4 ta’ Lulju: Santa Eliżabetta tal-Portugall

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta tal-Portugall

“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.” – Ġesù f’Mattew 5:9.

Sancta_Isabel_Regina_(1893)_-_Francisco_Vilaça.png

SANTA ELIŻABETTA TAL-PORTUGALL
Reġina
1271 – 1336

Tagħrif: Santa Eliżabetta twieldet f’Aragona, il-Portugall, f’familja rjali. Missierha kien ir-Re Pietru III ta’ Aragona.

Meta kellha tnax il-sena, iżżewġet lir-Re Denis tal-Portugall. Kellhom żewġt itfal.

Minkejja l-infedeltà ta’ żewġha, hija baqgħet devota lejh, tant li saħansitra kienet tieħu ħsieb it-tfal illeġittimi tiegħu u ma ttraskuratx il-ħajja spiritwali tagħha.

Hija tat ruħha għas-servizz tal-fqar, u fetħet sptar f’Coimbra, orfanatrofju u dar għan-nisa f’Torres Novas.

Barra mill-ħajja ħażina ta’ żewġha, kellha tħabbat wiċċha ma’ ħafna ġlied serju fil-familja, li hi b’ħafna għaqal u paċenzja kienet tagħraf issolvi, u tnissel il-paċi. Bħal meta darba żewġha ġġieled ma’ ħuh fuq xi propjetà. Darb’oħra binha Alfonso qajjem armata biex jeħodha kontra missieru li kien jagħmel preferenzi mal-ulied illeġittimi tiegħu, u hi ta’ 52 sena daħlet bejn l-armati li kienu lesti għall-ġlied u baqgħet sa ma ġabet il-paċi. Darb’oħra, binha Alfonso ried joqtol lir-raġel ta’ bintu Marija għax kien jaħqarha u Santa Eliżabetta ta’ 65 sena ħalliet il-kunvent biex iġġib il-paċi bejniethom.

Wara l-mewt ta’ żewġha, daħlet Terzjarja Franġiskana u marret tgħix f’kunvent tal-Klarissi.

Mietet fl-4 ta’ Lulju 1336, wara li rċeviet is-sagramenti waqt li kienet qed titlob mas-sorijiet.

Xi mitejn sena wara, meta kien hemm bżonn li jinfetaħ il-qabar fejn kienet midfuna sabu ġisimha talikwali, bla ma tħassar. Il-Papa Urbanu VIII iddikjaraha Qaddisa fl-1625.

Ħsieb: Din il-qaddisa, magħrufa wkoll bħala Isabella, kienet ukoll pro-neputija ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija u kienet tixbaha kemm fil-virtujiet kif ukoll fis-sofferenzi li ġarrbet. L-imġiba tar-re għall-ewwel kienet waħda tajba. Hu waqqaf sptarijiet u skejjel; imma mbagħad fil-ħajja privata tiegħu kien kawża ta’ ħafna niket għal Eliżabetta u kien ukoll jittradiha. Hi kienet omm eżemplari għal uliedha, u reġina ġeneruża għall-poplu tagħha. Tat ruħha għas-servizz tal-foqra u tal-morda u l-eżempju tagħha kien twiddib kontinwu għal dawk ta’ madwarha.

Meta l-firda iddeġenerat fi ġlieda bil-miftuħ, il-kuraġġ tagħha kien il-kawża li fl-aħħar mument ma nxteridx id-demm: hi marret riekba fuq iż-żiemel fil-post tal-battalja bejn iż-żewġ gruppi ostili, bil-kurċifiss f’idejha. Hi kienet fidila għal Alla, u sal-aħħar jiem ta’ ħajjitha kienet iddedikata għall-kawża tal-paċi u l-karità.

Hija rabbiet it-tfal illeġittmi ta’ żewġha, daret bih b’dedikazzjoni fl-aħħar marda tiegħu u wasslitu biex għamel mewta qaddisa. Imbagħad bħala Terzjarja Franġiskana għexet ħdejn monasteru tal-Klarissi li hija waqqfet f’Coimbra. Iżda hija mietet f’Estremoz fil-Portugall, fejn marret mal-armata ta’ binha fuq l-aħħar missjoni ta’ paċi. Għalkemm irnexxielha tirrikonċiljah man-neputi tagħha, is-sultan ta’ Kastilja, il-vjaġġ u s-sħana tas-sajf kienu l-kawża ta’ mewtha.

Ix-xogħol tal-promozzjoni tal-paċi huwa xejn ħlief sforz kalm u kwiet. Trid moħħ ċar, spirtu stabbli u ruħ kuraġġuża biex tintervjeni bejn in-nies li l-emozzjonijiet tagħhom huma hekk qliel li lesti li jeqirdu lil xulxin. Dan huwa minnu fil-każ ta’ din il-mara li għexet fil-bidu tas-seklu 14. Imma Eliżabetta kellha mħabba u simpatija profonda u sinċiera għall-bnedmin, nuqqas ta’ tħassib kważi totali għaliha nnfisha, u kunfidenza totali f’Alla. Dawn kienu l-għodod tas-suċċess tagħha.

Hawn min jagħmel lilu nnifsu strument li jġib il-paċi u jnissel l-imħabba; hawn min ifittex li jaqla’ l-inkwiet u jiżra’ l-mibegħda. Biex tevita l-inkwiet u l-miżerja li l-ġlied iġib miegħu, Santa Eliżabetta ġieli ssugrat saħħitha u saħansitra ħajjitha. Aħna kemm nixbhuha, fid-dar tagħna, fil-post tax-xogħol, fis-soċjetà? Kemm innisslu paċi kull fejn nersqu?

Talba: O Alla, li tnissel il-paċi u tgħożż lil min jagħti xhieda ta’ l-imħabba, int żejjint lil Santa Eliżabetta tal-Portugall bil-grazzja tal-għaġeb li tgħaqqad fil-paċi lil dawk li kienu mifruda bit-tilwim; bit-talb tagħha, agħtina li aħna wkoll naħdmu ħalli nġibu l-paċi, biex nistgħu nissejħu wliedek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2015/07/st-elizabeth-of-portugal.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-elizabeth-of-portugal/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_of_Aragon

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started