31 ta’ Marzu: San Benjamin

Verżjoni Vidjo: San Benjamin

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”. – Ġesù f’Mattew 10: 32-33

BenjaminSAN BENJAMIN
Djaknu u Martri
† c. 424

Tagħrif: Fil-bidu tas-seklu ħamsa, l-insara tal-Persja kienu gawdew tnax-il sena ta’ paċi. Fis-sena 420, matul ir-renju ta’ Isdegard, iben is-Sultan Sapor III, dan is-sliem kien disturbat miż-żelu xejn għaqli ta’ Abdas, isqof nisrani, li ħaraq it-tempju tal-alla Nar, is-santwarju kbir tal-Persjani. Ir-re Isdegard hedded li jeqred il-knejjes kollha tal-insara kemm-il darba l-isqof ma jibnix mill-ġdid dak it-tempju.

Billi Abdas irrifjuta li jagħmel dan, allura t-theddida ġiet esegwita; il-knejjes ġew meqruda, lil Abdas qatluh, u bdiet persekuzzjoni ġenerali li damet sejra 40 sena. Isdegard miet fl-421, imma ibnu u suċċessur tiegħu, Varanes, komplew il-persekuzzjoni b’qilla akbar. L-insara kienu sottomessi għall-moħqrijiet mill-aktar kiefra.

Fost dawk li sofrew kien hemm Benjamin, djaknu, li kien mitfugħ il-ħabs. Fl-aħħar, ambaxxatur tal-imperatur ta’ Kostantinopli qalagħlu l-ħelsien bil-kundizzjoni li hu qatt ma jkellem iktar lil ħadd min-nies tas-sultan dwar ir-reliġjon.

Iżda San Benjamin kien iħoss li kien dmir tiegħu li jipprietka lil Kristu, u li ma setax iżomm is-skiet. Għalkemm ġie meħlus fuq il-ftehim li sar bejn l-ambaxxatur u l-awtoritajiet Persjani, hu ma riedx joqgħod ma jitkellimx, u ma kien jitlef ebda opportunità li jxandar lil Kristu. Wara li ġagħluh isofri ħafna, San Benjamin tawh il-martirju għall-ħabta tas-sena 424.

Ħsieb: San Benjamin ħa bis-serjetà l-kliem ta’ Sidna Ġesù meta qal: “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 10:32-33). Benjamin ma ċaħadx lill-Mulej u hekk huwa sofra l-konsegwenzi terribbli li ġabu magħhom l-mexxejja ħżiena. Sakemm ma nkunux lesti li nitilfu ħajjitna għal Kristu, aħna mhux se nirtu s-Saltna Tiegħu, u lanqas għandna nirtuha. Illum, agħti l-qalb tiegħek lil Ġesù u għix ħajtek għaliH biss, ħalli Hu jkun jista’ jippreparalek post għalik fis-Saltna Eterna Tiegħu.

Dan li ġej huwa kliem Chiara Lubich:

“Ġesù jħeġġiġna biex ngħixu bis-sħiħ il-fidi tagħna fih, għax il-ħajja eterna tagħna tiddependi minn kif inkunu ġibna ruħna miegħu f’ħajjitna hawn fl-art. Hu jgħidilna li jekk aħna nuru li nafuh quddiem il-bnedmin, hu jkun jista’ juri li jafna quddiem Missieru. Iżda, jekk inkunu ċħadnieh quddiem il-bnedmin, hu wkoll jiċħadna quddiem il-Missier. Għax iħobbna, Ġesù qed ifakkarna fil-premju jew fil-kastig li se nieħdu wara din il-ħajja. Kif jgħid wieħed minn Missirijiet il-Knisja, Ġesù jaf li xi drabi aħna aktar nitqanqlu mill-biża’ tal-kastig milli mill-wegħda ta’ premju sabiħ. Għalhekk hu qed ikabbar fina t-tama fil-hena bla tmiem u fl-istess ħin, biex isalvana, iqanqal fina l-biża’ tal-kundanna.

F’moħħu, Ġesù għandu ħaġa waħda biss: li aħna naslu għall-ħajja ta’ dejjem m’Alla. Fl-aħħar mill-aħħar, dan biss jgħodd; dan hu l-għan li għalih ġejna maħluqin. Bih biss, fil-fatt, nistgħu nilħqu l-milja tagħna u niksbu b’mod sħiħ it-tamiet kollha tagħna. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna “nistqarruh” sa minn issa stess. Imma jekk f’din il-ħajja ma rridux li jkollna x’naqsmu miegħu, jekk niċħduh issa, meta naslu biex ngħaddu għall-ħajja l-oħra, għad insibu ruħna maqtugħin minnu għal dejjem.

Meta naslu fi tmiem il-ħajja tagħna hawn fl-art, Ġesù mhu se jagħmel xejn għajr li jikkonferma quddiem il-Missier l-għażla li kull wieħed ikun għamel f’ħajtu, bil-konsegwenza li din l-għażla ġġib magħha. Meta semma l-ġudizzju tal-aħħar, hu ried jurina kemm hi importanti u serja d-deċiżjoni li nieħdu f’din il-ħajja: infatti fuqha tiddependi l-eternità tagħna.

Xi profitt se nagħmlu minn din it-twissija ta’ Ġesù? Kif se ngħixu din il-Kelma tiegħu? Qed jgħidilna hu stess: “Kull min jistqarr. . . li hu miegħi . . .  ”. Ejjew mela niddeċiedu li nistqarruh quddiem il-bnedmin bis-sempliċità u mingħajr ħabi. Ejjew nirbħu r-rispett uman. M’għandniex inkunu medjokri u nies li jaslu għal kompromess. Dan kollu jġib fix-xejn il-ħajja tagħna ta’ veri nsara.

Irridu niftakru li aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Kristu. Hu jixtieq jasal għand il-bnedmin kollha bil-messaġġ tiegħu ta’ paċi, ġustizzja u mħabba sewwa sew permezz tagħna. Ejjew nagħtu xhieda tiegħu kulfejn inkunu, fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-istudju u f’kull ċirkustanza oħra tal-ħajja. Għandna nagħtu din ix-xhieda fuq kollox b’imġibitna: b’ħajja onesta, bi drawwiet safja, bla ma nkunu marbutin mal-flus, billi nieħdu sehem fil-ferħ u fit-tbatija tal-oħrajn. Ix-xhieda tagħna għandna nagħtuha b’mod partikulari billi nħobbu ’l xulxin, inkunu ħaġa waħda. B’hekk il-paċi u l-ferħ sħiħ, li Ġesù wiegħed li jagħti lil kull min hu magħqud miegħu, jimlewlna qalbna minn din id-dinja stess u mbagħad aħna nwassluhom lill-oħrajn.

Lil dawk li jistaqsuna għaliex inġibu ruħna hekk, għaliex aħna tant fil-paċi għalkemm qed ngħixu f’dinja mqallba, għandna nwieġbu bl-umiltà u bis-sinċerità bi kliem li jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu. B’hekk inkunu qed nagħtu xhieda ta’ Kristu anki bil-kliem u bl-idejat tagħna. Imbagħad għandu mnejn li ħafna minn dawk li qed ifittxuh, ikunu jistgħu jsibuh. Xi drabi jista’ jkun li jifhmuna ħażin, jew li ma jaqblux magħna, jew iwaqqgħuna għaċ-ċajt u forsi anki jeħduha kontrina u jippersegwitawna. Ġesù ppreparana anki għal dan: “Bħalma ppersegwitaw lili hekk ukoll jippersegwitaw lilkom.” (Ġwanni 15:20).

Għadna fit-triq it-tajba. Ejjew inkomplu nagħtu xhieda tiegħu b’kuraġġ anki meta jiġu fuqna l-provi, anki jekk ikollna nagħtu ħajjitna. Dak li qed jistenniena jistħoqqlu dan kollu – hemm il-Ġenna li qed tistenniena, fejn Ġesù, dak li aħna nħobbu, jistqarr li hu magħna quddiem il-Missier għall-eternità kollha.”

Talba: Għażiż Ġesù, agħmel li aħna qatt ma nibżgħu nistqarruk quddiem il-bnedmin, billi nsemmgħu leħenna b’ l-imħabba għaliK u nuru li aħna tiegħeK u miegħeK. Nitolbuk li, bħal San Benjamin, aħna nkunu dejjem lesti li nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, anke meta affaċċjati minn persekuzzjonijiet u diffikultajiet ta’ kull xorta. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2016/03/st-benjamin-deacon-martyr.html

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-benjamin-the-deacon/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benjamin_the_Deacon_and_Martyr

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

30 ta’ Marzu: Beatu Amedew tas-Savoja

Verżjoni Vidjo: Beatu Amedew tas-Savoja

“Kunu ġusti; ħobbu lill-fqar, u l-Mulej jagħtikom is-sliem fil-pajjiż tagħkom.” – L-aħħar kliem tal-Beatu Amedew tas-Savoja lil uliedu u n-nobbli li nġabru madwaru fl-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu.

BEATU AMEDEW TAS-SAVOJA
Re u Raġel Miżżewweġ
1435 – 1472

Tagħrif: Amedew IX twieled f’Thonon (Franza) fl-1 ta’ Frar, 1435; nannuh kien Amedew VIII li kien elett antipapa fl-1438, imma li abdika b’mod virtuż ftit snin wara. Kien jibda l-ġurnata b’meditazzjoni personali u bis-smigħ tal-quddies. Kien jersaq għas-sagramenti ħafna aktar spiss milli kienet id-drawwa dak iż-żmien.

Minn twelidu għarrsuh lil Jolanda, oħt ir-re Lwiġi XI re ta’ Franza, li żżewwiġha fl-1451 meta kellu 17-il sena u minnha kellu seba’ ulied. Martu, bħalu, kienet mara reliġjuża ħafna, u għenitu anki fit-tmexxija ta’ pajjiżu.

Ta’ 30 sena (fl-1465) hu laħaq minflok missieru, Lwiġi I, fuq it-tron tal-Pjemonte u s-Savoja; imma, matul is-seba’ snin tas-saltna tiegħu, billi kien marid b’epilepsija, hu qasam it-tmexxija mad-dukessa martu. L-għaqda tagħhom kienet bla miksura, u huma ma kienu jaħsbu f’xejn ħlief il-ġid temporali u spiritwali tas-suditti tagħhom.

Għalkemm il-mod ta’ ħajja li għex kienet waħda li taqbel mal-grad tiegħu, u hu nnifsu kien lest li jmut f’kull mument, Amedew ma xtaq qatt li s-sudditi tiegħu jxerrdu demmhom għalxejn.

Kien aħrax biss mal-libertini, ma’ dawk li jaħqru lin-nies (‘extortioners’), u midgħajja. Fuq l-eżempju tiegħu d-duka ta’ Milan Francesco Sforza kien jimmulta lil dawk fost il-kortiġġjani tiegħu li jinstemgħu jidgħu, u bis-somma li ġabar min għandhom bena kappella li hu wkoll żejjen ħafna. Meta l-istess prinċep ra t-tjieba kbira u l-imħabba li Amedew kien juri lill-fqar, qal fuqu: “Fil-pajjiżi tiegħek wieħed jistħajlu jinsab n-naħa l-oħra tad-dinja! Kullimkien tista’ tgħid li aħjar tkun għani milli fqir, imma miegħek huma l-fqar li huma mweġġħin u l-għonja li huma mmaqdrin.”

Id-duka kien dejjem jitħarreġ fil-penitenza u fit-talb. Lil dawk li ppruvaw jipperswaduh ma jsumx daqshekk, hu kien iweġibhom li ebda ħaġa ma kienet daqstant tajba għal saħħtu. L-aħħar snin ta’ ħajtu l-marda kabritu ħafna. Martu u ħbiebu kienu jitnikktu ħafna jarawh hekk batut. “Għalfejn tinkwetaw?” qalilhom meta ġie f’tiegħu, “bl-umiljazzjonijiet niksbu s-saltna ta’ Alla’. L-aħħar kliem tiegħu lil uliedu u n-nobbli li nġabru madwaru kienu: “Kunu ġusti; ħobbu lill-fqar, u l-Mulej jagħtikom is-sliem fil-pajjiż tagħkom.”

Il-Beatu Amedew miet f’Vercelli (fil-Pjemonte) nhar it-Tnejn tal-Għid, 30 ta’ Marzu, 1472, ftit ġimgħat wara li għalaq it-38 sena. Kien ibbeatifikat fl-1677, bit-tħabrik ta’ San Franġisk de Sales u l-Kardinal Bona. Ħajtu nkitbet mill-kardinal ġiżwita San Robertu Bellarmino.

Ħsieb: Interessanti ninutaw il-parteċipazzjoni ta’ martu Jolanda fit-tmexxija tiegħu. Bħal donnu bejnu u bejn martu, kien hemm armonija u għaqda tant soda, li r-raġuni tagħha bla dubju, kienet l-għaqda tagħhom it-tnejn ma’ Kristu. Infatti, ma setax ma jkunx żwieġ b’saħħtu, ladarba nafu li martu kienet mara reliġjuża ħafna u hu kien dejjem jitħarreġ fil-penitenza u fit-talb. Alla kien jiġi l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja ta’ din il-koppja rjali. U kien għalhekk li leħqu grad ta’ għaqda u unjoni li mhux kulħadd jasal għaliha. Imma x’qed jiġri mill-koppji nsara tal-lum? Għaliex daqshekk nuqqas ta’ qbil, infedeltajiet, qasmiet u firdiet? X’għandhom jagħtu każ biex jibqa’ jkollhom żwieġ b’saħħtu, dawk il-koppji li qed jitħajru jiżżewwġu bil-Knisja?

Dan hu d-diskors tat-8 ta’ Diċembru 2015, li l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal waqt l-omelija tiegħu f’quddiesa għal dawk li kien għadhom kemm iżżewġu matul dik is-sena:

Għeżież koppji li żżewwiġtu din is-sena, l-ewwel awgurju tiegħi għalikom hu li intom tibqgħu ta’ kuljum tieħdu grazzja ma’ xulxin, u li jkollkom dik l-imħabba lejn xulxin li għandu Alla għalina.  

Il-Mulej għażilkom għal missjoni speċjali. L-ewwelnett li tħobbu lil xulxin u li bl-imħabba tagħkom lejn xulxin tkunu sinjal qawwi tal-imħabba ta’ Alla għad-dinja, għal kull bniedem. Intom u ssibu grazzja ma’ xulxin, tixhdu għall-grazzja li Alla ħa magħna. Aħna nistgħu ngħidu: Alla ħa grazzja magħna, uriena mħabba speċjali, ħabbna mhux għax konna gustużi, jew konna twajbin, jew konna qaddisin.

It-talba tiegħi llum hija li intom bħala miżżewġin tkunu, skont ir-rieda t’Alla u bil-koperazzjoni tagħkom, għajn ta’ ħajja għal xulxin, anke billi tnisslu wlied ġodda għall-familja tagħkom u għas-soċjetà.

Neżortakom, inħeġġiġkom, biex tikbru fil-qdusija u fl-imħabba. Kemm hi sabiħa l-espressjoni li nsibu fl-Ittra lill-Efesin 1:4: “għażilna Fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba.” Intom hekk se tkunu qaddisin, hekk se tkunu, bla tebgħa. Tgħiduli: ‘kultant niżloq fin-niexef taf!’ Kulħadd jgħaddi minn din l-esperjenza, ħafna drabi kuljum, imma nibqgħu xorta msejħin inkunu qaddisin billi kuljum inġeddu l-proponiment, l-impenn għall-imħabba. Intom din il-vokazzjoni tgħixuha billi tħobbu ħafna lil xulxin.

Infakkarkom fil-parir li San Ġorġ Preca ta lil Dr Spiteri. Meta qallu: ‘Sinjur, se niżżewweġ’, Dun Ġorġ qallu: ‘tajjeb, issa mur lura fid-dar fejn se tgħixu u fuq il-blata ta’ kull bieb ikteb tliet kelmiet: paċenzja, paċenzja, paċenzja.’ Bil-paċenzja li tieħdu b’xulxin, bis-saram ta’ din il-ħajja, biċ-ċirkustanzi li ssibu ruħkom fihom, intom tgħixu ħajja iżjed trankwilla, basta titgħallmu tieħdu paċenzja u ssiru tassew qaddisin.

Qabel xejn, uru ħniena bejnietkom. Meta tonqsu lil xulxin tqattgħux il-karti malajr, bl-għaġġla, għax dik faċli tagħmilha. Qisu li meta jberraq u jagħmel ir-ragħad, tagħmlu impenn bejnietkom – dan parir li jħobb jirrepeti l-Papa Franġisku – li tippruvaw tagħmlu paċi qabel torqdu. Tħallux ir-rankur, il-weġgħat, jibqgħu jikkankraw fikom. Kunu umli biżżejjed biex titkellmu fuq xi ħaġa li qed iddejaqkom. Ibżgħu għall-flus ta’ xulxin biex tgħixu fil-paċi. Timxix jew tmiddx il-pass ikbar milli l-Mulej tak, ħalli ma taqax fl-inkwiet u fid-dejn żejjed. Imma fuq kollox tittraskurawx dik is-siegħa fil-ġimgħa li tagħmlu fil-Knisja. Jiena nitlob li aħna l-qassisin ma ndejqukomx b’omeliji twal, imma li dik l-esperjenza ta’ darba fil-ġimgħa fit-tempju tal-Mulej tkun ħolqien ġdid, fejn terġgħu tibdew tieħdu r-ruħ mill-ġdid.

Ħaġa tajba ħafna wkoll hi li titolbu flimkien ta’ kuljum, imqar Sliema u Qaddisa, jew inkella talba spontanja b’idejkom f’xulxin bħalma għamiltu fil-mument qaddis tal-kunsens tagħkom meta ħadtu id il-leminija ta’ xulxin u wegħdtu fedeltà dejjiema lil xulxin”.

Tajjeb li nimxu fuq dawn il-pariri siewja u li NITOLBU ĦAFNA GĦALL-KOPPJI FIL-KNISJA. 

Talba: Mulej, il-Beatu Amedew tas-Savoja qdiek tajjeb kemm bħala raġel miżżewweġ kif ukoll bħala re qalbieni li, flimkien ma’ martu, ta kas tal-bżonnijiet tal-foqra fis-saltna tiegħu, agħti lilna lkoll, nitolbuk, il-grazzja li ngħixu bil-qdusija l-istat tal-ħajja tagħna u li naqdu d-doveri tagħna fuq il-post tax-xogħol u kull fejn nistgħu, ngħinu lill-foqra ta’ żmienna, bħala nsara tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=1296

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/blessed-amadeus-of-savoy/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Amadeus_IX,_Duke_of_Savoy

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

29 ta’ Marzu: San Leonardu Murialdo

Verżjoni Vidjo: San Leonardu Murialdo

“Naħdmu u nżommu s-silenzju; Min jumilja ruħu jkun mgħolli.” Dawn iż-żewġ sentenzi, li kienu l-programm ta’ ħajjet San Leonardu Murialdo, huma minquxin fuq qabru.

30-San Leonardo Murialdo-30SAN LEONARDU MURIALDO
Saċerdot
1828 – 1900

Tagħrif: Il-messaġġ tal-ħajja u tal-ħidma ta’ dan il-qaddis hu mill-aktar attwali. Hu għadda ħajtu jiddefendi l-fqir u l-batut, u dan għamlu billi ħa għalih il-kawża tal-ħaddiema li għalihom ħaraq bħal f’sagrifiċċju lill-Ħallieq l-enerġija kollha tiegħu.

Il-ħidma tal-qaddis Murialdo f’appostolat soċjali, bit-tħejjija ta’ żgħażagħ għad-dinja tax-xogħol, bil-kura tal-orfni u tal-abbandunati u bl-interess enormi li wera f’kull aspett tal-ħajja tal-ħaddiema aktar tidher fid-dawl veru tagħha meta wieħed iqis li Leonardo twieled f’familja sinjura u ta’ demm aristokratiku. Kien it-tielet fost disa’ wlied ta’ bankier għani minn Torin.

Ta’ 18-il sena, wara li kien diġà beda jistudja għal inġinier, beda l-kors għal qassis. Kien ta’ intelliġenza mhux komuni. Ordna ftit qabel għalaq it-23 sena. Dun Ġwann Bosco talbu jieħu ħsieb l-Oratorju ta’ San Lwiġi għat-tfal diffiċli ġejjin mis-slums ta’ Torin. Fl-1866 (ta’ 38 sena) ġie inkarigat jieħu ħsieb il-kulleġġ tal-“Artigianelli” li fih kienu jitħarrġu apprentisti żgħażagħ għall-azjendi li bdew jinbtu. Aċċetta proviżorjament, u dam f’dil-kariga 34 sena! Bata, ħadem u ttallab il-karità biex isostni l-kulleġġ u ż-żgħażagħ tiegħu, b’fiduċja kbira fil-Providenza u bil-motto Fare e Tacere –“Agħmel (Aħdem) u iskot” dejjem quddiem għajnejh.

Hu waqqaf il-Kongregazzjoni ta’ San Ġużepp (Patrijiet Ġużeppini) li għadhom sa llum jieħdu ħsieb il-formazzjoni professjonali u reliġjuża tat-tfal. Il-kong., li bdiet f’Torin, xterdet mal-Italja kollha u aktar tard fl-Amerika u nħawi oħra tad-dinja.

San Leonardo Murialdo ntebaħ li kien wasal iż-żmien li l-kattoliċi b’sens għoli ta’ dover u bi dritt bħala ċittadini, jagħtu sehemhom fit-tmexxija tal-pajjiż u fil-ħajja politika tiegħu. Kien devot kbir tal-Ewkaristija, tal-Madonna u ta’ San Ġużepp.

Miet jaħdem sal-aħħar nhar it-30 ta’ Marzu, 1900, fl-età ta’ 71 sena u nofs. Pawlu VI iddikjarah qaddis fit-3 ta’ Mejju, 1968. Fuq qabru hemm minquxin żewġ sentenzi li kienu l-programm ta’ ħajtu: Naħdmu u nżommu s-silenzju; Min jumilja ruħu jkun imgħolli.

Ħsieb: San Leonardu Murialdo kien jgħin b’kull mod li jista’ lil min hu batut, hekk pereżempju ħa d-drawwa li kull filgħaxija jdur il-belt jiġbor il-ħaddiema taċ-ċmieni, idaħħalhom f’daru u jsaħħanhom madwar spiritiera ddaħħan. Ħutu bniet “ittieħdu” mill-imħabba ta’ ħuhom saċerdot u bdew jagħtuh daqqa t’id f’din l-opra, u bdew jaħslu l-ħwejjeġ kollha nugrufun ta’ dawk l-imsejkna.

Dan jurina kemm għandna bżonn insaħħu l-kelma mitkellma bix-xhieda. Il-kliem iqanqal imma l-eżempju jkaxkar. Li kieku San Leonardu Murialdo għallem lil ħaddieħor x’għandu jagħmel biss, kien jolqot lill-intellett, imma x-xhieda tmiss il-qalb. Ix-xhieda għandha qawwa didattika tremenda. Kien għalhekk li ma’ ħafna qaddisin, kienu jingħaqdu ħafna nies biex jgħinu fil-missjoni li l-qaddis/a tkun bdiet. Min ikollu l-gazz jibda, u min jitħajjar u jagħżel li jkompli. U int, f’liema minn dawn il-gruppi qiegħed/qegħda?

Fi Ġwanni 21:15-17, insibu dan li ġej: “Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.” Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.” Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’ u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.” Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”

‘Tħobbni int?’
Il-kelmiet ta’ Ġesù lil Pietru jgħoddu għal kull wieħed u waħda minna. Id-domanda ta’ Ġesù tfakkarni fid-dgħufija tiegħi u fil-Ħniena tiegħu. Tfakkarni li l-qofol ta’ kull ministeru pastorali huwa l-imħabba: l-imħabba lejn Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, li ħabbna qabel ħabbejnieh aħna, kif ukoll l-imħabba lejn kull membru tal-merħla tiegħu.

‘Iva Mulej, inti taf li nħobbok.’
Inti tafni. Inti taf dnubieti u l-waqgħat tiegħi. Inti taf lil qalbi, lil ruħi. Inti taf il-ġewwieni tiegħi. Inti taf li mingħajrek ma jien xejn u ma nista’ nagħmel xejn. Inti taf. U għaliex taf u minkejja dak li taf, inti tafdani u qiegħed tafdali l-merħla għażiża tiegħek, il-merħla li inti fdejt bid-demm għażiż tiegħek. “Irgħa l-ħrief u n-nagħaġ tiegħi.” Li tirgħa tfisser li tieħu ħsieb, li tindokra, li titma, li tmantni, li twennes, li tiggwida.

Dan kollu rridu nagħmluh bil-kelma li tqanqal u fuq kollox b’eżempju li jkaxkar. Dan kollu rridu nagħmluh bl-imħabba u bl-ispirtu ta’ ħlewwa ma’ kull membru tal-merħla u, meta meħtieġ, bil-bastun quddiem il-lupu.

Mulej, jiena naf, imma nitolbok tfakkarni dejjem, li l-ħrief u n-nagħaġ mhumiex tiegħi iżda huma tiegħek. Inti qiegħed tafdahomli u jiena rrid nagħti kont tagħhom lilek. Kun miegħi dejjem biex fija jaraw lilek, biex ma nkunx għalihom ta’ tfixkil, iżda nkun għalihom ta’ għajnuna, ta’ kenn, ta’ wens u ta’ ġieħ.

  • U inti qed tieħu ħsieb tkun ta’ dawl u gwida għal ħaddieħor permezz ta’ kliemek, u l-aktar permezz tal-eżempju ta’ ħajtek?
  • Jekk tgħid li tħobb lil Ġesù, qed tieħu ħsieb bl-istess imħabba u kura li wera magħna Hu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, lil dawk il-persuni li Huwa tak f’ħajtek?
  • Min jaf jekk ir-Ragħaj it-Tajjeb hux isejjaħlek biex toħodlu ħsieb ukoll ta’ nagħaġ oħra li għandu fil-merħla kbira tiegħu bi mħabba għaliH kif sejjaħ lil San Leonardu Murialdo? Itlob!

Talba: O Mulej Ragħaj Divin, lit-tfal u liż-żgħażagħ tajthom lil San Leonardu Murialdo bħala ragħaj għaqli u gwida tajba tagħhom, kompli sejjaħ aktar żgħażagħ ġenerużi minn fost il-merħla tiegħek, biex imqanqlin mill-eżempji tal-ħajjiet tal-qaddisin tiegħek, jagħżlu li għall-imħabba tiegħek, jgħixu ħajja ta’ servizz lill-merħla tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-leonardo-murialdo.html

Alternative Reading: http://www.santiebeati.it/dettaglio/32800

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Leonardo_Murialdo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Marzu: San Gontran

Verżjoni Vidjo: San Gontran

“L-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet.” –  1Pietru 4:8

gontranSAN GONTRAN
Re
ċ.525 – 592

Tagħrif: San Gontran kien iben ir-Re tal-Franki Klotarju I. Huwa laħaq re tal-Burgandija u parti mill-Acquitaine mal-mewt ta’ missieru li seħħet fil-561 sakemm miet 31 sena wara.

Kulma nafu dwar San Gontran ġej mill-kitba ta’ San Girgor ta’ Tours (c. 538-596), li għex fl-istess żmien u li kiteb l-istorja tal-Franki.

Kien hemm żmien fil-ħajja ta’ Gontran meta ma tantx kien jagħtik impressjoni ta’ bniedem qaddis, u difatti waqa’ fi ħtijiet gravi li jkollna ngħidu wkoll kienu effett taż-żmien li fih għex. Hu keċċa lil martu u reġa’ żżewweġ oħra bix-xewqa li jkollu nisel li jieħu s-saltna warajh. Ordna l-qtil ukoll, bla ma qagħad jaħsibha sewwa, tat-tabib li ma rnexxilux ifejjaq mara oħra tiegħu.

Imma Gontran għaraf dawn l-iżbalji tiegħu u patta għalihom il-bqija ta’ ħajtu permezz tal-karitajiet u mħabba lejn ir-reliġjon. Hu inkoraġġixxa biex isiru tliet sinodi (laqgħat ta’ isqfijiet) biex iġib ’il quddiem id-dixxiplina tal-kleru, għana diversi knejjes u monasteri, u mexxa b’ġustizzja s-sudditi tiegħu.

Meta l-artijiet tiegħu kienu maħkuma minn marda tittieħed msejħa “nar ta’ San Anton” li filġet il-poplu tiegħu, hu ried li jieħdu ħsieb is-sudditi l-aktar batuti, u offra lilu nnifsu vittma lill-ġustizzja divina għall-ġid tal-poplu tiegħu.

Miet fil-592, fl-età ta’ madwar 67 sena.

Hu kien re maħbub ħafna fost il-poplu tiegħu, li malajr beda jqimu bħala qaddis wara mewtu u ismu sab postu fil-Martiroloġju Ruman (il-ktieb li jiġbor fih l-ismijiet tal-qaddisin meqjuma mill-Knisja) bla ma qatt ġie kkanonizzat formalment.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ kull qaddis/a, anki jekk mhux ikkanonizzati formalment, għandha xi ħaġa x’tgħallimna. Il-ħajja ta’ dan ir-re Gontran, tfakkarna li fil-mixja spiritwali tagħna lejn is-Sema, mhux kif tibda l-importanti, imma kif tispiċċa. Bejn il-bidu u t-tmiem jista’ wkoll ikun hemm waqgħat, fallimenti, żbalji żgħar jew kbar, dispjaċiri, nuqqas ta’ fidi u fiduċja f’Alla. Imma għal Alla li jiswa huwa li nkunu qed nagħmlu ‘ħilitna kollha’ biex ngħixu ħajja li togħġbu. Li kieku kien jaf li wara li nagħtuH ħajjitna u nibdew nimxu warajH, ma konniex ser nerġgħu naqgħu fid-dnub, ma kienx jistabillixxi s-Sagrament tal-Qrar, li huwa wieħed mis-Sagramenti li nistgħu nirċievu għal ħafna drabi tul ħajjitna kollha.

Il-Mulej jogħbod lid-dnub għax ibegħedna minnU imma jħobb lill-midneb li jogħbod lid-dnub, imma jaqa’ fih għax huwa dgħajjef. Il-Mulej, f’kull qrara, jaħfer bil-qalb kollha lil dak il-midneb li tassew jiddispjaċih minn dnubietu u li jmur iqerr bil-fehma li ser jagħmel ħiltu kollha biex ma jidnibx iżjed u biex jevita kull okkażżjoni li tistgħu twaqqgħu fid-dnub. Din l-istorja turina propju dan:

Jingħad li fi Spanja jonoraw kurċifiss bil-driegħ tal-lemin imniżżla ‘l isfel. Taħt din l-immaġni ta’ Ġesù, jum wieħed daħal raġel biex iqerr dnubietu, iżda l-konfessur kien indeċiż jekk jagħtihx l-assoluzzjoni. Huwa mbagħad ħafirlu u żied, “Imma kun attent li ma taqax għal darb’oħra.” Il-penitent wiegħed, iżda kien dgħajjef u waqa ‘.

Imbagħad irritorna lejn il-qassis li laqgħu bi kliem iebes: “Din id-darba jien ma nagħtikx l-assoluzzjoni”. Il-penitent wieġeb, “Meta wegħedt li ma nerġax, kont sinċier, imma jien dgħajjef. Nitolbok agħtini l-maħfra tal-Mulej.” Għal darb’oħra, il-konfessur ħafirlu, imma qallu. “Din hi l-aħħar darba!”.

Xi żmien wara, il-penitent irritorna, iżda l-qassis qallu bi kliem sod, “Inti erġajt waqajt għal darb’oħra f’dan l-istess dnub, l-intenzjoni tiegħek mhix sinċiera.” Ir-raġel wieġeb, “Huwa veru li ta ‘sikwit nerġa’ naqa’, imma għax jiena dgħajjef. Jiena raġel marid, imma l-indiema tiegħi hija sinċiera.” Il-qassis qallu, “Le, m’hemm l-ebda maħfra għalik.” Kien hawn li mill-Kurċifiss instemgħet karba. Kristu deher jaqla’ idu l-leminija, jgħolliha ‘l fuq u jagħmel fuq ras ir-raġel is-sinjal tas-salib li bih tah l-assoluzzjoni għal dnubietu. Fl-istess ħin leħen qal lill-qassis: “Ma kontx int li xerridt id-demm tiegħek għalih!” (Santiago de Compostela, Spanja: https://www.cristianitoday.it/crocifisso-braccio-destro-schiodato/)

Mhux hekk, imma, għal dak il-midneb li għax iħobb id-dnub ma jħobbx lil Alla, ifittex lid-dnub b’qalbu kollha u jekk imur iqerr, jagħmel dan mhux għax verament iddispjaċih u niedem minnu u lanqas bl-intenzjoni li se jagħmel ħiltu kollha biex ma jerġax jaqa’ jew li mhux se jerġa’ jfittex l-okkażjoni. Dan ma jistax jirċievi l-grazzji tas-Sagrament u ma jistax jogħġob lil Alla, għax l-għażla tiegħu mhix favur Alla, imma favur id-dnub li huwa jħobb. Hu veru li l-bniedem għandu ġibda lejn il-ħażen u jixtiequ, imma min irid jgħix tassew ħajja hienja, għandu jfittex li jaħrab kull okkażżjoni tad-dnub u/jew jikkumbatti bir-rieda tiegħu kollha biex ma jidnibx. Alla jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.

Għandna nfittxu l-għajnuna tat-talb, tal-qari tal-Bibbja, tal-Qrar, tal-Quddies u t-Tqarbin u anki nistgħu nsibu għajnuna minn diversi gruppi u għaqdiet kattoliċi. Minflok il-mumenti tad-dnub, għandna nippruvaw nimlew il-ħin tagħna, b’xi passatemp jew b’xi eżerċizzju fiżiku. M’għandnix inħallu lil moħħna jieqaf jaħseb u jfittex l-okkażjoni tad-dnub. Għandna wkoll induru lejn il-Madonna, li hi l-Omm l-iżjed safja u nitolbuha tieqaf magħna f’dan kollu.

Irridu nibqgħu nissieltu BLA MA NAQTGĦU QALBNA u l-Paċi t’Alla tkun dejjem sehemna għal issa u għal li ġej.

Talba: O Mulej ħanin, Inti tajt il-grazzja tiegħek ta’ ndiema sinċiera u ta’ modi kif tpatti għad-dnubiet lir-re Gontran, agħti lilna wkoll l-istess grazzja biex ma nitbegħdu qatt mis-Sagrament tal-Qrar u mill-proponiment li kemm nistgħu ma noffenduk qatt iżjed, imma ngħixu ħajja ta’ qdusija li togħġbok. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.catholiclane.com/st-gontran-king/

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-guntramnus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Guntram

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Marzu: Beatu Pellegrin minn Falerone

Verżjoni Vidjo: Beatu Pellegrin minn Falerone

“Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.” Meta l-Beatu Pellegrin minn Falerone ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, huwa qallu dan il-kliem li mmarka l-ħajja kollha tiegħu.

Santino-Holy-Card-B-Beato-Pellegrino-da-Falerone

BEATU PELLEGRIN MINN FALERONE
Reliġjuż Franġiskan
miet c.1232

Tagħrif: Dan il-beatu ħass il-ħajra li jsir reliġjuż Franġiskan wara li sema’ lill-Fundatur jipprietka f’Bologna. Meta Pellegrin ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, dan qallu: “Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.”

Pellegrin kien ġej minn familja għanja u nobbli ta’ Falerone, f’Ascoli Piceno, fl-Italja Ċentrali. Studja l-filosofija u d-Dirittu Kanoniku f’Bologna, u kien diġà imkisser sewwa fix-xjenzi sagri u profani. Minkejja dan, hu aċċetta l-profezija ta’ San Franġisk bħallikieku kien kmand u, għal ħajtu kollha, ried jibqa’ dejjem sempliċiment fratell lajk, mogħti għas-servizzi l-iktar umli u spiss moħbijin f’kunventi żgħar u ftit magħrufa.

Skont il-Beatu Bernard ta’ Quintavalle, Pellegrin wettaq l-ideal tal-Franġiskan perfett u kien wieħed mir-reliġjużi l-aktar eżemplari. Xtaq ħafna li jkun jista’ jmut martri fost l-infidili, u, bħal San Franġisk innifsu, anki siefer lejn l-Art Imqaddsa, fost il-Misilmin. Il-Beatu Pellegrin bil-ftit il-ftit ġibed lejh lill-Misilmin minħabba l-ħajja qaddisa tiegħu.

Meta rritorna fl-Italja, Pellegrin beda jfittex jinħeba f’postijiet u f’kunventi l-aktar imbegħda. Rarament kien iżur il-familja għanja tiegħu; u meta kien iżurhom kien għal żjarat qosra biex iħeġġeġ lil niesu li ma jintrabtux mad-dinja u jħobbu aktar lil Alla. Imma, aktar ma kien jinħeba, u aktar ma jipprova jgħix ħajja fqira u umli, aktar bdew ifittxuh in-nies, l-aktar ukoll minħabba l-fama tal-mirakli.

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu hu kien fil-kunvent ta’ San Severino Marche, fejn miet għadu żagħżugħ, għall-ħabta tas-sena 1232. Il-fdalijiet tiegħu għadhom f’San Severino. Il-kult lejn il-Beatu Pellegrino kien ikkonfermat fl-1821 minn Piju VII, u b’hekk approva l-qima lejh li kienet ilha 600 sena. Hu mfittex kontra l-uġigħ tad-dras.

Ħsieb: Interessanti kif meta Pellegrin ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, dan qallu: “Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.” U hekk għamel u għex tassew. L-umiltà hija l-bażi ta’ kull sejħa nisranija, hu x’inhu l-istat ta’ ħajja li wieħed iħaddan. X’inhi eżatt din l-umiltà? Kif tgħix bħala bniedem umli? U x’jgħallimna Ġesù nnifsu dwar l-umiltà?

Il-Papa Franġisku, fl-Angelus tal-Ħadd 28 ta’ Awwissu, 2016, spjegaha b’dan il-mod:

“Ġesù jgħid: “Meta xi ħadd jistiednek għat-tieġ, tmurx tfittex il-postijiet ta’ quddiem li ma jmurx ikun hemm xi mistieden akbar minnek u dak li jkun stiednek jiġi u jgħidlek: ċedilu postok!”….. Imma, meta tkun mistieden, mur oqgħod fil-postijiet ta’ wara” (Luqa 14:8-9). B’din ir-rakkomandazzjoni Ġesù ma jridx jagħti xi regola ta’ mġieba soċjali imma lezzjoni dwar il-valur tal-umiltà. L-istorja tgħallem li l-kburija, il-kilba li rridu nilħqu aktar ‘il fuq, il-vanità, meta niddandnu, huma l-kawża ta’ ħafna ħażen. U Ġesù jgħinna nifhmu kemm hu meħtieġ li nfittxu l-aħħar post, jiġifieri li nfittxu li niċċekknu u li ninħbew: l-umiltà. Meta aħna, quddiem Alla nqiegħdu lilna nfusna f’din id-dimensjoni ta’ umiltà, allura Alla jgħollina, imil lejna biex jerfgħana għal ħdejh; “għax min jitgħolla jiċċekken, u min jiċċekken jitgħolla” (Luqa 14:11).

Il-kliem ta’ Ġesù juri ċar atteġġjamenti differenti għal kollox u opposti għal xulxin: l-atteġġjament ta’ min jagħżel postu u l-atteġġjament ta’ min iħalli lil Alla jagħtih il-post u jistenna l-ħlas mingħandu. Ma ninsewhiex: Alla jħallas ħafna aktar mill-bnedmin! Hu jagħtina post ferm isbaħ minn dak li jtuna l-bnedmin! Alla jtina post qrib qalbu u l-ħlas tiegħu hu l-ħajja eterna. “Tkun beatu – jgħid Ġesù – ….. Tirċievi l-ħlas fil-qawmien tal-ġusti!” (Luqa 14:14).

U dak li tiddeskrivi t-tieni parabbola, li fiha Ġesù jurina l-atteġġjament ta’ diżinteress li għandu jkollha l-ospitalità, meta jgħid hekk: “Meta tagħmel ikla stieden lill-foqra, lill-immankati, liz-zopop u lill-għomja; u tkun imbierek għax dawn ma jpattulekx lura” (Luqa 14:13-14). Ifisser li tagħżel il-gratwità minflok il-kejl opportunist li jfittex il-ħlas lura, li jfittex l-interess u jfittex li jistgħana aktar. Infatti, il-foqra, is-sempliċi, dawk li ma jiswew xejn, qatt ma jistgħu jroddulek lura l-istedina għall-ikla. B’hekk Ġesù juri li hu jippreferi lill-foqra, lill-imwarrbin, li huma l-magħżulin fis-Saltna t’Alla, u jibgħat il-messaġġ fundamentali tal-Evanġelju, li hu s-servizz lejn il-proxxmu għall-imħabba t’Alla.

Illum, Ġesù jagħti leħen lil min m’għandux u lil kull wieħed u waħda minna jagħmlilna appell imqanqal biex niftħu qlubna u nagħmlu tagħna t-tbatijiet u l-ansjetajiet tal-foqra, tal-morda, tal-emarġinati, tar-rifuġjati, ta’ min hu tellief fil-ħajja, ta’ min hu mwarrab fil-ġenb mis-soċjetà u minħabba l-prepotenza ta’ min hu l-aktar setgħan. U fir-realtà, dawn in-nies skartati jirrappreżentaw lill-maġġornaza l-kbira tal-popolazzjoni.

F’dal ħin qed niftakar bi gratitudni fil-postijiet fejn tant volontarji joffru s-servizz tagħhom billi jagħtu jieklu lill-persuni waħedhom, foqra, bla xogħol jew mingħajr dar fissa. Dawn il-postijiet flimkien ma’ opri tal-ħniena oħrajn – bħalma huma ż-żjarat lill-morda, lill-ħabsin… – huma taħriġ tal-karità li jxerrdu l-kultura tal-gratwità, għax min iħaddimhom hu mqanqal mill-imħabba t’Alla u mdawwal mill-għerf tal-Evanġelju. B’hekk is-servizz lejn l-aħwa, iġib fid-dieher l-imħabba ta’ Kristu.

Nitolbu lill-Verġni Marija biex kuljum tmexxina fit-triq tal-umiltà, Hi li kienet umli tul ħajjitha kollha, u biex tnissel fina l-ħila li nagħmlu ġesti gratwiti ta’ laqgħa u solidarjetà lejn l-emarġinati, ħalli b’hekk inkunu denji li nirċievu l-ħlas divin”.

Dan it-tagħlim kollu, Pellegrin minn Falerone fehmu sewwa, għexu tul ħajtu kollha u issa jinsab mal-kbarat fis-Saltna tas-Sema, mal-henjin. U int qed taħdem biex tgħix bħala bniedem umli billi titlef lilek innifsek biex tkun għas-servizz ta’ Alla u tal-proxxmu filwaqt li tistenna l-ħlas tal-ġusti mingħand Alla biss li jaf iħallas sewwa lil min jaqdiH b’fedelta’ sal-aħħar?

Talba: O Mulej ta’ Qalb ħelwa u umli, li dawwalt lill-qaddej tiegħek, il-Beatu Pellegrin minn Falerone permezz tal-ħeġġa li tajtu biex jikber fil-qdusija u fl-istess ħin jiċċekken quddiemek u quddiem il-bnedmin. Issa li hu jinsab mas-setgħana f’post ta’ ġieħ fis-Sema, nitolbuk biex bl-interċessjoni tat-talb tiegħu għalina, aħna wkoll ngħożżu u nagħżlu t-triq tal-umli u ngħixu biss biex nagħtu glorja Lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

Italian Version: http://www.santiebeati.it/dettaglio/90742

Alternative Reading: https://www.santodelgiorno.it/beato-pellegrino-da-falerone/

Wikipedia: https://it.wikipedia.org/wiki/Pellegrino_da_Falerone

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Marzu: Beata Maddalena Caterina Morano

Verżjoni Vidjo: Beata Maddalena Caterina Morano

“Sinjur, la tħallix li jiena mmut bla ma nkun wasalt għall-qdusija. Agħmilni qaddisa.” – Beata Maddalena Caterina Morano

morano120BEATA MADDALENA CATERINA MORANO
Reliġjuża
1847 – 1898

Tagħrif: Twieldet fi Chieri, qrib Torin, fil-15 ta’ Novembru,1847, minn familja modesta li kienet ġejja minn razza nobbli. Meta kienet għadha ċkejkna, hi marret tgħix mal-familja tagħha f’Buttigliera d’Asti.

Ta’ tmien snin miet missierha, u bdiet taħdem id-dar bħala nissieġa. Saċerdot jiġi minnha qabbadha t-triq għall-istudju u għallimha l-ewwel lezzjonijiet fuq il-grammatika Taljana.

Meta għalqet 14-il sena, il-kappillan tal-post inkarigaha tieħu ħsieb orfanatrofju (asile) minkejja l-età żagħżugħa tagħha, waqt li hi kompliet tistudja u ħadet id-diploma ta’ għalliema li biha setgħet tgħallem fl-iskejjel elementari.

Dik il-ħabta f’pajjiżha bdiet tikber u tissaħħaħ istituzzjoni ġdida sależjana mibdija minn San Ġwann Bosco. Sadattant hi bdiet tħoss is-sejħa tidħol reliġjuża tal-klawsura. Ħadet il-parir ta’ Don Bosco, imma dan ma qabilx li tidħol soru klawstrali, u indirizzaha lejn il-kollaboratur tiegħu Don Giovanni Cagliero li stedinha tingħaqad mas-Sorijiet Ulied Marija Awżiljatriċi. Hi aċċettat u, wara n-novizzjat, għamlet il-professjoni reliġjuża fl-4 ta’ Settembru 1879, meta allura kellha 32 sena. F’dik l-okkażjoni talbet repetutament lil Ġesù: “Signore, non permettere che io muoia senza essere arrivata alla santità. Fammi Santa!” Sinjur, la tħallix li jiena mmut bla ma nkun wasalt għall-qdusija. Agħmilni qaddisa.

Billi kienet istruwita u kapaċi tgħallem, Swor Morano spikkat fost sħabha s-sorijiet, u għalhekk tawha inkarigi ta’ responsabbiltà, u fl-1881 kienet mibgħuta Sqallija fejn bdiet ħidma edukattiva tassew fekondi fost il-bniet u t-tfajliet.

Il-ħidma tal-Beata Maddalena Caterina Morano kienet tassew tal-għaġeb: f’26 sena waqqfet ma’ Sqallija kollha 19-il dar, 12-il oratorju, 6 skejjel, 5 orfanatrofji, 11-il laboratorju, 4 kunventi, 3 skejjel tar-reliġjon u qajmet l-ammirazzjoni ta’ kulħadd, inklużi l-awtoritajiet tal-post u l-ġerarkiji ekklesjastiċi. Fuqha kien jingħad: “Hija mara kbira, hija mara straordinarja.” Maħtura Superjura Provinċjali, hija impenjat ruħha wkoll biex tgħin fil-formazzjoni tal-għadd kbir ta’ vokazzjonijiet li nġibdu mill-ħeġġa tagħha u mill-klima komunitarja li kienet toħloq madwarha.

Swor Morano kienet bniedma magħquda kontinwament ma’ Alla, xewqana li ssir qaddisa u dedikata għal ħidma sależjana immensa. Ingħad fuqha li kienet kontinwament “titfa’ ħarsa waħda lejn l-art u għaxra lejn is-sema.”

Wara ħajja mimlija ko-erenza, mgħixa dejjem bil-fehma li “ma tostakola qatt l-azzjoni tal-grazzja b’ċedimenti għall-egoiżmu personali” Swor Maddalena Caterina Morano għalqet għajnejha għal din id-dinja f’Alì Marina, Messina, nhar is-26 ta’ Marzu 1908, b’marda tal-kanċer, meta kellha 61 sena.

Din l-Appostla salesjana ta’ Sqallija kienet iddikjarata Beata f’Catania mill-Papa Ġwanni Pawlu II fil-5 ta’ Novembru,1994.

Ħsieb: L-aktar ħaġa li laqtitni hija l-fatt li fuq kull ħidma, fuq kull intelliġenza, fuq kull għerf u għaqal, kapaċità u straordinarjetà, din il-mara TALBET LIL ALLA BIEX MA JOĦODHIEX QABEL MA TKUN SARET QADDISA, u hi min naħa tagħha, għamlet kull ma setgħet u waslet mal-hienja fis-sema hekk kif xtaqet. Is-sejħa għall-qdusija hija sejħa għall-insara kollha mhux għal xi ftit privileġġati. Int li qed taqra, INT UKOLL JEĦTIEĠ LI SSIR QADDIS/A. Il-Mulej huwa ċar fi kliemu. Qalilna: “Kunu qaddisin, għax qaddis jien” (1 Pietru 1, 15-16) u ma nistgħux nidħlu fis-sema fejn Hu mar qabilna biex iħejjilna post, jekk ma nkunux qaddisin.

Fl-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete Et Exsultate “Ifirħu U Thennew” tal-Qdusija tiegħu il-Papa Franġisku dwar is-Sejħa għall-Qdusija fid-Dinja tal-Lum insibu hekk:

14. Biex insiru qaddisin m’hemmx bżonn inkunu isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi. Ħafna drabi tiġina t-tentazzjoni naħsbu li l-qdusija hi riservata għal dawk li għandhom il-possibbiltà li jżommu ’l bogħod mit-taħbit ta’ kuljum, biex jiddedikaw ħafna ħin għat-talb. Mhuwiex hekk. Ilkoll aħna msejħin inkunu qaddisin billi ngħixu bi mħabba u noffru x-xhieda tagħna fil-ħidmiet ta’ kuljum, kull fejn inkunu. Int persuna kkonsagrata? Tqaddes billi tgħix l-għotja tiegħek bil-ferħ. Miżżewweġ jew miżżewġa? Tqaddes billi tħobb u tieħu ħsieb ta’ żewġek jew ta’ martek, kif għamel Kristu mal-Knisja. Taħdem? Tqaddes billi twettaq b’onestà u kompetenza l-ħidma tiegħek b’servizz għal ħutek. Int ġenitur jew nanna jew nannu? Tqaddes billi tgħallem bis-sabar lit-tfal kif jimxu wara Ġesù. Qiegħed fl-awtorità? Tqaddes billi titqabad b’riSq il-ġid komuni u tagħti dahrek lill-interessi personali.

15. Ħalli l-grazzja tal-Magħmudija tiegħek tħalli l-frott tagħha f’mixja ta’ qdusija. Agħmel li kollox f’ħajtek ikun miftuħ għal Alla u għalhekk agħżel lilu, agħżel dejjem mill-ġdid lil Alla. Taqtax qalbek, għax int għandek il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex dan jagħmlu possibbli, u l-qdusija, fl-aħħar mill-aħħar, hi l-frott tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tiegħek (ara Galatin 5:22-23). Meta tħoss it-tentazzjoni li tingħalaq fid-dgħufija tiegħek, erfa’ ħarstek lejn il-Kurċifiss u għidlu: “Mulej, jiena msejken, imma int tista’ twettaq il-miraklu li tagħmilni xi ftit aħjar”. Fil-Knisja, qaddisa u magħmula mill-midinbin, sa ssib dak kollu li teħtieġ biex tikber lejn il-qdusija. Il-Mulej għanieha bid-doni tal-Kelma, tas-Sagramenti, is-santwarji, il-ħajja tal-komunitajiet, ix-xhieda tal-qaddisin, u ġmiel ta’ kull bixra ħiereġ mill-imħabba tiegħu, “bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha” (Iżaija 61:10).

16. Din il-qdusija li għaliha l-Mulej qed isejjaħlek tkompli tikber b’ġesti żgħar. Ngħidu aħna: waħda mara tmur il-ħanut tagħmel ix-xirja tagħha, tiltaqa’ ma’ ġara tagħha u jibdew ipaċpċu, u jibdew jikkritikaw. Imma din il-mara tgħid bejnha u bejn ruħha: “Le, mhux sa ngħid xejn ħażin fuq ħadd”. Dan hu pass lejn il-qdusija. Imbagħad, id-dar, binha jitlobha toqgħod tisimgħu jkellimha fuq il-fantasiji tiegħu u, imqar jekk tħossha għajjiena, tpoġġi bilqiegħda ħdejh tisimgħu b’sabar u mħabba. Araw offerta oħra li tqaddes. Imbagħad jiġiha mument ta’ dieqa, imma tiftakar fl-imħabba tal-Verġni Marija, taqbad il-kuruna tar-rużarju u tibda titlob bil-fidi. Din hi triq oħra ta’ qdusija. Wara, toħroġ fit-triq, tiltaqa’ ma’ fqir u tieqaf titkellem miegħu bi ħlewwa u tjieba. Anki dan hu pass ’il quddiem.

17. Xi kultant il-ħajja tippreżentalna sfidi ikbar u permezz tagħhom il-Mulej jistedinna għal konverżjonijiet ġodda li bihom il-grazzja tiegħu tista’ tidher aħjar fil-ħajja tagħna “biex aħna niksbu sehem fil-qdusija tiegħu” (Lhud 12:10). Drabi oħra jkun hemm bżonn biss li nsibu mod iżjed perfett ta’ kif ngħixu dak li diġà nagħmlu: “Hemm tnebbiħ li jiġbed biss lejn perfezzjonament straordinarju tat-tħaddim ordinarju tal-ħajja Nisranija”. Meta l-Kardinal Francis-Xavier Nguyên Van Thuân kien il-ħabs, irrifjuta li jqatta’ ħinu jistenna l-liberazzjoni. L-għażla tiegħu kienet: “ngħix il-mument ta’ issa, u nimlieh bl-imħabba”; u l-mod kif dan ikkonkretizzah kien: “naħtaf l-okkażjonijiet li jiġuni ta’ kuljum biex inwettaq għemejjel ordinarji b’mod straordinarju”.

  • U int, qed tħalli lil Alla jagħmlek qaddis/a?

Jekk għadek ma bdejtx, kun af li għadek qed taħli ħajtek! Ibda minn issa u jekk taqa’, erġa qum u erġa’ ibda … Il-Mulej iqaddsek jekk tħalliH!

Talba: O Mulej, minkejja li għall-Beata Maddalena Caterina Morano, in-nies kienet tgħid li hija mara kbira u straordinarja, l-attenzjoni tagħha kienet biss fuq li ssir qaddisa għalik, bit-talb tagħha għalina, agħti lilna wkoll l-għarfien li xejn ma jiswa li nagħmlu f’din id-dinja jekk mhux li nħabirku biex insiru qaddisin għax din hi s-sejħa diretta li tagħmlilna kull ħin sa ma naslu ningħaqdu fis-sema mal-henjin. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

English Version: https://www.cgfmanet.org/1.aspx?sez=1&sotsez=4&detsotsez=1&doc=5&lingua=2

Alternative Reading: http://www.santiebeati.it/dettaglio/90098

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maddalena_Caterina_Morano

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Marzu: It-Tħabbira tal-Mulej

Verżjoni Vidjo: It-Tħabbira tal-Mulej

Verġni Marija, ilqa’ l-messaġġ li l-Mulej bagħatlek mal-Anġlu tiegħu: inti se tnissel, u ġġib fid-dinja iben li jkun Alla u bniedem. U tkun l-imbierka fost in-nisa kollha. Tiled iben, u xbubitek tibqa’ sħiħa; tnissel fil-ġuf, u ssir omm bla ma tittiefes.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tas-Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej (Salm 33(34):4; 85(86):13; Luqa 1:48)

anunciationIT-TĦABBIRA TAL-MULEJ

Tagħrif: Disa’ xhur mil-lum ikun il-Milied. F’dan il-jum, il-Knisja tfakkarna meta l-Mulej Alla permezz tal-Arkanġlu Gabrijel stieden lill-Madonna biex issir Omm il-Messija, u hi aċċettat. F’dak il-mument, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, tnissel fiha Ġesù. Għalhekk nistgħu ngħidu li llum qed niċċelebraw żewġ festi; it-tħabbira tal-maternità tal-Madonna, u l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla.

Din il-ġrajja nsibuha rrakkontata tajjeb ferm fil-Vanġelu: “Fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nażaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel, jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba jiena verġni?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dawl tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha”. (Luqa 1:26-38).

Ir-rakkont kif jagħtihulna l-Evanġelista kien suġġett ta’ ħafna studju mit-teoloġi mhux biss għar-rigward ta’ Kristu, imma wkoll għar-rigward ta’ Marija li Alla għażilha biex tkun omm ibnu magħmul bniedem.

Il-festa tat-tħabbira tal-Mulej bdiet issir f’Kostantinopli għall-ħabta tas-sena 430, u sas-seklu VIII saret universali wkoll fil-Punent. Fir-riforma tal-Liturġija li seħħet wara l-Konċilju Vatikan II, il-festa, li qabel kienet festa Marjana u konna nsejħulha, it-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija, jew ukoll bħala l-Lunzjata, ġiet imsejħa t-Tħabbira tal-Mulej u għalhekk hija festa ta’ Kristu.

F’Malta, il-parroċċi ta’ Ħal Tarxien u dik ta’ Ħal Balzan huma ddedikati lil-Lunzjata, kif ukoll il-knisja tad-Dumnikani fil-Birgu.

Tajjeb infakkru li l-Madonna għażlet din il-festa għażiża biex f’Lourdes tgħarraf lil Santa Bernardina Soubirous min kienet. Difatti kien bħal-lum 25 ta’ Marzu 1858, meta l-Madonna, għall-mistoqsija ta’ Bernardina min kienet u li kienet għamlitilha diversi drabi qabel, għalqet idejha palma ma’ palma u qaltilha: “Jiena l-Kunċizzjoni Immakulata”. Id-domma dwar it-tnissil bla tebgħa ta’ Marija kienet ġiet promulgata solennement mill-Papa B. Piju IX, ftit aktar minn tliet snin qabel.

Nota: Meta l-25 ta’ Marzu taħbat f’xi Ħadd tar-Randan, allura ssir l-għada t-Tnejn, u jekk taħbat fil-Ġimgħa Mqaddsa, allura ssir it-Tnejn fuq l-Ottava tal-Għid.

ĦsiebFl-omelija tiegħu tal-25 ta’ Marzu, 2017  il-Papa Franġisku jgħid dan li ġej:

“Alla nnifsu hu Dak li jieħu l-inizjattiva u jagħżel li jidħol, kif għamel ma’ Marija, fid-djar tagħna, fit-taqbidiet tagħna ta’ kuljum, mimlija ansjetajiet u xewqat. U hu proprju fil-bliet tagħna, fl-iskejjel u l-universitajiet tagħna, fil-pjazez u fl-isptarijiet tagħna li sseħħ l-isbaħ tħabbira li nistgħu nisimgħu: “Ifraħ, il-Mulej miegħek!”. Ferħ li jnissel il-ħajja, li jnissel it-tama, li jitlaħħam fil-mod kif inħarsu lejn il-futur, fl-imġiba li biha nħarsu lejn l-oħrajn. Ferħ li jsir solidarjetà, ospitalità, ħniena lejn kulħadd.

Bħal Marija, aħna wkoll nistgħu nitħawdu. “Kif iseħħ dan” fi żminijiet hekk mimlija bl-ispekulazzjoni? Nispekulaw fuq il-ħajja, fuq ix-xogħol, fuq il-familja. Nispekulaw fuq il-foqra u fuq l-immigranti; nispekulaw fuq iż-żgħażagħ u fuq il-futur tagħhom. Kollox donnu jirriduċi ruħu għal ċifri, waqt li, mill-bqija, il-ħajja ta’ kuljum ta’ tant familji tispiċċa tiċċappas mill-prekarjetà u n-nuqqas ta’ sigurtà. Waqt li t-tbatija tħabbat fuq ħafna bibien, waqt li f’tant żgħażagħ jiżdied in-nuqqas ta’ sodisfazzjon minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet veri, l-ispekulazzjoni toktor kullimkien.

Ċertament, ir-ritmu frenetiku li spiċċajna fih donnu qed jisirqilna t-tama u l-ferħ. Il-pressjonijiet u n-nuqqas ta’ saħħa quddiem tant sitwazzjonijiet donnhom iridu jnixxfulna ruħna u jġibuna insensibbli quddiem l-għadd ta’ sfidi. U paradossalment meta kollox irid jgħaġġel jibni – fit-teorija – soċjetà aħjar, fl-aħħar ma nibqgħu nsibu ħin għal xejn u għal ħadd. Nitilfu l-ħin għall-familja, il-ħin għall-komunità, nitilfu l-ħin għall-ħbiberija, għas-solidarjetà u għall-memorja.

Nagħmlu sew jekk nistaqsu lilna nfusna:

  • Kif nistgħu ngħixu l-ferħ tal-Vanġelu llum fl-ibliet tagħna?
  • Hi possibbli t-tama Nisranija f’din is-sitwazzjoni, hawn u issa?

Dawn iż-żewġ mistoqsijiet imissu l-identità tagħna, il-ħajja tal-familji tagħna, tal-irħula u l-ibliet tagħna. Imissu l-ħajja ta’ wliedna, taż-żgħażagħ tagħna u jitolbu minna mod ġdid ta’ kif inqiegħdu ruħna fl-istorja. Jekk il-ferħ u t-tama Nisranija għadhom possibbli, quddiem tant sitwazzjonijiet ta’ tbatija ma nistgħux, u ma rridux nibqgħu biss bħal spettaturi li jħarsu lejn is-sema jistennew “ix-xita tieqaf”. Dak kollu li jseħħ madwarna jitlob minna li nħarsu lejn il-preżent bil-kuraġġ, bil-kuraġġ ta’ min jaf li l-ferħ tas-salvazzjoni bħalma kien jissawwar fid-dar ta’ żagħżugħa minn Nazaret.

Quddiem Marija li titħawwad, quddiem it-taħwid li nħossu wkoll f’qalbna, tlieta huma l-imfietaħ li l-Anġlu qed joffrilna biex jgħinna naċċettaw il-missjoni li tiġi fdata lilna.

1. Nevokaw il-Memorja

L-ewwel ħaġa li l-Anġlu jevoka hi l-memorja, u hekk jiftaħ il-preżent ta’ Marija għall-istorja kollha tas-Salvazzjoni. Jevoka l-wegħda magħmula lil David bħala frott tal-patt ma’ Ġakobb. Marija hi bint il-Patt. Anki aħna llum imsejħin nagħmlu memorja, inħarsu lejn l-imgħoddi tagħna biex ma ninsewx mnejn ġejjin. Biex ma ninsewx lil missirijietna, in-nanniet tagħna u dak kollu li għaddew minnu biex wasalna fejn aħna llum. Din l-art u n-nies tagħha daqu x’inhi t-tbatija taż-żewġ gwerer dinjija; u daqshekk ieħor raw il-fama meritata tagħhom ta’ xogħol u ċiviltà mniġġsa minn ambizzjonijiet diżordinati. Il-memorja tgħinna ma nibqgħux ilsiera ta’ diskorsi li jiżirgħu t-tifrik u l-firdiet bħala l-uniku mod kif jissewwa l-ġlied. L-evokazzjoni tal-memorja hi l-aħjar antidotu li għandna f’idejna quddiem is-soluzzjonijiet maġiċi tal-firda u tal-aljenazzjoni.

2. L-appartenenza għall-Poplu ta’ Alla

Grazzi għall-memorja Marija tista’ tagħmel tagħha l-appartenenza għall-Poplu ta’ Alla. Tfakkarna tajjeb li aħna membri tal-Poplu ta’ Alla! Milaniżi, iva, Ambrosjani, daż-żgur, imma parti mill-Poplu kbir ta’ Alla. Poplu msawwar minn elf wiċċ, storja u provenjenza, poplu multikulturali u multietniku. Dan hu għana kbir li għandna. Hu poplu msejjaħ jilqa’ d-differenzi, jintegrahom b’rispett u kreattività, u jiċċelebra l-ġdid li jiġi mill-oħrajn; hu poplu li ma jibżax iħaddan il-konfini, il-fruntieri; hu poplu li ma jibżax jilqa’ lil min għandu bżonn, għax jaf li hemm hu preżenti l-Mulej tiegħu.

3. Il-possibbiltà tal-impossibbli

“Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37): hekk tintemm it-tweġiba tal-Anġlu lil Marija. Meta nemmnu li kollox jiddipendi esklussivament minna nibqgħu lsiera tal-ħiliet tagħna, tas-saħħa tagħna, tal-ixfqa limitati tagħna. Imma meta nħallu lil min jgħinna, lil min jagħtina parir, meta ninfetħu għall-grazzja, donnu l-impossibbli jibda jsir realtà. Dan jafuh sew dawn l-artijiet li, matul l-istorja tagħhom, nisslu tant kariżmi, tant missjunarji, tant għana għall-ħajja tal-Knisja! Tant uċuħ li għelbu l-pessimiżmu sterili u li jifred biex infetħu għall-inizjattiva ta’ Alla u saru sinjal ta’ kemm tista’ tkun għammiela art li ma tingħalaqx fl-ideat tagħha, fil-limiti tagħha u fil-ħiliet tagħha, imma tinfetaħ għall-oħrajn.

Bħalma għamel qabel, Alla jibqa’ jfittex alleati, jibqa’ jfittex irġiel u nisa li għandhom il-ħila jemmnu, il-ħila li jagħmlu memorja, li jħossuhom parti mill-poplu tiegħu biex jikkoperaw mal-kreattività tal-Ispirtu. Alla jissokta jimxi fl-ibliet u t-toroq tagħna, imur f’kull post ifittex qlub li lesti jagħrfu l-istedina tiegħu u jlaħħmuh fl-hawn u l-issa. Nistgħu niġbru x’qal San Ambroġ fil-kummentarju tiegħu għal din is-silta u ngħidu: Alla għadu jfittex qlub bħal dik ta’ Marija, li lesti jemmnu mqar f’kundizzjonijiet għalkollox straordinarji (ara Espożizzjoni tal-Vanġelu skont Luqa II, 17: PL 15, 1559). Ħa jkabbar fina l-Mulej din il-fidi u din it-tama”.

Talba: L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija,
u hija saret Omm mill-Ispirtu s-Santu.
Sliema …
Hawn hi l-Qaddejja tal-Mulej,
ikun minni skont kelmtek.
Sliema …
U l-Iben t’Alla sar bniedem,
u għammar fostna.
Sliema …
Itlob għalina qaddisa omm Alla
biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedna Kristu.

Xerred Mulej, fi qlubna l-grazzja tiegħeK,
biex aħna li bit-tħabbira tal-Anġlu,
għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem,
bil-passjoni u s-salib tiegħu, naslu għas-sebħ tal-qawmien,
bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/annunciation-of-lord.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/annunciation-of-the-lord/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Annunciation

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Marzu: Santa Katerina tal-Isvezja

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina tal-Isvezja

“Kemm dawk li jitkellmu fuq il-proxxmu, kif ukoll dawk li joqogħdu jisimgħu jġorru lix-xitan fuq ilsienhom.” – Santa Katerina tal-Isvezja

SANTA CATALINA DE SUECIASANTA KATERINA TAL-ISVEZJA
1331 – 1381

Tagħrif: Twieldet fl-1331 u kienet ir-raba’ bint ta’ Ulfo, prinċep ta’ Nierck fl-Isvezja, u martu Santa Briġida.

Kienet edukata fl-abbazija ta’ Risberg (fl-Isvezja). Ta’ 13-il sena missierha żewwiġha lil Eggard Lydersson, ta’ nisel ġermaniż, żagħżugħ ta’ reliġjożità kbira li miegħu ftehmet li tgħix fil-kontinenza. Żewġha kien bniedem marradi ħafna, u Katerina daret bih b’dedikazzjoni kbira.

Wara l-mewt ta’ żewġha, Katerina marret Ruma ħdejn ommha fl-1349 u baqgħet takkumpanjaha sakemm mietet 25 sena wara, f’Ruma. L-Omm u l-bint iddedikaw ħajjithom għall-opri tal-karità, f’pellegrinaġġi (żaru anke Ġerusalemm), u biex iġibu ’l quddiem l-ordni tas-Sorijiet tas-Santissimu Sagrament, imwaqqfin minn ommha Briġida u minħabba f’hekk jissejħu wkoll Briġittini.

Wara l-mewt ta’ ommha, fl-1373, Katerina ħadet il-fdal tagħha lura f’pajjiżha, u rtirat fl-abbazija ta’ Vadstena, li tiegħu aktar tard saret badessa. Hawn hi kisbet fama ta’ qdusija u ta’ mirakli.

Bejn l-1375 u l-1380, Katerina marret mill-ġdid Ruma. Fl-1379, kisbet l-approvazzjoni għall-Ordni tas-Sorijiet Briġittini u ħabirket ukoll biex ommha tiġi ddikjarata qaddisa.

L-Ordni tas-Sorijiet Briġittini hu affiljat mal-Ordni Agostinjan, u għandu bħala skop prinċipali x-xogħol letterarju, speċjalment bit-traduzzjoni ta’ xogħlijiet reliġjużi.

Santa Katerina tal-Isvezja mietet fl-abbazija ta’ Vadstena fl-24 ta’ Marzu tal-1381, fl-età ta’ 50 sena. Il-kult lejha kien approvat mill-Papa Innoċenzju VIII, fl-1474.

Ħsieb: Jingħad li Santa Katerina tal-Isvezja qatt ma qalet kelma li tweġġa’ jew ta’ nuqqas ta’ sabar; kienet titlob b’mod speċjali li l-komunità tagħha tkun meħlusa mill-ħsara tad-detrazzjoni (tqasqis fuq il-proxxmu), “għaliex,” kienet tgħid, “kemm dawk li jitkellmu fuq il-proxxmu, kif ukoll dawk li joqogħdu jisimgħu jġorru lix-xitan fuq ilsienhom.”

Kemm hi marda spiritwali kerha din li wieħed jgħid fuq in-nies, li jsib kull tentufa ta’ żball u/jew jiġġudika left, right and centre u kemm niddilettaw biha aħna l-Maltin!! Iva, erħilna nikkritikaw f’kull okkażżjoni – lill-Knisja, lil min ikun imexxi, lil individwi, u dejjem sejrin… Tafu x’għandna nirrealizzaw? Li b’dan l-għajdut kollha, kważi ma jirnexxilna nbiddlu lil ħadd! Għandna ngħidu lilna nfusna: Hemm ħaġa waħda biss li żgur nista’ nibdel: LILI NNIFSI! U hekk għandna nippruvaw nagħmlu, imbagħad f’okkażjonijiet tajba u f’waqthom, nippruvaw niftħu għajnejn l-oħrajn b’mod dirett lilhom u mhux ngħidu fuq persuni minn wara daharhom, bla ma dawn jistgħu jitkellmu għalihom infushom.

Il-Papa Franġisku, fl-Angelus tal-Ħadd, 16 ta’ Frar 2014 jgħid hekk:

“Ġesù kien raġel prattiku; dejjem kien jitkellem bl-eżempji biex in-nies jifhmuh. Isemmi l-ħames kmandament: “Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx’;… Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh” (Mattew 5:21-22). B’dan Ġesù jfakkarna li anke l-kliem jista’ joqtol! Meta ngħidu li xi ħadd għandu lsien ta’ serp, xi jfisser? Ifisser li kliemu joqtol! għalhekk, mhux biss ħadd minna ma għandu jipprova jfittex ħajjet ħaddieħor, imma lanqas ma għandu ħadd iferragħ fuqu l-velenu tar-rabja u jolqtu bil-kalunnji. Lanqas ma għandna nparlaw fuq xulxin.

Ejja ngħidu kelma fuq it-tpaċpiċ żejjed: it-tpaċpiċ żejjed ukoll jista’ joqtol, għax jista’ joqtol il-fama tan-nies! Kemm hu ikrah it-tpaċpiċ żejjed! Fil-bidu jista’ jidher bħala xi ħaġa ta’ gost, li tagħti pjaċir, bħal meta nkunu qed nerdgħu ħelwa. Imma fl-aħħar, il-kliem żejjed jimlielna ‘l qalbna bil-qrusa, u jivvelena lilna wkoll.

Ngħidilkom il-verità, nemmen bis-sħiħ li jekk kull wieħed minna jagħmel sforz biex jiskarta l-kliem żejjed, fl-aħħar jispiċċa jsir qaddis! Hija triq sabiħa din tal-qdusija!

  • Nixtiequ nsiru qaddisin? Iva jew le?
  • Irridu ngħixu ħajjitna marbutin mad-drawwa tat-tpaċpiċ żejjed? Iva jew le?   

Mela ftehmna: Daqshekk paroli żejjed! Lil min jimxi warajh Ġesù jipproponilu l-milja tal-imħabba: imħabba li l-uniku limitu tagħha hu li m’għandhiex limitu, li tmur aktar ‘il hemm milli kull wieħed jista’ jaħseb. Fid-dawl ta’ dan it-tagħlim, hemm bżonn ta’ aktar imħabba, u l-preċetti kollha jingħaqdu fl-akbar kmandament: ħobb lil Alla b’qalbek kollha u ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.

Santa Tereża ta’ Kalkutta kienet tgħid: “Jekk int tiġġudika lin-nies, m’għandekx lok fejn tħobbhom”. Minflok tiġġudikom, Santa Katerina tal-Isvezja kienet titlob għan-nies, b’mod speċjali quddiem Ġesù Sagramentat u ħeġġet lil l-oħrajn biex jagħmlu l-istess. Imma kemm nemmnu tassew li bit-talb in-nies jinbidlu, jew aħjar jirċievu dak id-Dawl Divin li fih jistgħu jagħrfu x’inhu tajjeb jew ħażin? Din mhux kulħadd jifhimha imma biss min għandu fidi kbira: in-nies ta’ l-akbar poter fid-dinja, mhumiex il-gvernijiet u l-mexxejja tal-pajjiżi, imma dawk li fil-kwiet u bl-umiltà kollha jgħixu ħajja ta’ talb, talb ħerqan, talb li ma jaqtax, talb għalihom, talb għall-oħrajn, talb għall-Knisja, talb għad-dinja. Mat-talb, jgħaqqdu wkoll xi penitenzi, sawm u atti ta’ karità lejn il-proxxmu. Dawn u dawn biss ibiddlu l-istorja tad-dinja u jħallu d-dinja aħjar milli sabuha, għax jibdlu l-qlub tan-nies billi jdawwluhom riżultat tat-talb. Int temmnu dan? Tgħixu?

Talba: O Santa Katerina tal-Isvezja, nitolbuk bil-ħerqa biex tinterċedi għas-saċerdoti kollha, għar-reliġjużi u l-lajċi fil-Knisja, sabiex huma, flimkien ma’ bosta oħrajn li Alla għadu jsejjaħ għall-ħajja reliġjuża, saċerdotali u missjunarja, jagħtu lilhom infushom kompletament lil Alla f’ħajja ta’ servizz lill-umanità billi jxerrdu l-fidi f’għaqda waħda flimkien mal-Papa, mingħajr ma jkunu influwenzati mill-ispirtu ta’ sekulariżmu madwarna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-catherine-of-sweden.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-of-sweden-187

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Vadstena

The Life of Saint Catherine of Sweden on Gloria TV: https://gloria.tv/language/mKn9xGbZekLL1oBdzTvQap3Ku/video/MCtiNuNWMGFM1tB1vW14bdTe8

Saint Catherine of Sweden narrating about her mother Saint Bridget:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ Marzu: San Turibju ta’ Mongrovejo

Verżjoni Vidjo: San Turibju ta’ Mongrovejo

“Iż-żmien mhux tagħna. Għandna nagħtu kont tiegħu bir-reqqa.” – San Turibju ta’ Mongrovejo

Santo_ToribioSAN TURIBJU TA’ MONGROVEJO
Isqof
1538 – 1606

Tagħrif: San Turibju twieled f’Majorga, Spanja, fl-1538, minn familja nobbli, u kellu edukazzjoni soda. Studja fl-Università ta’ Salamanka, u baqa’ sakemm laħaq professur tal-liġi.

Fl-1575, ir-Re Filippu II, ħatru Prim Imħallef fil-qorti ta’ l-Inkwiżizzjoni ta’ Granada u Gran Inkwiżitur ta’ Spanja.

Fl-1580, meta l-Arċidjoċesi ta’ Lima sfat battala, ġie deċiż li Turibju li kien bniedem ta’ karattru sod u ta’ ħajja edifikanti, kien l-iktar persuna addattata biex timla l-post. Għalhekk, għalkemm kien lajk, u kontra x-xewqa tiegħu, ġie magħżul biex ikun l-Arċisqof tad-djoċesi ta’ Lima li kienet tinfirex fuq medda ta’ 640 km fuq il-kosta tal-Peru li kien taħt il-ħakma tal-Ispanjoli. Hekk ġie ordnat saċerdot u kkonsagrat Isqof, u fl-1581 mar il-Peru u beda l-ħidma tiegħu ta’ Arċisqof ta’ Lima.

Sa mill-bidu nett, l-Arċisqof Turibju ikkonfronta lill-Ispanjoli li kienu qed jimmaltrattaw lill-Peruvjani, u beda jaħdem bla serħan fost in-nies tiegħu li fil-maġġoranza tagħhom kienu foqra u għadhom lura. Huwa tgħallem il-lingwa tagħhom, u beda jżur kull rokna tad-Djoċesi, jitkellem ma’ kulħadd, jikkonverti u jgħammed ħafna minnhom.

Fil-25 sena li dam Arċisqof, waqqaf ħafna knejjes, monasteri u sptarijiet, u fl-1591, bena l-ewwel Seminarju fil-kontinent Amerikan, f’Lima. Jgħidu li San Turibju għamel il-Griżma tal-Isqof lil Santa Roża ta’ Lima, lil San Martin ta’ Porres, lil San Ġwann Massias u lil San Franġisk Solano.

Turibju baqa’ jaħdem sa mewtu, li ġrat fl-eta’ ta’ 68 sena fit-Tramuntana ta’ Lima waqt li kien jagħmel żjara pastorali. Kien t-23 ta’ Marzu tal-1606. Kien iddikjarat qaddis fl-1726.

Ħsieb: San Turibju tant kien igawdi fama tajba li ntbagħat biex isib rimedju għall-iskandli tal-kleru u tal-lajċi li kienu jfixklu l-konverżjoni tal-Perú. Hu ma riedx jaċċetta dik il-kariga: difatti hu kkwota l-kanoni kollha li kienu jipprojbixxu l-għoti ta’ dinjitajiet ekkleżjastiċi lil-lajċi, imma kien kollu ta’ xejn. Turibju kien ordnat saċerdot u isqof u mibgħut il-Perú fejn sab il-kolonjaliżmu fl-agħar forma tiegħu.

Għal 25 sena li ġew wara, Turibju ddedika l-enerġija kollha tiegħu għas-servizz tal-merħla tiegħu. Hu kien min-naħa għall-oħra jivjaġġa d-djoċesi kollha tiegħu bil-mixi, jesponi lilu nnifsu għall-klima taħraq (tikwi), annimali selvaġġi, mard tropikali, u perikli oħra biex jirriforma l-kleru u jgħallem il-poplu fil-fidi.

L-isforzi tiegħu għall-Knisja u għall-foqra kienu spiss jiġu mgħawġin min-nies fis-setgħa, iżda s-sodizza u l-paċenzja tal-qaddis kienu fl-aħħar jirbħu.

Il-Mulej tabilħaqq jikteb dritt fuq il-linji mgħawġin li ħafna drabi nagħmlulu aħna l-bnedmin. Minkejja li kontra qalbu, Turibju sar ragħaj Nisrani għal ħafna nies foqra u oppressi. Alla tah ir-rigal li jħobb lill-oħrajn bil-mod kif kien jeħtieġu. Imma din mhijiex biss l-esperjenza ta’ Turibju. Lilna wkoll il-Mulej jagħtina kontinwament ir-rigal tal-preżenza tal-oħrajn fil-ħajja tagħna u, minkejja li bħal San Turibju ta’ Mongrovejo, nippruvaw inġibu diversi skużi, xorta jibqa’ l-fatt li aħna l-insara msejħa biex inkunu ta’ dawl għal ħaddieħor.

Ħafna drabi fil-ħajja tagħna nħossuna li m’aħna kapaċi għal xejn. Minkejja li nippruvaw u nixtiequ ngħixu ħajja tajba, xorta naqgħu; bid-dnubiet, b’attitudnijiet, bil-kliem li ngħidu… IMMA Ġesù għandu fiduċja fina u rridu nħalluh jaħkimna. Ħalli lil Ġesù jirkeb miegħek fid-dgħajsa tiegħek; fil-ħajja tiegħek li hija mimlija.

Li tkun nisrani mhux lussu u privileġġ (Papa Franġisku). Li tkun nisrani mhux kumdità   (Madre Tereża). Li tkun nisrani mhux faċli. Hawn min qed jgħix il-Kristjaneżmu mhux biss fil-kumdità imma f’apatija. Importanti li nqumu fuq saqajna.

  • Inti konvint li fl-ambjent tiegħek sa tħalli ftit togħma u tkun ta’ dawl għall-oħrajn?
  • B’nofs ta’ kelma tista’ tkun ta’ kuraġġ, faraġ u ta’ dawl għal ħaddieħor, imma qed tagħmlu dan jew qed tibqa’ sieket?

Ġesù huwa d-dawl veru li għandu bżonn il-bniedem biex ixerred dan id-Dawl. Fejn qed insibuh u kif qed nużawh dan id-dawl? “Intom” qal Ġesù; jiġifieri aħna lkoll irridu nkunu dan id-dawl. Meta wieħed jgħix il-fidi, se jkollu d-dubji u t-tentazzjonijiet. Jekk ma nemmnux ma jkollnix, għax kollox jkun qisu xejn m’hu xejn. Kristu tana l-qawwa u ma nistgħux ma nużawhiex.

Irridu nħallu togħma tajba fil-familja, fuq il-post tax-xogħol u ma niddejqux ma nibżgħux inqumu kontra l-ħażen. Hekk għamel San Turibju ta’ Mongrovejo u hekk imsejħa biex nagħmlu aħna lkoll li nistqarru li aħna nsara mhux tal-isem biss.

Talba: O Alla, int kabbart il-Knisja tiegħek bil-ħidma appostolika ta’ l-isqof Turibju u bil-ħeġġa tiegħu għall-verità; agħmel li l-poplu ikkonsagrat lilek jikber dejjem iżjed fil-fidi u l-qdusija. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-turibius-of-mongrovejo.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-turibius-of-mogrovejo/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Turibius_of_Mogrovejo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Marzu: San Benvenuto Scotivoli

Verżjoni Vidjo: San Benvenuto Scotivoli

“Ftakru f’dawk li jmexxukom, dawk li wasslulkom  il-kelma ta’ Alla; aħsbu fuq it-tmiem ta’ ħajjithom, imxu fuq l-eżempju tal-fidi tagħhom.  Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem.  Tħallux li tinġibdu ‘l barra mit-triq b’tagħlim xorta oħra u barrani.” – Lhud 13:7-9a

17409652_10209295997780332_391142299_nSAN BENVENUTO SCOTIVOLI
Reliġjuż Franġiskan
†1282

Tagħrif: Twieled Ancona fis-seklu 13. Ingħaqad mal-Ordni Franġiskan li allura kien fl-ewwel snin tat-twaqqif tiegħu. Studja l-liġi kanonika f’Bolonja taħt Silvestru Gussolino, kanonku ta’ Osmo.

Fl-1 ta’ Awwissu, 1263, ġie nominat kappillan pontifiċju u amministratur tad-djoċesi ta’ Osimo, u s-sena ta’ wara kien konsagrat isqof.

Magħruf għar-rettitudni tiegħu, fl-1267 il-Papa Klement IV, inkarigah biex ikun il-gvernatur ta’ Marca di Ancona, u f’din il-kariga wera l-kapaċità tiegħu bħala amministratur. F’dan iż-żmien hu ordna saċerdot lill-patri Agostinjan Nikola ta’ Tolentino, li sar tant magħruf għall-mirakli li wettaq.

Bniedem ta’ fidi kbira u umiltà, kif ukoll ta’ kultura kbira teoloġika, Benvenuto ħadem ħafna mal-qaddis ta’ żmienu San Bonaventura fi żmien meta bdew jidhru l-ewwel sinjali ta’ qasma fil-familja kbira Franġiskana, li nqasmu fi tnejn: l-Osservanti (jew spiritwali) u l-Konventwali.

San Benvenuto Scotivoli kien Riformatur kbir li nqdew bih diversi Papiet, imma fuq kollox kien ir-ragħaj it-tajjeb li ġibed lejh l-imħabba kbira tal-merħla tiegħu.

San Benvenuto miet fit-22 ta’ Marzu, 1282, u kien midfun fil-knisja kattedrali ta’ Osimo fejn il-kleru u l-poplu malajr waqqfulu monument. Seħħew ħafna grazzji u mirakli fuq l-qabar tiegħu u l-kult lejh insibuh diġà fl-1308. Benvenuto qatt ma ġie kkanonizzat formalment, imma ġie magħżul Patrun tal-belt ta’ Osimo

ĦsiebSan Benvenuto Scotivoli kien Evanġelizzatur kbir ta’ żmienu li wassal it-tagħlim veru b’għaqal ta’ Ragħaj qaddis. Imma x’inhi l-Evanġelizzazzjoni? Li niltaqgħu aħna ma’ Kristu u li nlaqqgħu lill-oħrajn ma’ Kristu. Kważi erbgħin sena ilu fl-Enċiklika Evanġelii Nuntiandi (No. 22) il-Qaddis Papa Pawlu VI kiteb hekk: ‘Ma tista’ ssir l-ebda evanġelizzazzjoni jekk l-isem, it-tagħlim, il-ħajja, il-wegħdiet, is-saltna u l-misteru ta’ Ġesù ta’ Nazaret, l-iben t’Alla, ma jkunux imxandrin.’

Il-Papa emeritu Benedittu XVI darba qal: ‘Huwa biss meta niltaqgħu ma’ Alla l-ħaj fi Kristu li nsiru nafu l-ħajja x’inhi!’

Il-Papa San Girgor il-Kbir fil-Prologu tat-Tielet Ktieb tar-Regola Pastorali miktuba għall-isqfijiet tal-knisja fix-xogħol tagħhom ta’ rgħajja tal-erwieħ jagħtina formola importanti ta’ kif għandha ssir l-Evenġelizzazzjoni. Jikteb hekk: ‘Għalhekk kull għalliem, sa biex jibni lil kulħadd bil-virtù waħda tal-karità, għandu jmiss il-qlub ta’ dawk li jisimgħuh b’tagħlim wieħed, duttrina waħda, imma mhux bl-istess eżortazzjoni’.

Kemm rgħajja qaddisa bagħtilna l-Mulej! Kemm jibqa’ jħenn għalina biex forsi ma nintilfux! Kemm jibagħtilna nies f’ħajjitna li jkunu bħal anġli viżibli li bil-kliem u bl-għemil tagħhom jiddireġuna biex ngħixu kif irid Alla minna, minkejja t-taqlib u d-dlamijiet li dejjem se jiċċirkondawna fid-dinja. Le, mhux kulħadd jitħassar u jinġarr mal-kurrent tal-mod kif tgħix il-maġġoranza. Le, mhux kulħadd jaqbad it-triq il-wiesa’ li tagħti għat-telfien.

Xi ftit nies qalbiena, bit-talb li jagħtihom dak id-dawl tal-Ispirtu s-Santu u dak il-għerf li jiġi għand min irid jgħix l-għaqal tal-ġusti, jagħrfu jaqbdu t-triq id-dejqa li twassal għas-salvazzjoni. Mhux biss! Dawn jiddedikaw ħajjithom, l-enerġija tagħhom u kull ma jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jippruvaw juru t-triq id-dejqa, li hi dik l-inqas popolari, lil ħuthom il-bnedmin. Dawn jagħmluha b’att ta’ karità kbira u ġieli b’ħafna tbatija u oppożizjoni, anki minn dawk li sippost tistenna li se jappoġġjawk!

  • Kristu hu r-ragħaj it-tajjeb li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu u għoġbu jqiegħed fil-Knisja tiegħu rgħajja qaddisin bħala eżempju tat-tjieba u l-imħabba tiegħu; ejjew nitolbuh jibqa’ juri l-ħniena tiegħu magħna b’rgħajja bħalhom.
  • Huwa l-Mulej nnifsu li għadu jaqdi l-uffiċċju ta’ ragħaj spiritwali permezz ta’ dawk li jqiegħed f’Ismu fuq il-merħla tiegħu; ejjew nitolbuh biex iżommna dejjem fit-triq it-tajba taħt il-ħarsien tal-mexxejja tagħna.
  • Bil-qaddisin tiegħu, li f’idejhom jafda l-popli, Hu jurina lilu nnifsu bħala t-tabib tar-ruħ u tal-ġisem; ejjew nitolbuh biex ikompli fina bla heda l-ministeru tal-ħajja u l-qdusija.
  • Huwa Hu li jipprovdi bnedmin qaddisa biex jirgħu l-merħla Tiegħu bl-għaqal u bl-imħabba; ejjew nitolbuh biex ixerred id-doni tiegħu fuq ir-rgħajja spiritwali tagħna f’dawn il-gżejjer biex jagħrfu jqaddsuna.

Talba: O Alla, Dawl u Ragħaj ta’ dawk li jemmnu, Inti tibni l-Knisja tiegħek bid-don tal-Ispirtu u l-ministeru tar-rgħajja qaddisa, agħtina nitolbuk, li aħna u niċċelebraw bil-ferħ it-tifkira tal-isqof San Benvenuto Scotivoli, li nkunu xhieda tal-fidi li kien jgħallem bil-ħajja u bid-diskors u biex nimxu fit-triq li hu ħallielna bl-eżempju ta’ ħajtu. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=1745

Alternative Reading: http://www.santiebeati.it/dettaglio/46450

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benvenutus_Scotivoli

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started