’ umli bħal qabel. Kien imur jaħsel il-platti fil-kċina, jaħsel l-art, iġorr il-bricks u t-tajn u jagħmel ix-xogħol kollu li l-oħrajn ma kinux iridu jagħmlu.

Issa, pero’ bdew jidhru fih fenomeni tal-għaġeb li forsi ma dehru f’ebda qaddis ieħor. Waqt il-ħin tat-talb, kien ta’ spiss jintilef estasi ta’ mħabba għall-Mulej u jdum hekk għal sigħat sħaħ. Ħutu l-patrijiet ġieli kienu jniggżuh u anke jmissuh bil-ġmamar biex forsi jqajmuh mill-estasi. Kollu għalxejn. Kien jiġi f’siktu biss meta kien jordnalu s-superjur tiegħu u dak il-ħin ta’ estasi divina tal-imħabba t’Alla hu stess kien isejjaħlu “sturdament!” Bl-interċessjoni tiegħu saru għadd kbir ta’ mirakli; kien imiss l-għajnejn ta’ nies għomja u jiġu jaraw, jerfa’ tarbija mifluġa f’dirgħajh u din tfiq fil-pront; kien jikteb il-barkiet ta’ San Franġisk fuq karta u ħafna minn dawk li kienet tiġi f`idejhom, mar-raħal kollu, kienu jfiqu. Kien jaqra l-qlub. Bilkemm kien jaf jaqra u jikteb u b’danakollu kellu għerf divin tant li kien isolvi problemi dottrinali l-iżjed diffiċli. In-nies kienu jmorru bi ħġarhom biex iqerru għandu, u meta kien imur jittallab ta’ spiss kienu jaqtgħulu xi biċċa miċ-ċoqqa biex iżommuha b’devozzjoni.

Il-Qaddis li jtir
San Ġużepp ta’ Copertino hu magħruf bħala “l-Qaddis li jtir” minħabba d-don li kellu li jinqata’ mill-art. Ta’ spiss, waqt il-quddies kien jinqata’ u jogħla. Anke xi drabi, meta kien jiċċassa fejn xi pittura tal-Madonna fis-saqaf tal-knisja u jidħol f’meditazzjoni profonda, kien mhux biss jinqata’ mill-art imma jogħla sa ħdejn il-pittura fis-saqaf! Anke waqt l-ikel, ġieli kien jidħol f’estasi u jogħla ‘l fuq bil-platt f’idejh. Meta kien ikun fil-kampanja, mhux l-ewwel darba li kien itir għal fuq xi siġra u joqgħod hemm mitluf fil-meditazzjoni. Dawn il-fenomeni kienu jarawhom mijiet ta’ nies u xi wħud minnhom huma rrekordjati uffiċjalment.

Darba waħda – u dan il-fatt hu wieħed minn dawk magħrufin uffiċjalment – xi ħaddiema kienu qegħdin isibu diffikultà biex iwaħħlu salib kbir, twil 36 pied, fil-ħofra tiegħu, bejn żewġ slaleb oħra. Ġużeppi rahom, inqata’ mill-art u għola ‘l fuq, qabad is-salib, qisu xi tibna, u niżlu fil-ħofra tiegħu. Minħabba dawn il-fenomeni straordinarji, matul il-35 sena tas-saċerdozju tiegħu, Ġużeppi kien sospiż għal ħafna żmien milli jqaddes fil-knisja; seta’ biss iqaddes f’kappella privata, ma setax jiekol fir-refettorju, ma setax jirreċita l-Uffiċċju Divin mal-Komunità u lanqas ma seta’ jieħu parti f’xi proċessjoni.

Kien hemm saħansitra min beda jissuspetta ħażin fih u li kien qed jagħmel dak kollu biex jitkessaħ, li ried jaqla’ l-inkwiet, u akkużawh quddiem il-Vigarju Ġenerali. Minħabba f’hekk Ġuzeppi kellu jidher quddiem l-Inkwiżituri ta’ Napli, imma dawn ma sabu ebda ħtija fih. Bagħtuh quddiem il-Ministru Ġenerali tal-Ordni f’Ruma. Dan baqa’ impressjonat bl-umiltà ta’ Ġużeppi. Fl-aħħar kellu jidher quddiem il-Papa Urbanu VIII. Kif sab ruħu quddiem il-Papa, Ġużeppi waqa’ f’estasi u nqata’ mill-art b’għaġeb ta’ kulħadd.

Mewtu
Fis-sena 1653, l-Inkwiżituri ta’ Perugia ġew ordnati li jibagħtu lil Ġużeppi lura lill-Kapuċċini u li jinżamm f’xi kunvent `il bogħod, maqtugħ min-nies. Meta n-nies saru jafu fejn kien u bdew imorru jfittxuh hemm, lil Ġużeppi ħaduh f’kunvent ieħor, imbagħad f’ieħor u ieħor. Dan baqa’ sejjer hekk għal erba’ snin sħaħ. Fis-sena 1657, bagħtuh lura lill-Ordni tal-Konventwali, fil-Kunvent ta’ Osimo, fejn qegħduh f’ċella żgħira b’kappella privata magħha. L-uniċi nies li setgħu jarawh kienu dawk biss magħżula minn fost il-kleru. Issa kien waqa’ tista’ tgħid f’estasi kontinwa. Issa li ġie maqtugħ minn man-nies, Ġużeppi ħassu maħbub minn Alla aktar minn qatt qabel!

Ġużeppi kellu l-ordni li qatt ma jitlaq minn Osimo. FI-10 ta’ Awissu, 1663, f’daqqa waħda qabdu attakk ta’ deni li ma riedx iħallih. Ġużeppi xorta baqa’ jqaddes sa ma waslet il-festa tal-Assunzjoni. Minn dak inhar ma felaħx iżjed u kellu jibqa’ fis-sodda. Imma qatt ma tilef tqarbina. FI-aħħar, meta wasal fi stat ħażin ħafna, irċieva l-Griżma tal-Morda u fit-18 ta’ Settembru, 1663, ħalla dal-wied tad-dmugħ waqt li bi tbissima fuq wiċċu tenna l-kliem ta’ San Pawl: “Ix-xewqa tiegħi hi li mmur u ningħaqad ma’ Kristu.” (Filippin 1:23). Il-Papa Klement XIII ikkanonizzah fis-sena 1767.

Fi żmien San Ġużepp ħadd ma kien isemmi titjir bl-ajru; kien għadu kmieni wisq, imma meta vvintaw l-ajruplani, fis-seklu għoxrin, San Ġużepp ta’ Copertino ġie magħżul bħala l-Patrun tal-ivvjaġġar bl-ajru u tal-Piloti. Illum ukoll huma ħafna dawk l-istudenti li jitolbu lil San Ġużepp ta’ Copertino biex jinterċedi għalihom ħalli jgħaddu mill-eżamijiet.

Ħsieb: Xtaqt nagħżel xi siltiet meħuda minn kitba tal-Papa San Ġwanni Pawl II lill-Ministru Ġeneral tal-Ordni Franġiskan tal-Patrijiet Minuri Konventwali fl-okkażjoni tal-400 sena mit-twelid ta’ San Ġużepp ta’ Copertino:

“San Ġużepp ta’ Copertino jkompli jiddi fi żmienna bħala fanal li jdawwal il-mixja ta’ kuljum ta’ dawk li jirrikorru għall-interċessjoni ċelesti tiegħu. Bħala Patrun tal-istudenti, San Ġużepp ta’ Copertino jagħti kuraġġ lid-dinja tal-kultura, b’mod partikulari tal-iskola. Huwa propju minħabba d-doċilità interjuri għall-Għerf divin tiegħu, li dan il-qaddis singolari jista’ jipproponilna lilu nnifsu bħala gwida spiritwali lil kull kategorija ta’ nies. Mis-sema issa ma jiqafx jipproteġi u jsaħħaħ lil dawk, li jsegwu l-passi tiegħu u li bi ħsiebhom jikkonvertu lejn Alla u jimxu b’fehma sħiħa fuq it-triq tal-qdusija.

Aspett ieħor importanti tal-ispiritwalità tiegħu kienet l-imħabba lejn l-Ewkaristija. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa Mqaddsa, kif ukoll is-sigħat twal li kien iqatta’ fl-adorazzjoni quddiem it-tabernaklu, kienu l-qalba tal-ħajja tiegħu ta’ talb u ta’ kontemplazzjoni. Kien iqis is-Sagrament tal-Altar bħala “Ikel tal-Anġli,” misteru tal-Fidi mħolli minn Ġesù lill-Knisja tiegħu, Sagrament li fih l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem ma jidhirx lill-fidili wiċċ imb ‘wiċċ, imma qalb ma’ qalb. F’dan il-misteru kbir – kien jgħid – Alla tana t-teżori kollha tas-setgħat Divini u għamilha possibli biex nieħdu sehem fil-Ħniena Divina tiegħu. Minn dan il-kuntatt ta’ kuljum ma’ Ġesù Ewkaristija, huwa kien jikseb is-serenità u l-paċi, li mbagħad kien jittrasmetti lil dawk li kien jiltaqa’ magħhom, waqt li jfakkar li b’dan il-mod aħna lkoll pellegrini u għorba fil-mixja tagħna lejn l-eternità.

U xi ngħidu għad-devozzjoni filjali u mqanqla li kellu lejn il-Verġni Marija? Sa minn żgħożitu deher jieqaf fit-tul f’riġlejn il-Madonna tal-Grazzji, fis-Santwarju ta’ Galatone. Aktar tard kien jieqaf biex jikkontempla x-xbieha tant għażiża għalih tal-Verġni ta’ Grottella, li kienet is-sieħba tiegħu tul ħajtu kollha. Fl-aħħar nett, mill-kunvent ta’ Osimo, fejn għadda l-aħħar snin ta’ ħajtu, kien idawwar ħarstu lejn il-Bażilka ta’ Loreto, ċentru ta’ devozzjoni Marjana. Għalih Marija kienet l-Omm tassew li magħha kellu rapport ta’ iben sempliċi u kunfidenza sinċiera. Illum ukoll huwa jtenni lid-devoti li jersqu lejh: “Din hija l-Protettriċi, Sinjura, Patruna, Omm, Għarusa, Għajnuna tagħna.”

(Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija)

F’San Ġużepp ta’ Copertino, tant għażiż għall-poplu, jiddi l-għerf taċ-ċkejknin u l-ispirtu tal-Beatitudni tal-Vanġelu. Matul il-ħajja tiegħu kollha huwa juri t-triq li twassal għall-ferħ veru, ukoll jekk fost it-taħbit u t-tbatija: ferħ li ġej minn fuq u li jitwieled mill-imħabba lejn Alla u lejn l-aħwa, frott ta’ tfittxija twila u mpenjattiva tal-veru ġid u għaldaqstant kontaġġuża għal min jiġi f’kuntatt magħha.

Jekk minħabba l-impenn intens u sħiħ tal-axxeżi nisrani tiegħu, dan il-qaddis jista’ jidher quddiem il-ħarsa superfiċjali bħala bniedem rozz, sever u rigoruż, fir-realtà iżda, huwa bniedem ta’ ferħ, ta’ min iħobbu u dħuli ma’ kulħadd. Anzi dawk li kitbu dwaru jirreferu li hu rnexxilu jitrassmetti l-ferħ qaddis u franġiskan tiegħu permezz tal-mod kif kien jitlob, mogħni b’komposizzjonijiet mużikali sbieħ u minn versi popolari li kienu jsaħħru lil min jisimgħu u jqanqlu mill-ġdid id-devozzjoni.

Dawn il-karatteristiċi kollha jressqu spiritwalment viċin lil San Ġużepp ta’ Copertino lejn il-bniedem ta’ żmienna. F’kelma waħda, ix-xhieda erojka tal-Vanġelu ta’ dan il-bniedem ta’ Alla li jiġbdek, magħruf mill-Knisja u propost mill-ġdid lill-irġiel u lin-nisa ta’ żmienna, hija għalina lkoll sejħa qawwija biex ngħixu mqanqla u b’ħeġġa l-fidi tagħna, fis-sitwazzjonijiet differenti u kumplessi taż-żmien li qed ngħixu fih.”

TalbaO Alla, fil-għerf tiegħek tal-għaġeb, int ridt li l-Iben il-waħdieni tiegħek merfugħ mill-art jiġbed kollox lejh: fil-ħniena tiegħek agħmel li bil-merti u fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp ta’ Copertino ninfatmu mix-xewqat kollha tad-dinja u hekk inkunu nixbhu tassew lil Ibnek. Ammen.

English Version: https://www.ewtn.com/catholicism/library/st-joseph-of-cupertino-the-dunce-5587

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-joseph-of-cupertino/

Wikipedia bil-Malti: https://mt.wikipedia.org/wiki/San_%C4%A0u%C5%BCepp_ta%27_Kopertinu

A film on Saint Joseph of Copertino:

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa kitba ta’ Fr. Vincent Vaz, S.D.B. maqluba għall-Malti minn Joseph Agius Delicata. Il-ħsieb huwa magħmul minn siltiet meħuda minn messaġġ tal-Papa San Ġwanni Pawl II lill-Ministru Ġeneral tal-Ordni Franġiskan tal-Patrijiet Minuri Konventwali fl-okkażżjoni tal-400 sena mit-twelid tal-qaddis.

Design a site like this with WordPress.com
Get started