24 ta’ Lulju: Beata Marija Mercedes Prat

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Mercedes Prat

“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” – Ġesù fi Ġwanni 15:13.

Mercedes Prat y PratBEATA MARIJA MERCEDES PRAT
Verġni u Martri
1880 – 1936

Tagħrif: Mercedes Prat twieldet f’Barċellona, fis-6 ta’ Marzu, 1880. L-għada, hija ġiet mgħammda. Għamlet l-ewwel tqarbina tagħha, fit-30 ta’ Ġunju, 1890.

Minn ċkunitha Mercedes ingħatat kompletament lil Alla. Ma kinitx tgħaddi ġurnata li hija ma tersaqx biex tirċievi l-Ewkaristija.

Kellha mħabba kbira għall-proxxmu u għamlet dak li setgħet sabiex tnibbet din il-kwalità ta’ mħabba f’ħaddieħor.

Meta kienet fl-iskola, kienet magħrufa għat-tjubija tagħha u għad-dedikazzjoni tagħha għall-istudju. Kienet eċċellenti fil-ħjata u fit-tpinġija, għaliex kienet imżejna bit-talent tal-arti.

Fl-1904, hija ngħaqdet mas-Soċjetà ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, f’Tortosa, u bdiet in-novizzjat tagħha. Hija għamlet l-ewwel professjoni tagħha, fl-1907.

Fl-1920, Swor Mercedes inbagħtet il-Motherhouse, Barċellona. Kien hemm taqlib sħiħ, il-Gvern kien anti-kattoliku u ma kellu l-ebda simpatija lejn il-Knisja.

Minn hawn beda l-martirju għal Swor Mercedes. Fis-19 ta’ Lulju tal-1936, il-komunità kellha tħalli l-iskejjel tagħha u taħrab. Hija kienet waħda mir-reliġjużi, u fit-23 ta’ Lulju ġiet arrestata u xkubettatha, għaliex kienet soru.

Hija mietet filgħodu kmieni nhar l-24 ta’ Lulju, 1936. Ġiet ibbeatifikatha mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, fid-29 ta’ April, 1990.

Aktar dettalji
Il-Beata Marija Mercedes Prat kienet reliġjuża għal qalb t’Alla: sinċiera u dejjem prudenti fi kliemha, kalma, ġentili, ta’ tjieba kbira għal kulħadd iżda ta’ karattru sod. Hija tħarrġet b’żelu u dedikazzjoni fl-appostolat tat-tagħlim f’diversi skejjel. Il-ħajja reliġjuża tagħha kienet immarkata minn sempliċità qawwija u għotja sħiħa ta’ mħabba lejn Alla u l-aħwa. Alla kien il-maħbub tagħha u l-imħabba tagħha għalih kompliet dejjem tikber, sal-punt li kienet lesta li tagħti ħajjitha għal Alla.

L-ewwel jiem tal-gwerra Spanjola għamlu minnha waħda mill-ewwel vittmi tal-gwerra. Ġiet arrestata mill-militanti flimkien ma’ soru oħra tal-komunità, u wara ġurnata ta’ turmenti morali, ġiet fuċillata ma’ priġunieri reliġjużi oħra. Mietet wara agunija twila, li matulha ħafret lill-eżekuturi tagħha, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Ħsieb: Imma min fejn ġabet il-qawwa biex taħfer u tibqa’ fidila lejn Kristu, anke sal-Martirju? Il-Papa Franġisku f’quddiesa tal-Kanonizzazzjoni għal grupp ta’ 800 qaddis martri, (12 ta’ Mejju, 2013) jgħid hekk:

“Il-Kelma t’Alla li stednitna għal fedeltà lejn Kristu, anke sal-Martirju; tfakkarna mill-ġdid fl-urġenza u fis-sbuħija li nwasslu ‘l Kristu u l-Evanġelju tiegħu lil kulħadd; u tkellimna dwar ix-xhieda tal-imħabba li mingħajrha kemm il-martirju kif ukoll il-missjoni jitilfu kull togħma nisranija.

L-Atti tal-Appostli, meta jkellmuna mid-djaknu Stiefnu, l-ewwel martri, jinsistu jtennulna li hu kien bniedem “mimli bl-Ispirtu s-Santu” (6:5; 7:55). Xi jfisser dan? Ifisser li huwa kien mimli bl-Imħabba t’Alla, li l-persuna kollha tiegħu, il-ħajja tiegħu kienu mogħtija r-ruħ mill-Ispirtu ta’ Kristu Mqajjem mill-imwiet, b’mod li hu seta’ jimxi wara Ġesù bil-fedeltà sħiħa sal-għotja tiegħu nnifsu.

Imma l-martri fejn sabu l-qawwa biex jibqgħu fidili? Żgur fil-fidi li tara ‘l hemm mill-limiti tal-ħarsa tagħna bħala bnedmin, lil hemm minn tmiem il-ħajja f’din l-art, li tgħinna nikkontemplaw “is-smewwiet miftuħa” – kif itenni San Stiefnu – u lil Kristu ħaj fuq il-lemin tal-Missier. Għeżież ħbieb tiegħi, ngħożżu dil-fidi li rċivejna u li hija l-veru teżor, inġeddu l-fedeltà tagħna għall-Mulej, anke qalb it-tfixkil u meta nsibu ruħna mhux mifhmuha; Alla ma jonqosna qatt fil-qawwa u s-serenità.

Fil-waqt li nagħtu qima lill-Martri …, nitolbu ‘l Alla li jagħti l-qawwa lil tant insara li, f’tant pajjiżi fid-dinja, illum ukoll qegħdin isofru vjolenza; nitolbuh ukoll jagħtihom il-kuraġġ tal-fedeltà u li jwieġbu l-ħażin bit-tajjeb.

It-tieni ħsieb nistgħu nieħduh mill-kelmiet ta’ Ġesù li mill-Evanġelju: “Nitlob għal dawk li għad jemmnu bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (Ġwanni 17:20). 

Ejjew inkunu ġenerużi m’Alla, ma ngħixux il-fidi weħidna – bħallikieku kien possibbli tgħix il-fidi għalik waħdek – imma li ngħadduha lill-oħrajn, ngħaddu l-ferħ tal-Evanġelju bil-kelma u bix-xhieda tal-ħajja f’kull ambjent li fih inkunu ninsabu. F’kull post li fih ngħixu, inwasslu r-raġġi ta’ dil-ħajja tal-Evanġelju! Il-fidi tgħallimna naraw il-wiċċ ta’ Ġesù li jidher jirrifletti fl-ieħor jew l-oħra, li nirbħu l-indifferenza u l-individwaliżmu, li jherru l-komunitajiet insara u jherru lill-qlubna.

Hija tgħallimna wkoll nilqgħu lil kulħadd mingħajr preġudizzji, mingħajr diskriminazzjoni, mingħajr domandi għalxejn, bi mħabba sinċiera. Fil-waqt li nagħtu l-aħjar tagħna nfusna u fuq kollox naqsmu magħhom dak li għandna l-aktar prezzjuż, li m’humiex il-ħidmiet tagħna jew l-organizzazzjonijiet tagħna; Le! Dak li għandna bħala l-aktar li jiswa huwa Kristu u l-Evanġelju tiegħu.

Fl-aħħarnett, it-tielet ħsieb. Fl-Evanġelju Ġesù jitlob lill-Missier b’dawn il-kelmiet: “Jien għarrafthom ismek u għad ngħarrafhulhom iżjed, biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena fihom” (Ġwanni 17:26). Il-fedeltà sal-mewt tal-martri u x-xandir tal-Evanġelju lil kulħadd għandhom l-għeruq tagħhom fl-imħabba t’Alla li hija msawba fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu (ara Rumani 5,5) u fix-xhieda li għandna nagħtu għal din l-imħabba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  

Ejjew inħobbu kif Ġesù ħabbna, u dan ifisser li ma ningħalqux fina nfusna, fil-problemi tagħna, fl-ideat tagħna, fl-interessi tagħna, f’din id-dinja żgħira li tant iġġibilna ħsara, imma noħorġu u mmorru niltaqgħu ma’ min jeħtieġ attenzjoni, mogħdrija, għajnuna, biex inwasslulhom qribhom l-imħabba mħeġġa u ħerqana t’Alla; u dan nagħmluh b’ġesti ta’ delikatezza, interess sinċier u mħabba.

Il-fedeltà għal Kristu u l-Evanġelju tiegħu, biex inwassluh bil-kelma u bil-ħajja, filwaqt li nagħtu xhieda tal-imħabba t’Alla bl-imħabba tagħna, bil-karità tagħna lejn kulħadd: dawn huma eżempji li jdawwlu u tagħlim li joffrulna l-Qaddisin imxandra llum, imma li fl-istess waqt iqajmu wkoll mistoqsijiet lil ħajjitna nisranija:

  • Kif jiena fidil/a għal Kristu?
  • Jiena kapaċi li “nuri” l-fidi tiegħi bir-rispett, imma wkoll bil-kuraġġ?
  • Jiena attent/a għall-oħrajn, nittendi min huwa fil-bżonn, nara f’kulħadd aħwa li rrid inħobb?

Inġorru magħna dawn il-mistoqsijiet biex naħsbu fuqhom.”

Talba: Mulej Alla ta’ missirijietna, imliena bix-xjenza tas-salib, li biha żejjint lill-Beata Marija Mercedes Prat fil-waqt tal-martirju; agħtina, għat-talb tagħha, li dejjem infittxu lilek bħala l-ogħla Verità u nħarsu b’qalb sħiħa sal-mewt il-patt etern ta’ mħabbtek imwettaq bid-demm ta’ Ibnek għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://dbpedia.org/page/Merc%C3%A8_Prat_i_Prat

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=7447

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Merc%C3%A8_Prat_i_Prat

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

4 ta’ Lulju: Santa Eliżabetta tal-Portugall

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta tal-Portugall

“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.” – Ġesù f’Mattew 5:9.

Sancta_Isabel_Regina_(1893)_-_Francisco_Vilaça.png

SANTA ELIŻABETTA TAL-PORTUGALL
Reġina
1271 – 1336

Tagħrif: Santa Eliżabetta twieldet f’Aragona, il-Portugall, f’familja rjali. Missierha kien ir-Re Pietru III ta’ Aragona.

Meta kellha tnax il-sena, iżżewġet lir-Re Denis tal-Portugall. Kellhom żewġt itfal.

Minkejja l-infedeltà ta’ żewġha, hija baqgħet devota lejh, tant li saħansitra kienet tieħu ħsieb it-tfal illeġittimi tiegħu u ma ttraskuratx il-ħajja spiritwali tagħha.

Hija tat ruħha għas-servizz tal-fqar, u fetħet sptar f’Coimbra, orfanatrofju u dar għan-nisa f’Torres Novas.

Barra mill-ħajja ħażina ta’ żewġha, kellha tħabbat wiċċha ma’ ħafna ġlied serju fil-familja, li hi b’ħafna għaqal u paċenzja kienet tagħraf issolvi, u tnissel il-paċi. Bħal meta darba żewġha ġġieled ma’ ħuh fuq xi propjetà. Darb’oħra binha Alfonso qajjem armata biex jeħodha kontra missieru li kien jagħmel preferenzi mal-ulied illeġittimi tiegħu, u hi ta’ 52 sena daħlet bejn l-armati li kienu lesti għall-ġlied u baqgħet sa ma ġabet il-paċi. Darb’oħra, binha Alfonso ried joqtol lir-raġel ta’ bintu Marija għax kien jaħqarha u Santa Eliżabetta ta’ 65 sena ħalliet il-kunvent biex iġġib il-paċi bejniethom.

Wara l-mewt ta’ żewġha, daħlet Terzjarja Franġiskana u marret tgħix f’kunvent tal-Klarissi.

Mietet fl-4 ta’ Lulju 1336, wara li rċeviet is-sagramenti waqt li kienet qed titlob mas-sorijiet.

Xi mitejn sena wara, meta kien hemm bżonn li jinfetaħ il-qabar fejn kienet midfuna sabu ġisimha talikwali, bla ma tħassar. Il-Papa Urbanu VIII iddikjaraha Qaddisa fl-1625.

Ħsieb: Din il-qaddisa, magħrufa wkoll bħala Isabella, kienet ukoll pro-neputija ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija u kienet tixbaha kemm fil-virtujiet kif ukoll fis-sofferenzi li ġarrbet. L-imġiba tar-re għall-ewwel kienet waħda tajba. Hu waqqaf sptarijiet u skejjel; imma mbagħad fil-ħajja privata tiegħu kien kawża ta’ ħafna niket għal Eliżabetta u kien ukoll jittradiha. Hi kienet omm eżemplari għal uliedha, u reġina ġeneruża għall-poplu tagħha. Tat ruħha għas-servizz tal-foqra u tal-morda u l-eżempju tagħha kien twiddib kontinwu għal dawk ta’ madwarha.

Meta l-firda iddeġenerat fi ġlieda bil-miftuħ, il-kuraġġ tagħha kien il-kawża li fl-aħħar mument ma nxteridx id-demm: hi marret riekba fuq iż-żiemel fil-post tal-battalja bejn iż-żewġ gruppi ostili, bil-kurċifiss f’idejha. Hi kienet fidila għal Alla, u sal-aħħar jiem ta’ ħajjitha kienet iddedikata għall-kawża tal-paċi u l-karità.

Hija rabbiet it-tfal illeġittmi ta’ żewġha, daret bih b’dedikazzjoni fl-aħħar marda tiegħu u wasslitu biex għamel mewta qaddisa. Imbagħad bħala Terzjarja Franġiskana għexet ħdejn monasteru tal-Klarissi li hija waqqfet f’Coimbra. Iżda hija mietet f’Estremoz fil-Portugall, fejn marret mal-armata ta’ binha fuq l-aħħar missjoni ta’ paċi. Għalkemm irnexxielha tirrikonċiljah man-neputi tagħha, is-sultan ta’ Kastilja, il-vjaġġ u s-sħana tas-sajf kienu l-kawża ta’ mewtha.

Ix-xogħol tal-promozzjoni tal-paċi huwa xejn ħlief sforz kalm u kwiet. Trid moħħ ċar, spirtu stabbli u ruħ kuraġġuża biex tintervjeni bejn in-nies li l-emozzjonijiet tagħhom huma hekk qliel li lesti li jeqirdu lil xulxin. Dan huwa minnu fil-każ ta’ din il-mara li għexet fil-bidu tas-seklu 14. Imma Eliżabetta kellha mħabba u simpatija profonda u sinċiera għall-bnedmin, nuqqas ta’ tħassib kważi totali għaliha nnfisha, u kunfidenza totali f’Alla. Dawn kienu l-għodod tas-suċċess tagħha.

Hawn min jagħmel lilu nnifsu strument li jġib il-paċi u jnissel l-imħabba; hawn min ifittex li jaqla’ l-inkwiet u jiżra’ l-mibegħda. Biex tevita l-inkwiet u l-miżerja li l-ġlied iġib miegħu, Santa Eliżabetta ġieli ssugrat saħħitha u saħansitra ħajjitha. Aħna kemm nixbhuha, fid-dar tagħna, fil-post tax-xogħol, fis-soċjetà? Kemm innisslu paċi kull fejn nersqu?

Talba: O Alla, li tnissel il-paċi u tgħożż lil min jagħti xhieda ta’ l-imħabba, int żejjint lil Santa Eliżabetta tal-Portugall bil-grazzja tal-għaġeb li tgħaqqad fil-paċi lil dawk li kienu mifruda bit-tilwim; bit-talb tagħha, agħtina li aħna wkoll naħdmu ħalli nġibu l-paċi, biex nistgħu nissejħu wliedek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2015/07/st-elizabeth-of-portugal.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-elizabeth-of-portugal/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_of_Aragon

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

4 ta’ April: San Sidor

Verżjoni Vidjo: San Sidor

“Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.  San Sidor, mgħallem tassew għaref u dawl tal-Knisja imqaddsa, itlob lill-Iben ta’ Alla għalina, int li ħabbejt il-liġi tal-Mulej.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Sidor.

Isidor_von_Sevilla.jpegSAN SIDOR
Isqof u Duttur tal-Knisja
560 – 636

Tagħrif: San Sidor kien tifel ta’ familja nobbli Rumana, li kienet qed tgħix f’Kartaġena, Spanja. Tlieta minn ħutu huma wkoll qaddisin, San Leandru li kien Arċisqof ta’ Sevilla, San Fulġenzju, Isqof ta’ Astigi, u Santa Florentina.

Fis-sena 599 sar Arċisqof ta’ Sevilla, wara ħuh, u mexxa d-Djoċesi b’suċċess kbir għal 37 sena, sakemm miet fl-4 ta’ April 636.

Kien bniedem ta’ għerf kbir, u kien l-aħħar wieħed fost il-Filosofi Nsara. Kien ukoll l-aħħar wieħed fost il-Missirijiet tal-Knisja Latina, u kien l-ewwel kittieb Nisrani li għamel ‘Summa’, ġabra ta’ għerf universali. Hu ġabar xogħlijiet Latini u Griegi, li kienu jintilfu li kieku ma kienx hu. Baqa’ msemmi ħafna għall-opra tiegħu ”Etymologiae”, kollezzjoni sistematika ta’ 154 kittieb ta’ żmienu, fuq teoloġija, axxetika, storja, ġografija, astronomija, u suġġetti oħra.

San Sidor attenda t-Tieni Konċilju ta’ Sevilla fis-sena 619, u ppresieda r-Raba’ Konċilju ta’ Toledo fis-sena 633.

Ħadem ħafna biex il-Viżigoti li ddominaw Spanja għal kważi żewġ sekli, ġew ikkonvertiti mill-Arjaniżmu.

San Sidor miet fis-sena 636, ta’ 76 sena.

Ħsieb: Is-soċjetà tagħna tista’ sewwa sew tuża l-ispirtu ta’ San Sidor ta’ kombinazzjoni bejn it-tagħlim u l-qdusija. L-imħabba, il-fehma u l-għerf jistgħu jfejqu u jagħqdu flimkien nies miksura u mifruda minn xulxin. Aħna m’aħniex Barbari bħall-invażuri ta’ Spanja fi żmien Sidor. Imma n-nies li huma mgħarrqa fl-għana u invażati mill-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi, jistgħu jitilfu f’ħajja ta’ nuqqas ta’ mħabba u konpassjoni lejn il-proxxmu. X’jiswew umbagħad l-avvanzi kollha tal-bniedem tal-lum jekk titmermer l-imħabba, li nafu li hi r-raġuni għalfejn ġejna f’din id-dinja? X’jiswielu l-bniedem intelliġenti u għani jekk jikseb tant ġid u unuri biex umbagħad jitlef ruħu?

In-nisrani mħeġġeġ biex bl-avvanzi tad-dinja moderna, jara kif jista’ jħobb, jaqdi u jservi aħjar il-ħtiġijiet tal-ħajja tiegħu u tal-oħrajn, b’attenzjoni speċjali lejn dawk l-aktar batuti u fil-bżonn? Il-bniedem jiftaħar għax niżel fuq il-qamar u kull sena jintefqu eluf ta’ flus fuq ikomplu javvanzaw f’missjonijiet spazjali ġodda. U xi ngħidu għan-nefqa fl-armi li li tintefaq biex il-pajjiżi jkunu lesti għal xi gwerra li tista’ tinqala? Illum nista’ nilħaq lil xi ħadd li qiegħed fuq in-naħa l-oħra tal-globu!! Tassew li l-bniedem jaf ikun intelliġenti u bravu! Imma, ngħid jien, il-bniedem avvanza fejn tidħol il-karita’, l-imħabba u l-għajnuna immedjata ta’ nies fil-bżonn? Il-faqar irnexxielna niddistruġġuh? Nistgħu ngħidu li nies li jmutu bil-ġuħ, bil-mard, bil-klima għax m’għandhomx saqaf fuq rashom u oħrajn, issa saru biss memorja tal-passat?? U xi ngħidu għan-nies bi bżonnijiet fil-gżejjer tagħna?

F’omelija minn tiegħu, Mons. Isqof Mario Grech, waqt quddiesa fl-okkażjoni tal-Gradwazzjoni tal-studenti tal-Università (21 ta’ Novembru 2008) jgħidilhom hekk:

“Matul s-snin dejjem kien hemm nisġa qawwija bejn l-impenn intellettwali u dik l-attenzjoni speċjali għall-faqar qadim u ġdid. Kienu ħafna dawk li xorbu mill-għajn tal-għerf biex imbagħad setgħu jaqdu ġenerożament lill-fqir u liż-żgħir. Irrid nittama li dan huwa wkoll wieħed mill-ideali tagħkom, li llum qed troddu ħajr lil Alla talli temmejtu l-korsijiet tagħkom u issa tibdew tfittxu fejn tistgħu toffru l-kontribut professjonali tagħkom. Il-foqra qegħdin magħna. Peress li mhux dejjem isibu min ġenwinament isostnihom mill-kamp politiku, intom, bħala ċittadini, kulħadd esperti fil-kamp tiegħu jew tagħha, tistgħu tkunu t-tama tagħhom li b’xi mod tgħinuhom jgħixu ħajja umanament dinjituża.

  • Għandna familji li qed ifittxu min jgħinhom biex jegħlbu d-diffikultajiet relazzjonali u finanzjarji;
  • għandna ħaddiema li jixtiequ serħan il-moħħ dwar ix-xogħol li għandhom;
  • għandna tfal u adolexxenti li qed jaffrontaw sfidi ġodda fis-sistema edukattiva;
  • għandna ħafna aspettattivi biex fil-qasam tas-saħħa jkun assigurat ir-rispett lejn il-ħajja;
  • għandna anzjani li jibżgħu li fl-aħħar fażi ta’ ħajjithom mhux ser ikollhom min joffrilhom kenn.

Dawn biex insemmi ftit eżempji. San Bernard jikteb: “Hemm dawk li jridu jkunu jafu biex ikunu jafu, u din hija kurżità; hemm oħrajn li jridu jitgħallmu biex ħaddieħor ikun jaf li huma jafu, u din hija vanità; oħrajn li jistudjaw biex imbagħad ibiegħu l-għerf tagħhom għall-flus u l-unuri, u dan huwa tal-mistħija; hemm min għandu għatx għat-tagħlim biex jifforma lilu nnifsu, u din hija azzjoni prudenti; u hemm dawk li jistudjaw biex jagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u din hija għażla karitattiva”. Huma kliem miktuba ħafna snin ilu, imma attwalissimi. Nitlob lill-Mulej biex iseddaq fikom din il-motivazzjoni li semmejt fl-aħħar.

San Ġakbu jgħidilna li jekk hemmx xi ħadd għaref u għaqli fostna, ħa juri bl-imġiba tiegħu għemilu (Ġakbu 3;13). Ningħaqad mal-Appostlu u nawguralkom li l-għerf li ksibtu fis-snin li għaddejtu l-Università – għerf li żgur għad tridu tikkonfermaw u tkattru bil-formazzjoni kontinwata – , għerf li jgħinkom tiskopru min hu Alla u min hu l-bniedem, jiswielkom biex tagħmlu d-dinja aktar umana milli sibtuha”.

  • U inti, qed tuża l-intelliġenza, l-għerf u l-kapċitajiet tiegħek huma x’inhuma biex tkun ta’ servizz lejn il-proxxmu tiegħek?
  • Li tħalli d-dinja aħjar milli sibtha bil-mod kif għamel Kristu, San Sidor u tant u tant oħrajn, huwa l-programm ta’ ħajtek?

Talba: Agħti widen, Mulej, għat-talb li qegħdin nagħmlulek fit-tifkira ta’ San Sidor, biex, bħalma hu kien ta’ fejda kbira għall-Knisja bit-tagħlim qaddis tiegħu, hekk ukoll ikun ta’ għajnuna għaliha bit-talb tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-isidore-of-seville.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-isidore-of-seville/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Isidore_of_Seville

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

30 ta’ Marzu: Beatu Amedew tas-Savoja

Verżjoni Vidjo: Beatu Amedew tas-Savoja

“Kunu ġusti; ħobbu lill-fqar, u l-Mulej jagħtikom is-sliem fil-pajjiż tagħkom.” – L-aħħar kliem tal-Beatu Amedew tas-Savoja lil uliedu u n-nobbli li nġabru madwaru fl-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu.

BEATU AMEDEW TAS-SAVOJA
Re u Raġel Miżżewweġ
1435 – 1472

Tagħrif: Amedew IX twieled f’Thonon (Franza) fl-1 ta’ Frar, 1435; nannuh kien Amedew VIII li kien elett antipapa fl-1438, imma li abdika b’mod virtuż ftit snin wara. Kien jibda l-ġurnata b’meditazzjoni personali u bis-smigħ tal-quddies. Kien jersaq għas-sagramenti ħafna aktar spiss milli kienet id-drawwa dak iż-żmien.

Minn twelidu għarrsuh lil Jolanda, oħt ir-re Lwiġi XI re ta’ Franza, li żżewwiġha fl-1451 meta kellu 17-il sena u minnha kellu seba’ ulied. Martu, bħalu, kienet mara reliġjuża ħafna, u għenitu anki fit-tmexxija ta’ pajjiżu.

Ta’ 30 sena (fl-1465) hu laħaq minflok missieru, Lwiġi I, fuq it-tron tal-Pjemonte u s-Savoja; imma, matul is-seba’ snin tas-saltna tiegħu, billi kien marid b’epilepsija, hu qasam it-tmexxija mad-dukessa martu. L-għaqda tagħhom kienet bla miksura, u huma ma kienu jaħsbu f’xejn ħlief il-ġid temporali u spiritwali tas-suditti tagħhom.

Għalkemm il-mod ta’ ħajja li għex kienet waħda li taqbel mal-grad tiegħu, u hu nnifsu kien lest li jmut f’kull mument, Amedew ma xtaq qatt li s-sudditi tiegħu jxerrdu demmhom għalxejn.

Kien aħrax biss mal-libertini, ma’ dawk li jaħqru lin-nies (‘extortioners’), u midgħajja. Fuq l-eżempju tiegħu d-duka ta’ Milan Francesco Sforza kien jimmulta lil dawk fost il-kortiġġjani tiegħu li jinstemgħu jidgħu, u bis-somma li ġabar min għandhom bena kappella li hu wkoll żejjen ħafna. Meta l-istess prinċep ra t-tjieba kbira u l-imħabba li Amedew kien juri lill-fqar, qal fuqu: “Fil-pajjiżi tiegħek wieħed jistħajlu jinsab n-naħa l-oħra tad-dinja! Kullimkien tista’ tgħid li aħjar tkun għani milli fqir, imma miegħek huma l-fqar li huma mweġġħin u l-għonja li huma mmaqdrin.”

Id-duka kien dejjem jitħarreġ fil-penitenza u fit-talb. Lil dawk li ppruvaw jipperswaduh ma jsumx daqshekk, hu kien iweġibhom li ebda ħaġa ma kienet daqstant tajba għal saħħtu. L-aħħar snin ta’ ħajtu l-marda kabritu ħafna. Martu u ħbiebu kienu jitnikktu ħafna jarawh hekk batut. “Għalfejn tinkwetaw?” qalilhom meta ġie f’tiegħu, “bl-umiljazzjonijiet niksbu s-saltna ta’ Alla’. L-aħħar kliem tiegħu lil uliedu u n-nobbli li nġabru madwaru kienu: “Kunu ġusti; ħobbu lill-fqar, u l-Mulej jagħtikom is-sliem fil-pajjiż tagħkom.”

Il-Beatu Amedew miet f’Vercelli (fil-Pjemonte) nhar it-Tnejn tal-Għid, 30 ta’ Marzu, 1472, ftit ġimgħat wara li għalaq it-38 sena. Kien ibbeatifikat fl-1677, bit-tħabrik ta’ San Franġisk de Sales u l-Kardinal Bona. Ħajtu nkitbet mill-kardinal ġiżwita San Robertu Bellarmino.

Ħsieb: Interessanti ninutaw il-parteċipazzjoni ta’ martu Jolanda fit-tmexxija tiegħu. Bħal donnu bejnu u bejn martu, kien hemm armonija u għaqda tant soda, li r-raġuni tagħha bla dubju, kienet l-għaqda tagħhom it-tnejn ma’ Kristu. Infatti, ma setax ma jkunx żwieġ b’saħħtu, ladarba nafu li martu kienet mara reliġjuża ħafna u hu kien dejjem jitħarreġ fil-penitenza u fit-talb. Alla kien jiġi l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja ta’ din il-koppja rjali. U kien għalhekk li leħqu grad ta’ għaqda u unjoni li mhux kulħadd jasal għaliha. Imma x’qed jiġri mill-koppji nsara tal-lum? Għaliex daqshekk nuqqas ta’ qbil, infedeltajiet, qasmiet u firdiet? X’għandhom jagħtu każ biex jibqa’ jkollhom żwieġ b’saħħtu, dawk il-koppji li qed jitħajru jiżżewwġu bil-Knisja?

Dan hu d-diskors tat-8 ta’ Diċembru 2015, li l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal waqt l-omelija tiegħu f’quddiesa għal dawk li kien għadhom kemm iżżewġu matul dik is-sena:

Għeżież koppji li żżewwiġtu din is-sena, l-ewwel awgurju tiegħi għalikom hu li intom tibqgħu ta’ kuljum tieħdu grazzja ma’ xulxin, u li jkollkom dik l-imħabba lejn xulxin li għandu Alla għalina.  

Il-Mulej għażilkom għal missjoni speċjali. L-ewwelnett li tħobbu lil xulxin u li bl-imħabba tagħkom lejn xulxin tkunu sinjal qawwi tal-imħabba ta’ Alla għad-dinja, għal kull bniedem. Intom u ssibu grazzja ma’ xulxin, tixhdu għall-grazzja li Alla ħa magħna. Aħna nistgħu ngħidu: Alla ħa grazzja magħna, uriena mħabba speċjali, ħabbna mhux għax konna gustużi, jew konna twajbin, jew konna qaddisin.

It-talba tiegħi llum hija li intom bħala miżżewġin tkunu, skont ir-rieda t’Alla u bil-koperazzjoni tagħkom, għajn ta’ ħajja għal xulxin, anke billi tnisslu wlied ġodda għall-familja tagħkom u għas-soċjetà.

Neżortakom, inħeġġiġkom, biex tikbru fil-qdusija u fl-imħabba. Kemm hi sabiħa l-espressjoni li nsibu fl-Ittra lill-Efesin 1:4: “għażilna Fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba.” Intom hekk se tkunu qaddisin, hekk se tkunu, bla tebgħa. Tgħiduli: ‘kultant niżloq fin-niexef taf!’ Kulħadd jgħaddi minn din l-esperjenza, ħafna drabi kuljum, imma nibqgħu xorta msejħin inkunu qaddisin billi kuljum inġeddu l-proponiment, l-impenn għall-imħabba. Intom din il-vokazzjoni tgħixuha billi tħobbu ħafna lil xulxin.

Infakkarkom fil-parir li San Ġorġ Preca ta lil Dr Spiteri. Meta qallu: ‘Sinjur, se niżżewweġ’, Dun Ġorġ qallu: ‘tajjeb, issa mur lura fid-dar fejn se tgħixu u fuq il-blata ta’ kull bieb ikteb tliet kelmiet: paċenzja, paċenzja, paċenzja.’ Bil-paċenzja li tieħdu b’xulxin, bis-saram ta’ din il-ħajja, biċ-ċirkustanzi li ssibu ruħkom fihom, intom tgħixu ħajja iżjed trankwilla, basta titgħallmu tieħdu paċenzja u ssiru tassew qaddisin.

Qabel xejn, uru ħniena bejnietkom. Meta tonqsu lil xulxin tqattgħux il-karti malajr, bl-għaġġla, għax dik faċli tagħmilha. Qisu li meta jberraq u jagħmel ir-ragħad, tagħmlu impenn bejnietkom – dan parir li jħobb jirrepeti l-Papa Franġisku – li tippruvaw tagħmlu paċi qabel torqdu. Tħallux ir-rankur, il-weġgħat, jibqgħu jikkankraw fikom. Kunu umli biżżejjed biex titkellmu fuq xi ħaġa li qed iddejaqkom. Ibżgħu għall-flus ta’ xulxin biex tgħixu fil-paċi. Timxix jew tmiddx il-pass ikbar milli l-Mulej tak, ħalli ma taqax fl-inkwiet u fid-dejn żejjed. Imma fuq kollox tittraskurawx dik is-siegħa fil-ġimgħa li tagħmlu fil-Knisja. Jiena nitlob li aħna l-qassisin ma ndejqukomx b’omeliji twal, imma li dik l-esperjenza ta’ darba fil-ġimgħa fit-tempju tal-Mulej tkun ħolqien ġdid, fejn terġgħu tibdew tieħdu r-ruħ mill-ġdid.

Ħaġa tajba ħafna wkoll hi li titolbu flimkien ta’ kuljum, imqar Sliema u Qaddisa, jew inkella talba spontanja b’idejkom f’xulxin bħalma għamiltu fil-mument qaddis tal-kunsens tagħkom meta ħadtu id il-leminija ta’ xulxin u wegħdtu fedeltà dejjiema lil xulxin”.

Tajjeb li nimxu fuq dawn il-pariri siewja u li NITOLBU ĦAFNA GĦALL-KOPPJI FIL-KNISJA. 

Talba: Mulej, il-Beatu Amedew tas-Savoja qdiek tajjeb kemm bħala raġel miżżewweġ kif ukoll bħala re qalbieni li, flimkien ma’ martu, ta kas tal-bżonnijiet tal-foqra fis-saltna tiegħu, agħti lilna lkoll, nitolbuk, il-grazzja li ngħixu bil-qdusija l-istat tal-ħajja tagħna u li naqdu d-doveri tagħna fuq il-post tax-xogħol u kull fejn nistgħu, ngħinu lill-foqra ta’ żmienna, bħala nsara tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=1296

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/blessed-amadeus-of-savoy/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Amadeus_IX,_Duke_of_Savoy

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Marzu: San Gontran

Verżjoni Vidjo: San Gontran

“L-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet.” –  1Pietru 4:8

gontranSAN GONTRAN
Re
ċ.525 – 592

Tagħrif: San Gontran kien iben ir-Re tal-Franki Klotarju I. Huwa laħaq re tal-Burgandija u parti mill-Acquitaine mal-mewt ta’ missieru li seħħet fil-561 sakemm miet 31 sena wara.

Kulma nafu dwar San Gontran ġej mill-kitba ta’ San Girgor ta’ Tours (c. 538-596), li għex fl-istess żmien u li kiteb l-istorja tal-Franki.

Kien hemm żmien fil-ħajja ta’ Gontran meta ma tantx kien jagħtik impressjoni ta’ bniedem qaddis, u difatti waqa’ fi ħtijiet gravi li jkollna ngħidu wkoll kienu effett taż-żmien li fih għex. Hu keċċa lil martu u reġa’ żżewweġ oħra bix-xewqa li jkollu nisel li jieħu s-saltna warajh. Ordna l-qtil ukoll, bla ma qagħad jaħsibha sewwa, tat-tabib li ma rnexxilux ifejjaq mara oħra tiegħu.

Imma Gontran għaraf dawn l-iżbalji tiegħu u patta għalihom il-bqija ta’ ħajtu permezz tal-karitajiet u mħabba lejn ir-reliġjon. Hu inkoraġġixxa biex isiru tliet sinodi (laqgħat ta’ isqfijiet) biex iġib ’il quddiem id-dixxiplina tal-kleru, għana diversi knejjes u monasteri, u mexxa b’ġustizzja s-sudditi tiegħu.

Meta l-artijiet tiegħu kienu maħkuma minn marda tittieħed msejħa “nar ta’ San Anton” li filġet il-poplu tiegħu, hu ried li jieħdu ħsieb is-sudditi l-aktar batuti, u offra lilu nnifsu vittma lill-ġustizzja divina għall-ġid tal-poplu tiegħu.

Miet fil-592, fl-età ta’ madwar 67 sena.

Hu kien re maħbub ħafna fost il-poplu tiegħu, li malajr beda jqimu bħala qaddis wara mewtu u ismu sab postu fil-Martiroloġju Ruman (il-ktieb li jiġbor fih l-ismijiet tal-qaddisin meqjuma mill-Knisja) bla ma qatt ġie kkanonizzat formalment.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ kull qaddis/a, anki jekk mhux ikkanonizzati formalment, għandha xi ħaġa x’tgħallimna. Il-ħajja ta’ dan ir-re Gontran, tfakkarna li fil-mixja spiritwali tagħna lejn is-Sema, mhux kif tibda l-importanti, imma kif tispiċċa. Bejn il-bidu u t-tmiem jista’ wkoll ikun hemm waqgħat, fallimenti, żbalji żgħar jew kbar, dispjaċiri, nuqqas ta’ fidi u fiduċja f’Alla. Imma għal Alla li jiswa huwa li nkunu qed nagħmlu ‘ħilitna kollha’ biex ngħixu ħajja li togħġbu. Li kieku kien jaf li wara li nagħtuH ħajjitna u nibdew nimxu warajH, ma konniex ser nerġgħu naqgħu fid-dnub, ma kienx jistabillixxi s-Sagrament tal-Qrar, li huwa wieħed mis-Sagramenti li nistgħu nirċievu għal ħafna drabi tul ħajjitna kollha.

Il-Mulej jogħbod lid-dnub għax ibegħedna minnU imma jħobb lill-midneb li jogħbod lid-dnub, imma jaqa’ fih għax huwa dgħajjef. Il-Mulej, f’kull qrara, jaħfer bil-qalb kollha lil dak il-midneb li tassew jiddispjaċih minn dnubietu u li jmur iqerr bil-fehma li ser jagħmel ħiltu kollha biex ma jidnibx iżjed u biex jevita kull okkażżjoni li tistgħu twaqqgħu fid-dnub. Din l-istorja turina propju dan:

Jingħad li fi Spanja jonoraw kurċifiss bil-driegħ tal-lemin imniżżla ‘l isfel. Taħt din l-immaġni ta’ Ġesù, jum wieħed daħal raġel biex iqerr dnubietu, iżda l-konfessur kien indeċiż jekk jagħtihx l-assoluzzjoni. Huwa mbagħad ħafirlu u żied, “Imma kun attent li ma taqax għal darb’oħra.” Il-penitent wiegħed, iżda kien dgħajjef u waqa ‘.

Imbagħad irritorna lejn il-qassis li laqgħu bi kliem iebes: “Din id-darba jien ma nagħtikx l-assoluzzjoni”. Il-penitent wieġeb, “Meta wegħedt li ma nerġax, kont sinċier, imma jien dgħajjef. Nitolbok agħtini l-maħfra tal-Mulej.” Għal darb’oħra, il-konfessur ħafirlu, imma qallu. “Din hi l-aħħar darba!”.

Xi żmien wara, il-penitent irritorna, iżda l-qassis qallu bi kliem sod, “Inti erġajt waqajt għal darb’oħra f’dan l-istess dnub, l-intenzjoni tiegħek mhix sinċiera.” Ir-raġel wieġeb, “Huwa veru li ta ‘sikwit nerġa’ naqa’, imma għax jiena dgħajjef. Jiena raġel marid, imma l-indiema tiegħi hija sinċiera.” Il-qassis qallu, “Le, m’hemm l-ebda maħfra għalik.” Kien hawn li mill-Kurċifiss instemgħet karba. Kristu deher jaqla’ idu l-leminija, jgħolliha ‘l fuq u jagħmel fuq ras ir-raġel is-sinjal tas-salib li bih tah l-assoluzzjoni għal dnubietu. Fl-istess ħin leħen qal lill-qassis: “Ma kontx int li xerridt id-demm tiegħek għalih!” (Santiago de Compostela, Spanja: https://www.cristianitoday.it/crocifisso-braccio-destro-schiodato/)

Mhux hekk, imma, għal dak il-midneb li għax iħobb id-dnub ma jħobbx lil Alla, ifittex lid-dnub b’qalbu kollha u jekk imur iqerr, jagħmel dan mhux għax verament iddispjaċih u niedem minnu u lanqas bl-intenzjoni li se jagħmel ħiltu kollha biex ma jerġax jaqa’ jew li mhux se jerġa’ jfittex l-okkażjoni. Dan ma jistax jirċievi l-grazzji tas-Sagrament u ma jistax jogħġob lil Alla, għax l-għażla tiegħu mhix favur Alla, imma favur id-dnub li huwa jħobb. Hu veru li l-bniedem għandu ġibda lejn il-ħażen u jixtiequ, imma min irid jgħix tassew ħajja hienja, għandu jfittex li jaħrab kull okkażżjoni tad-dnub u/jew jikkumbatti bir-rieda tiegħu kollha biex ma jidnibx. Alla jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.

Għandna nfittxu l-għajnuna tat-talb, tal-qari tal-Bibbja, tal-Qrar, tal-Quddies u t-Tqarbin u anki nistgħu nsibu għajnuna minn diversi gruppi u għaqdiet kattoliċi. Minflok il-mumenti tad-dnub, għandna nippruvaw nimlew il-ħin tagħna, b’xi passatemp jew b’xi eżerċizzju fiżiku. M’għandnix inħallu lil moħħna jieqaf jaħseb u jfittex l-okkażjoni tad-dnub. Għandna wkoll induru lejn il-Madonna, li hi l-Omm l-iżjed safja u nitolbuha tieqaf magħna f’dan kollu.

Irridu nibqgħu nissieltu BLA MA NAQTGĦU QALBNA u l-Paċi t’Alla tkun dejjem sehemna għal issa u għal li ġej.

Talba: O Mulej ħanin, Inti tajt il-grazzja tiegħek ta’ ndiema sinċiera u ta’ modi kif tpatti għad-dnubiet lir-re Gontran, agħti lilna wkoll l-istess grazzja biex ma nitbegħdu qatt mis-Sagrament tal-Qrar u mill-proponiment li kemm nistgħu ma noffenduk qatt iżjed, imma ngħixu ħajja ta’ qdusija li togħġbok. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.catholiclane.com/st-gontran-king/

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-guntramnus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Guntram

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

14 ta’ Marzu: Santa Matilde

Verżjoni Vidjo: Santa Matilde

“Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla.” – Ġesù f’Mark 10:23.

St_Matilda_001SANTA MATILDE
Reġina
895 – 968

Tagħrif: Matilde (bl-Ingliż Maud) ingħad dwarha li kienet ir-reġina ideali għal nazzjon Nisrani. Isimha bil-Ġermaniż jfisser “qawwija fit-taqbida”. Hija kienet bint il-Konti Teodoriku tas-Sassonja u twieldet qrib is-sena 895.

Minn ċkunitha rċeviet l-edukazzjoni tagħha minn nannitha, jisimha wkoll Matilde, li kienet badessa fil-monasteru tal-kanonikessi ta’ Herford, fejn daħlet wara li romlot. Hawn Matilde tgħallmet ir-rakkmu, u kisbet imħabba għax-xogħol, għat-talb u għall-qari spiritwali.

Baqgħet fil-monasteru sakemm il-ġenituri tagħha żewġuha, fis-sena 913, lil Enriku l-Kaċċatur. Enriku sar duka wara l-mewt ta’ missieru, u fid-919, laħaq ukoll re tal-Ġermanja.

Bħala reġina, Matilde kienet xempju ta’ virtujiet Insara; kienet iżżur u tfarraġ lill-morda u lill-imnikktin, tgħallem, tgħin lill-ħabsin, u tħabrek ukoll biex il-ħżiena jbiddlu ħajjithom. Żewġha kien ukoll jingħaqad magħha f’dawn l-opri tajba.

Hija kellha b’kollox ħames ulied: tlieta subien u żewġt ibniet. Fost dawn insemmu lill-futur imperator, Otto I il-Kbir; lil Ġerbera, li żżewġet lir-re Lwiġi IV ta’ Franza; l-arċisqof qaddis ta’ Cologne, Bruno; u Enriku mlaqqam “il-ġellied”, li kellu jikkuntenta li jsir duka tal-Bavarja.

Wara ftit li romlot, Matilde warrbet kull xorta ta’ vanità, u ngħatat aktar għall-opri ta’ għajnuna għall-fqar. Ħasbet ukoll biex qrib il-qabar ta’ żewġha, fi Queslinberg, tibni kunvent tas-sorijiet li baqgħet tieħu ħsiebu għal tletin sena.

Ir-Re Enriku miet wara li saltan għal sittax-il sena. Kienet ix-xewqa tal-mejjet li ibnu l-kbir Otto jinħatar bħala re warajh. Imma Matilde għażlet lil binha l-fustani Enriku u ġie nkurunat re fit-8 ta’ Awwissu, 936.

Santa Matilde mietet ta’ 73 sena fl-14 ta’ Marzu, 968 fi Queslinberg, u kienet midfuna ħdejn żewġha fil-kappella tal-kastell. Kienet magħrufa bħala mara ta’ tjubija tal-għaġeb u reġina qaddisa. Hija Patruna tal-ommijiet li uliedhom jiddiżappuntawhom.

Ħsieb: Matilde kellha ssofri ħafna għall-iżball li għamlet, għax iż-żewġ uliedha Enriku, u aktar Otto, għaddewha minn persekuzzjoni twila u ħarxa. Kienu wkoll jeħduha kontra tagħha għax, qalu, li kienet idejha wisq miftuħa fil-karitajiet tagħha. Hija bil-moħbi kienet tirsisti ħafna biex tgħin lill-foqra fil-postijiet remoti tal-pajjiż, u bniet anke skejjel biex tgħinhom fl-edukazzjoni.

Kollox ingħatalna b’rigal. Kollox huwa providenza ta’ Alla. Issa Alla ma jipprovdix għal ftit b’ammonti kbar u għal ħafna b’ammonti żgħar, m’għandux preferenzi u ma jħarisx lejn l-uċuħ. Xi jfisser dan? Ifisser li l-provvisti li għandna fuq din id-dinja biex il-bniedem jgħix b’dinjità, huma ta’ kulħadd u fl-istess ħin m’huma ta’ ħadd. Aħna lil Alla ngħidulu ‘Missierna’, ‘Missier Ġust’, ‘Missier Ħanin’ li ħalaqna sforz l-imħabba u tana d-dinja biex nieħdu ħsiebha ħalli minnha jkollna l-għejxien. Il-Malti jgħid: ‘Jinħabbu bħall-aħwa.‘ Issa jekk tassew ninħabbu bħall-aħwa, għandna nippruvaw inqassmu l-ġid tal-art bejn kulħadd b’mod ġust, kulħadd skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

Ġesù nnifsu qal ċar u tond li “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!” (Mark 10:23). Għaliex? Għax ġeneralment min għandu ħafna ġid materjali, xorta mhux kuntent u dejjem irid aktar u aktar. Meta fl-aħħar ta’ ħajtu jintebaħ li kien għani quddiem il-bnedmin imma fqir quddiem Alla għax ma jkun investa xejn fil-Bank tas-Sema, ġieli jkun tard wisq! Imma dan mhux il-każ ta’ din ir-reġina twajba Santa Matilde.

Fil-każ tagħha, il-grazzja ta’ Alla għarfitha taqsam ġidha, jew aħjar dak li ġie provdut, ma’ dawk li magħhom kienet qed issir ġustizzja, ma’ dawk li kellhom bosta bżonnijiet u ma setgħux jgħixu b’dinjità. B’dan il-mod, għalkemm mhux mifhuma u ppersegwitatha minn uliedha stess, din ir-Reġina għaqlija ħażnet teżor fis-sema u huwa propju hemm li llum issaltan qrib ir-Re Etern li hija ħabbet b’qalbha kollha.

  • U int, idejk miftuħa biex tgħin lil dawk fil-bżonn mill-providenza li għandek u li inti ssejħilha tiegħek?
  • Tara lil kulħadd bħala ħuk jew oħtok, ulied l-istess Missierna li hu fis-Smewwiet, hekk li tittratta lil kulħadd b’dinjità għax huwa/hija iben/bint Alla bħalek?
  • Lest/a li tiġi mwarrab/a u ppersegwitat/a għax tagħmel dak li hu sewwa u ġust quddiem Alla?

Talba: Mulej, Santa Matilde kienet reġina twajba li mexxiet is-saltna tagħha b’għaqal kbir u b’ġenerożità lejn dawk li kienu jeħtieġu l-aktar għajnuna, bit-talb tagħha għalina, agħtina mexxejja tajba u għaqlin kullimkien fid-dinja, li jagħrfu jqassmu b’mod ġust il-ġid tal-pajjiżi biex jittaffew il-problemi tal-faqar, tal-mard, tal-vizzji, tal-qagħad, u ta’ kull ħaġa oħra li tnaqqas id-dinjità tagħna l-bnedmin, ulied Alla l-Missier. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-matilda.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-matilda-177

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Matilda_of_Ringelheim

March 14 – Saint Matilda on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/Khu1hu88NF336uSkcMDy34faG

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Diċembru: San Ġwann, Appostlu u Evanġelista

Verżjoni Vidjo: San Ġwann

“Ġwanni xehed għall-ħwejjeġ mistura li ra fuq il-Verb ta’ Alla u fuq ix-xhieda mogħtija minn Ġesù Kristu.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġwann

San Juan de Patmos, EvangelistaSAN ĠWANN
Appostlu u Evanġelista
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Ġwann twieled fil-Galilija, madwar is-sena 6 wara Kristu. Missieru kien sajjied jismu Żebedew.

Ġwanni u ħuh San Ġakbu l-Kbir ġew imsejħin minn Ġesù biex ikunu dixxipli tiegħu (Mark 1:19-20). Mid-dehra kellhom karattru fuq tagħhom. Darba resqu lejn Ġesù u qalulu: “Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna (ara Mark 10:35-41). Darb’oħra meta s-Sammaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh riedx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom? (Luqa 9:54) Ġesù kien sejħilhom Boanerges, jiġifieri “ulied ir-ragħad.” (Mark 3:17)

B’danakollu, Ġesù kellu mħabba kbira lejn dawn iż-żewġ aħwa. U San Ġwann kien “id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù” (Ġwanni 21:7).

Huwa kien preżenti fit-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru: fl-agunija ta’ Ġesù fil-Ġetsemani. Flimkien ma’ Pietru kien magħżul biex iħejji l-aħħar ikla. F’dik l-ikla kien ħdejn Ġesù b’rasu ma’ sider Ġesù. Kien ukoll l-uniku fost l-appostli li għalkemm kien l-iżgħar fosthom baqa’ mal-Madonna taħt is-salib meta Ġesù kien imsallab sakemm miet u difnuh.

Minn fuq is-salib, ftit qabel miet, Ġesù fdah f’idejn il-Madonna, u fl-istess waqt talbu jieħu ħsiebha.

F’Ħadd il-Għid, Ġwanni mar jiġri flimkien ma’ San Pietru lejn il-qabar ta’ Ġesù, u emmen li Ġesù kien qam mill-mewt. Kien hu wkoll, l-ewwel wieħed, li għaraf lil Ġesù rxuxtat ħdejn il-baħar ta’ Tiberjade.

Ġwanni kien ma’ San Pietru ħdejn it-Tempju, wara l-Pentekoste, meta sar l-ewwel miraklu kbir – il-fejqan ta’ wieħed magħtub minn twelidu, li minħabba f’hekk kellu jqatta’ l-lejl fil-ħabs, flimkien ma’ San Pietru.

Wara li waqqaf il-Knisja f’Ġerusalemm huwa mar għal xi snin f’Efesu, fl-Asja Minuri (illum Turkija). Hawnhekk, skont tradizzjoni, għex mal-Madonna sakemm mietet, u kiteb il-Vanġelu u l-ittri.

Minħabba t-tagħlim tiegħu huwa ġie eżiljat għal xi żmien fil-gżira ta’ Patmos fejn kiteb l-Apokalissi. (Apokalissi 1:9)

Huwa ħadha bil-qawwa kollha mal-eretiċi li kienu jgħidu li Ġesù ma kienx Alla, u saħaq ħafna mal-Insara fuq il-kmandament tal-imħabba.

Huwa miet f’Efesu, l-aħħar fost l-Appostli, meta kellu madwar erbgħa u disgħin sena.

Ħsieb: Il-messaġġ tar-raba’ Vanġelu huwa kollu fuq Ġesù bħala dak li ġie biex jagħti l-ħajja fil-milja tagħha. Din hija lista ta’ xi siltiet mill-Vanġelu ta’ San Ġwann li juru dan:

  • “Kul ma sar kellu l-ħajja fih.” (Ġwanni 1:4)
  • “Kif Mosè  refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 3:16)
  • “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 3:36)
  • “L-ilma li nagħti jien isir fih għajn ta’ ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 4:14)
  • “Għax bħal ma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu.” (Ġwanni 5:21)
  • “Tassew tassew ngħidilkom li min jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni, għandu l-ħajja ta’ dejjem, u ma jsirx ħaqq minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja.” (Ġwanni 5:24)
  • “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu (leħen l-Iben), u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja.” (Ġwanni 5:28)
  • Lil-Lhud qalilhom “Intom ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.” (Ġwanni 5:40)
  • “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.” (ara Ġwanni 6:22-59)
  • Pietru jistqarr, “Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 6:68)
  • “Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.” (Ġwanni 8:12)
  • “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra.” (Ġwanni 10:10)
  • “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni … u jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 10:28)
  • “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja.” (Ġwanni 11:25)
  • “Jienu hu t-triq, il-verità u l-ħajja.” (Ġwanni 14:6)
  • “Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek, bħalma inti tajtu s-setgħa fuq il-bnedmin kollha, biex huwa jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li inti fdajtlu f’idejh.” (Ġwanni 17:1-2)
  • “Dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.” (Ġwanni 20:31)
  • U int, ilqajt lil Ġesù, Sid il-ħajja f’ħajtek jew għadek tgħammar fid-dlamijiet tad-dnub?
  • Qed tħalli lill-Mulej iġib il-ħajja vera f’qalbek u f’ħajtek billi tfittex li timxi fuq it-tagħlim tiegħu?
  • Il-ħajja li għandek fi Kristu, qiegħed/qegħda twassalha lill-oħrajn madwarek? 
  • Titgħajjex b’ruħ safja u ta’ spiss bil-Ħobż tal-Ħajja?

Talba: O Alla, inti wrejtna l-misteri tal-Verb tiegħek permezz tal-appostlu San Ġwann: agħmel li nifhmu sewwa kemm nistgħu, it-tagħlim li hu fissrilna hekk tajjeb. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-john-apostle.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-john-the-evangelist/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

20 ta’ Diċembru: San Vinċenz Romano

Verżjoni Vidjo: San Vinċenz Romano

“Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” ~ Ġesù f’Mattew 25:40

F_BeatoVincenzoSAN VINĊENZ ROMANO
Saċerdot
1751 – 1831

Tagħrif: San Vinċenz Romano kien ġej minn familja ta’ bdiewa f’Torre del Greco, qrib Napli. Huwa studja fis-seminarju Djoċesan ta’ Napli u fost dawk li kienu jgħallmuh kien hemm ukoll San Alfons M. de Liguori. Kien ordnat qassis Djoċesan fl-10 ta’ Ġunju, 1775.

Hu għadda kważi s-56 sena tiegħu bħala qassis fil-belt fejn kien twieled ta’ Torre del Greco. Kien iddedikat b’mod speċjali għat-tagħlim u għall-predikazzjoni u kien mezz biex ħafna żgħażagħ saru qassisin bħalu.

Ta’ 48 sena ġie nominat kappillan, imma minkejja li kien ilu ġa 24 sena bħala saċerdot, huwa ma riedx jidħol għal din ir-responsabbiltà ta’ kappillan u kien biss wara ordni formali mill-isqof tiegħu li aċċetta din il-kariga.

B’kollox għamel 33 sena (mill-1799 sal-1831) kappillan tal-unika parroċċa f’dik il-belt dak iż-żmien, il-knisja ta’ Santa Croce, illum bażilika pontifiċja. Bħala kappillan daħħal il-prattika li jqabbad saċerdoti bħala kappillani għas-sajjieda li jaħdmu fuq l-ibħra; kien iħabrek biex il-baħħara jkollhom paga ġusta u anki waqqaf arbitraġġ għall-kwistjonijiet li dawn kien ikollhom ma’ dawk li jimpjegawhom.

Wara l-eruzzjoni tal-Vessuvju tal-15 ta’ Ġunju, 1794 li qered il-belt kważi għal kollox, hu għen biex jerġgħu jinbnew id-djar imwaqqgħin. Hu kien mudell ta’ ragħaj.

Meta San Vinċenz Romano miet, fl-20 ta’ Diċembru, 1831, ta’ 80 sena, il-belt kollha ħarġet tagħti qima lill-missier maħbub u ġeneruż tagħha. Iddikjarah Beatu, il-Papa San Pawlu VI fis-17 ta’ Novembru, 1963 u Qaddis il-Papa Franġisku fl-14 ta’ Ottubru 2018.

Ħsieb: Għalkemm ħafna drabi kien oppress minn gruppi politiċi u minn dawk ta’ madwaru, Romano baqa’ reżiljenti matul iż-żmien tiegħu f’Santa Croce u aċċerta ruħu li dejjem jagħti attenzjoni bir-reqqa lill-edukazzjoni tat-tfal u lill-evanġelizzazzjoni tal-poplu. Kien predikatur li pproklama l-messaġġ tal-Evanġelju b’tali mod li kien sempliċi u mmirat lejn l-edukazzjoni tal-fidili kollha. Fis-sajjieda, hu ra x-xbieha ta’ Alla, u għalhekk iddefendihom kontra nuqqas ta’ paga ġusta u kontra inġustizzji oħra li kienu qed isofru minn dawk li jimpjegawhom.

Ġesù ġie biex jgħinna nidentifikaw ix-xbieha ta’ Alla f’kull bniedem, wkoll f’dawk il-persuni li hu diffiċli għalina naraw din ix-xbieha ta’ Alla fihom. Fil-Vanġelu huwa jsemmi dawk li huma bil-ġuħ, dawk bil-għatx, il-barrani, dak li huwa għeri, dak li hu marid u dak li qiegħed fil-ħabs. Hu jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”

Ovvjament, illum insibu forom oħra ta’ faqar: id-droga, ix-xorb alkoħoliku eċċessiv, it-tfal li jgħixu b’mod jew ieħor il-problemi jew il-kundizzjonijiet diffiċli tal-ġenituri tagħhom. Ġesù ma setax jagħtina kliem iktar qawwi biex in-Nisrani jħobb lil kulħadd iktar minn hekk. Wara dan il-kliem ta’ Ġesù, l-ebda Nisrani veru ma jista’ jsib raġuni biex ma jħobbx lil kulħadd, b’mod speċjali l-foqra u l-batuti.

Huwa ġie fid-dinja jfittex b’mod speċjali lil dawk li huma batuti u fqar. Għalkemm Alla l-Missier bagħat lil Ibnu għall-bnedmin kollha, għax ilkoll tbegħdu minnu, iktar u iktar bagħtu fost il-fqar u l-batuti għaliex Alla jweġġa’ kull darba li jara bniedem, magħmul xbieha tiegħu, qiegħed ibati. Kellu sensittività kbira għat-tbatija tal-bniedem. Dan jixhduh il-ħafna mirakli, b’mod speċjali għal dawk li d-dixxipli tiegħu kienu jippruvaw ibegħduhom minnu. Huwa mhux talli ma tbiegħedx, talli kien ifittex li jiġi f’kuntatt magħhom. Għalhekk narawh b’mod speċjali jfittex il-fqar, il-morda u t-tfal li kien iħallihom jersqu lejh. Sidna Ġesù Kristu tant jagħti valur lil din l-imħabba, li jgħaqqad il-ġudizzju ta’ kull bniedem mat-twettiq ta’ din l-imħabba. “Tassew ngħidilkom,” jgħid Ġesù, “kul ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi.” Dawn huma dawk li joqogħdu fuq il-lemin tiegħu fis-saltna.

Għal Alla, li tħobb tfisser ukoll li tgħin lil dawk li qegħdin ibatu. Fil-ktieb tad-Dewteronomju insibu: “la twebbisx qalbek u tagħlaqx idek għal ħuk fil-bżonn imma iftaħ idek miegħu. Iftaħ idek sewwa lil ħuk, lill-fqar u lill-miskin f’artek.” Il-faqar tal-oħrajn, għan-Nisrani huwa okkażjoni li l-Mulej jagħtih biex qalbu tinfetaħ għall-batut u, jgħid id-Dewteronomju, “la ssewwidtx qalbek meta tagħtih, għaliex minħabba f’dan ibierkek il-Mulej Alla tiegħek.” Din hija s-sejħa li San Pawl jagħmel lill-Kolossin u jagħmilha lilna, “U fuq kollox ilbsu l-imħabba li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Jalla s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom . . . Kul ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.” (Kolossin 3:14.17).

  • Il-Mulej Ġesù, ir-Re u s-Sid fuq kulħadd ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi. Jien li ma jien xejn, x’qed nagħmel?

Itlob lill-Mulej, biex jagħtik il-qawwa u l-grazzji li għandek bżonn biex taqdi lilU fl-oħrajn bil-ferħ u bil-qalb anki meta affaċċjat/a ma’ bosta umiljazzjonijiet. Għidlu li tixtieq tħobbU ta’ veru kif ħabbna Hu!

Talba: Agħtina O Mulej, li fuq l-eżempju ta’ dan ir-Ragħaj tajjeb, is-saċerdot San Vinċenz Romano li kien figura sempliċi iżda b’saħħitha għan-nies ta’ Torre del Greco, aħna wkoll nieħdu ħsieb lil dawk li ġew fdati f’idejna, anki jekk huma biss il-membri tal-familja tagħna, ngħinuhom jikbru fil-fidi, u nagħtuhom xhieda tal-imħabba vera ta’ Alla bil-mod kif nittrattaw magħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saltandlighttv.org/blogfeed/getpost.php?id=85494

Alternative Reading: http://www.italyonthisday.com/2017/06/the-blessed-vincent-romano-neapolitan-priest.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Vincent_Romano

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Diċembru: Beatu Urbanu V

Verżjoni Vidjo: Beatu Urbanu V

L-imħabba ma tintefaħx biha nnfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” – 1Korintin 13:4

007968_Papa_Urbanus_Quintus_83BEATU URBANU V
Papa
1310 – 1370

Tagħrif: William de Grimouard, il-futur Papa Urbanu V, kien ġej minn familja nobbli Franċiża u twieled fi Grisac, fil-Languedoc (Franza). Daħal mal-Benedittini f’Chirac, u studja f’Montpellier, Toulouse, Pariġi u Avignon. Kien ordnat saċerdot u ħa d-dottorat fil-liġi, u kiseb fama kbira bħala professur tal-liġi f’Montpellier u f’Avignon, u serva bħala vigarju ġenerali fi Clermont u f’Uzés.

Ta’ 42 sena l-Papa Klement VI ħatru (1352) abbati ta’ St Germain f’Auxerre, u serva fuq ħafna missjonijiet diplomatiċi fl-Italja. Papa Innoċenz VI ħatru abbati ta’ San Vittore f’Marsilja fl-1361 u legat tar-reġina Ġwanna tal-Italja f’Napli. Kien hawn meta huwa ngħażel Papa fl-1362 f’Avignon meta l-kardinali ma setgħux jiftehmu biex jagħżlu wieħed minn fosthom wara l-mewt ta’ Innoċenz VI u ħa l-isem ta’ Urbanu V.

Urbanu kompla juri interess fl-edukazzjoni u waqqaf l-universitajiet ta’ Krakovja u ta’ Vjenna. Hu kien eżempju ta’ sempliċità u integrità, kien ħieles min-nepotiżmu u ħadem ħafna għar-riforma tal-Knisja. L-ikbar att tal-pontifikat tiegħu kien ir-ritorn tiegħu minn Avignon għal Ruma, minn fejn il-Papa kien ilu nieqes 60 sena. Għamel dan il-pass kuraġġuż minkejja l-oppożizzjoni tal-kardinali u l-qorti Franċiżi meta l-Kardinal Albornoz rebaħ mill-ġdid l-Istati tal-Papa fl-1367.

Urbanu V b’enerġija kbira beda jibni mill-ġdid il-bażilki l-kbar li kienu ġġarrfu. Iżda wara 3 snin, mifni mid-diżordnijiet lokali, ċeda għal diversi pressjonijiet, kif ukoll minħabba l-imħabba li kellu għal Franza, huwa reġa’ lura lejn Avignon minkejja t-twissija ta’ Santa Briġida li jekk jitlaq minn Ruma imut f’qasir żmien.

Mewtu ġrat f’Avignon fid-19 ta’ Diċembru 1370, f’inqas minn tliet xhur wara li ħalla Ruma. Il-kult lejh kien approvat minn Piju IX fl-1870.

Ħsieb: Is-sempliċità f’nofs il-poter u l-kobor li kellu tidher li tiddefinixxi lil dan il-qaddis, li aċċetta b’diffikultà l-papat tiegħu, iżda baqa’ patri Benedittin f’qalbu. Dak li jiċċirkundana m’għandux għalfejn jinfluwenzana b’mod negattiv.

Tassew li għall-Beatu Papa Urbanu V, nistgħu napplikaw dawn il-versi mil-1 Korintin 13:4-6:

“… l-imħabba ma tintefaħx biha nnfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, … ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità.”

Imma xi jfisser eżatt dan u kif nistgħu bħal Papa Urbanu ma ninqdewx bil-pożizzjonijiet tagħna biex nitkabbru fuq l-oħrajn imma biex inservu lill-oħrajn u nwasslulhom il-Verità u l-Imħabba ta’ Kristu?

“L-imħabba ma tintefaħx bija nnfisha.” ma tagħmilx biex tidher hi, anzi l-imħabba tingħata b’mod li tikkonsma lil dak li jkun u għalhekk “l-imħabba ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” Aħna, ħafna drabi, meta naħsbu fil-leaders ta’ din id-dinja, naħsbu li l-poter għandu x’jaqsam mal-arroganza, jew inkella mal-agressività, jew mal-vjolenza, imma l-imħabba, għaliex il-qadi huwa forma sabiħa tal-imħabba, “ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” Ma tmegħekomx taħt saqajha, ma tikkalpestahomx.

“L-imħabba ma tagħmilx dak li mhux xieraq.” L-imħabba allura tgħożż l-onestà, l-integrità: l-imħabba tevita dak kollu li mhux xieraq, l-imħabba tgħin id-dinjità ta’ dak li jkun, tagħrafha, tippromoviha.

“L-imħabba ma tfittixx dak li hu tagħha.” L-imħabba ma toqgħodx tagħmel il-kontijiet. L-imħabba ma tgħidx, ‘dan huwa dritt tiegħi.’ L-imħabba tagħti lil hemm mill-eżiġenzi tal-ġustizzja.

“L-imħabba ma tifraħx bl-inġustizzja imma tifraħ bil-verità.” Jalla fuq l-eżempju tal-Beatu Urbanu V, aħna nifirħu bil-ġustizzja, nifirħu bil-verità, nifirħu b’dak kollu li huwa sewwa u nġibu l-ġid u l-barka fuq l-għażiż pajjiż tagħna.

Il-veri dixxipli ta’ Ġesù Kristu jħobbu jservu. Huma jafu li meta huma jaqdu lil ħaddieħor huma jkunu qed jesprimu l-imħabba vera tagħhom u jwettqu patt li huma għamlu fil-magħmudija. Hi x’inhi s-sejħa tagħhom fil-Knisja jew l-irwol tagħhom fil-komunità, huma jħossu fihom xewqa akbar li jħobbu u jaqdu lill-Mulej u lil xulxin.

  • U int, f’hiex int fl-imħabba tiegħek lejn l-oħrajn?
  • Tinqeda bil-pożizzjoni tiegħek (kemm jekk hi ta’ livell għoli u kemm jekk le) biex taqdi lill-oħrajn bla ma tfittex dak li hu tiegħek?
  • Kemm inti lest/a li tirsisti biex sakemm ikun possibli għalik, iġġib il-ġustizzja u tixhed għall-Verità u s-Sewwa anki jekk dan jiswielek ħafna?

Talba: Missier Etern, aħna nirringrazzjawk għal dak kollu li bil-qawwa tiegħek irnexxielu jwettaq il-Beatu Papa Urbanu V matul il-papat tiegħu. Agħtina aktar irġiel u nisa qaddisin fil-Knisja ta’ Ibnek, li jħabirku għall-kura u s-salvazzjoni tal-erwieħ fi żminijietna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/pope-urban-v.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-pope-urban-v-89

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Urban_V

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ Diċembru: San Gatjanu

Verżjoni Vidjo: San Gatjanu

“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.” ~ Ġesù f’Mark 16:15-16

800px-La_Celle-Guenand_Notre-Dame_Vitrail_357SAN GATJANU
L-ewwel isqof ta’ Tours
ċ†337

Tagħrif: Aktarx kien ġej mill-inħawi ta’ Tours. Hawn, kien l-ewwel wieħed li daħħal il-fidi Nisranija, xi ftit għaxriet ta’ snin qabel San Martin, u kien l-ewwel isqof ta’ Tours.

Kiseb bosta għall-fidi. Għall-ewwel kien jiġbor il-merħla żgħira tiegħu fl-għerien, fejn kien iqaddes, biex jaħrab it-theddid tal-pagani. Dam jaħdem mal-ħamsin sena u miet fil-paċi madwar it-337 w.K.

Iżda meta San Martin mar Tours it-traċċi tal-appostolat ta’ San Gatjanu kienu għebu kważi għal kollox, għax Sulpizju Severu jgħid: “kważi ħadd ma kien jaf b’isem Kristu.” Iżda xi ftit kienu jiftakru f’San Gatjanu, li kien mar jipprietkalhom il-Vanġelu u li kien temm ħajtu hemm.

Skont leġġenda taż-żminijiet tan-nofs, San Gatjanu kien wieħed mir-rgħajja li marru jqimu ‘l Ġesù f’Betlem u wieħed mit-72 dixxiplu ta’ Kristu, u San Pietru nnifsu bagħtu l-Gallja. Din hi fi żgur invenzjoni, bħall-oħrajn tal-istess għamla.

San Girgor, isqof ta’ Tours, fis-seklu 6, jgħid fl-“Istorja tal-Franki”, li San Gatjanu kien wieħed mis-seba’ isqfijiet li l-Papa San Fabjanu bagħat minn Ruma, madwar nofs is-seklu 3. Iżda dan il-grupp ta’ seba’ isqfijiet, numru simboliku, hu wkoll leġġendarju.

Ħsieb: San Gatjanu stabbilixxa ospizju għall-foqra ‘l barra mill-ħitan ta’ Tours. Hemm hu, ħass l-għejja tegħlbu, wara ħames deċennji ta’ sawm, penanzi u tiġrib. U hemm, l-abbati Jaud jirrelata, li s-Salvatur deherlu, u qallu, “La tibżax! Il-kuruna tiegħek imħejjija u l-Qaddisin qed jistennew il-wasla tiegħek fil-Ġenna.” B’dawn il-kliem, is-Salvatur qarbnu u amministralu l-aħħar riti Hu nnifsu. Għalhekk, minn dan nafu li  San Gatjanu għamel suċċess kbir quddiem Alla u l-qaddisin tiegħu. Imma mhux hekk jingħad għas-suċċessi tiegħu hawn fuq l-art, għax il-predikazzjoni tiegħu donnha ma qabditx għeruq u l-frott tat-tagħlim tiegħu ntesa maż-żmien. Imma għal Alla, li ma jaħrablu xejn u li jara kull sforz minn naħa tagħna, Gatjanu kien ħaqqu l-kuruna tal-glorja mal-qaddisin. Kemm ikejjel b’mod differenti minna l-bnedmin il-Mulej! U mnalla li kien hekk! Għax ħafna minna, aktar jidhru telliefa milli rebbieħa f’għajnejn in-nies tad-dinja.

Id-dinja u s-soċjetà jriduk tagħmel u tkun suċċess. Is-suċċess li jrid minnek Alla hu differenti. Alla jridek tħobb u tibqa’ tħobb akkost ta’ kollox u tipprova u tibqa’ tipprova togħbod id-dnub akkost ta’ kollox. Dan tal-aħħar tagħmlu billi taħrab id-dnub bi mħabba lejH li ma jixtieqx li d-dnub jidħol bejnietkom u jifridkom.

Jekk jirnexxilekx u jekk tkunx suċċess f’dawn, għal Alla mhux importanti. Sa mewtek, jista’ jkun li f’għajnejn dawk li jiġġudikawk int se tibqa’ tidher falliment, imma għal Alla li jħares lejn l-isforzi moħbija tiegħek biex tegħleb id-dnub, biex tkun xhud veru tiegħu bil-kliem u bl-għemil u biex tħobb u taqdi lill-oħrajn, int jista’ jkun li jkun ħaqqek is-suċċess u l-premju tal-ġusti fil-Ġenna.

Fir-realtà, kul man-Nisrani għandu bżonn iżomm f’moħħu huwa li hu qiegħed f’din id-dinja biss għall-imħabba – biex iħobb. L-affarijiet l-oħra kollha (sitwazzjonijiet u azzjonijiet tan-nies) m’ humiex importanti u m’għandux bżonn jogħqod jieqaf jinkwieta dwarhom. Lanqas biss għandu jaħseb wisq dwar il-bżonnijiet u x-xewqat tiegħu stess. Filwaqt li minn naħa tiegħu, għandu jipprova jagħmel dak li jista’, għal dawn li huma r-riżultati, għandu jafda kompletament f’idejn Dak li wiegħed li jagħtini dak li għandna bżonn, filwaqt li nkunu qed nippruvaw b’ħilitna kollha, nobdu l-kmandamenti Tiegħu u nħobbu lin-nies kollha mingħajr kundizzjoni hekk kif ħabbna Hu.

Talba: Mulej Alla tagħna, int għażilt lil San Gatjanu biex ixandar il-misteru tal-imħabba tiegħek ġewwa Tours; ħares lil dawk li tajthom il-ġieħ ta’ wliedek u żommhom sal-aħħar qalb waħda u ruħ waħda, u agħmel li l-ġnus kollha jaraw is-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.newadvent.org/cathen/06392d.htm

Alternative Reading: https://anastpaul.com/2019/12/18/saint-of-the-day-18-december-saint-gatian-of-tours-c-251-301/

or http://logismoitouaaron.blogspot.com/2009/12/very-pious-god-fearing-manst-gatianus.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gatianus_of_Tours

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started