5 ta’ Lulju: San Anton Marija Zaccaria

Verżjoni Vidjo: San Anton Marija Zaccaria

“Irridkom tkunu lkoll qaddisin, u qaddisin mhux żgħar.” – Hekk kien iħobb jirrepeti San Anton Marija Zaccaria lill-ulied spiritwali tiegħu.

039

SAN ANTON MARIJA ZACCARIA
Saċerdot
1502-1539

Tagħrif:  San Anton twieled fi Cremona, l-Italja, fl-1502. Kien għadu ta’ ftit xhur u ommu kellha biss tmintax-il sena meta tilef lil missieru. Iżda ommu, li kienet mara qaddisa, ħadet ħsiebu sew u ma setgħetx ittellgħu aħjar.

Studja l-mediċina fl-Università ta’ Padova u fl-1524, meta kellu tnejn u għoxrin sena, laħaq tabib. Mar jaħdem f’pajjiżu, iżda ma damx ma beda jħoss li għandu jagħmel aktar ġid lir-ruħ milli lill-ġisem, għalhekk filwaqt li kompla jipprattika l-professjoni tiegħu beda jistudja biex isir saċerdot, u qaddes fl-1528, meta kellu sitta u għoxrin sena.

Wara l-ordinazzjoni tiegħu mar Milan u hemm daħal fil-konfraternità tal-Għerf Divin.

Bil-għajnuna tal-Kontessa ta’ Guastella waqqaf Komunità ta’ sorijiet bl-isem ta’ “Anġeliċi ta’ San Pawl.” Wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha kien li l-membri jieħdu ħsieb it-tfajliet u n-nisa li jkunu qabdu jew ser jaqbdu ħajja ħażina. Dan kien l-ewwel Ordni ta’ sorijiet li kien mogħti għall-appostolat dirett bla rabta tal-klawsura.

Fl-1530 waqqaf l-Ordni tal-“Kjeriċi Regulari ta’ San Pawl” li l-għan prinċipali tiegħu kien it-tiġdid tal-kult Kattoliku u tal-ħajja nisranija bil-prietki u bl-amministrazzjoni tas-Sagramenti. Billi ċ-ċentru tal-Ordni kien il-knisja ta’ San Barnaba, il-patrijiet ġew imsejħa Barnabiti.

Hu kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jipprietka fil-knejjes u fit-toroq, ġeneralment fuq il-passjoni ta’ Ġesù. Kienet bil-ħila tiegħu li xterdet id-devozzjoni tal-Kwaranturi, jiġifieri adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija għal erbgħin siegħa konsekuttivi bħala tifkira ta’ kemm Ġesù dam fil-qabar mid-difna sal-qawmien tiegħu. Kien hu wkoll li daħħal fil-Knisja d-drawwa li jindaqqu l-qniepen kull nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.

Meta kien qed jipprietka fil-belt ta’ Guastella ħassu ħażin, ħaduh Cremona fid-dar ta’ ommu li kienet għadha ħajja, fejn miet fl-età ta’ 37 sena, fil-5 ta’ Lulju, 1539.

Sebgħa u għoxrin sena wara mewtu sabu ’l ġismu għadu sħiħ. Ġie kkanonizzat fis-27 ta’ Mejju, 1897 mill-Papa Ljun XIII.

Ħsieb: Omm Anton-Marija Zaccaria li kienet żagħżugħa meta miet żewġha, irrifjutat li terġa’ tiżżewweġ biex tiddedika ruħha għall-edukazzjoni ta’ binha u f’opri ta’ karità.

Anton-Marija kien konxju ħafna tat-tbatijiet tan-nies ta’ żmienu, u xewqan li jfejjaqhom iżjed mill-ġrieħi tar-ruħ aktar milli minn dawk tal-ġisem, għalhekk aktar tard, wieġeb għas-sejħa li jsir saċerdot.

Minbarra ż-żewġ fundazzjonijiet, huwa waqqaf ukoll it-tielet waħda bl-isem, “I Maritati di San Paolo,” li tinvolvi lajċi miżżewġa f’impenn appostoliku kostanti.

Billi kien mixli bħala eretiku u ribell, il-qaddis kellu jmur Ruma, imma kien dikjarat meħlus minn kull akkuża.

Il-drawwa tal-40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat u tad-daqq tal-qniepen nhar ta’ Ġimgħa fit-3.00 p.m. b’tifkira tal-mewt ta’ Kristu, jeżistu wkoll fostna l-Maltin u l-Għawdxin.

San Anton Marija Zaccaria miet mifni bix-xogħol iebes u bil-penitenzi, waqt waħda mill-missjonijiet tiegħu fi Guastella. Minkejja li l-ordni tiegħu llum jgħodd inqas minn 500 membru, għandhom diversi missjonijiet fil-Brażil, fiċ-Ċile, fl-Arġentina, fil-Kongo u fl-Afganistan.

L-awsterità tal-ispiritwalità ta’ San Anton Marija Zaccaria u l-qawwa tal-predikazzjoni tiegħu, probabbilment kienet tqanqal reazzjoni ħażina f’ħafna nies illum. Meta anke xi psikjatri jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ sens tad-dnub, jista’ jkun il-waqt li ngħidu lilna nfusna li mhux kull ħażen huwa spjegat minn diżordni emozzjonali, subkonxji u passjonijiet tas-sensi, influwenza tal-ġenituri, eċċ. Il-prietki dwar il-mewt u l-infern fi żminijietna donnhom jidhru antikwati. Minflok dawn, illum tajna lok għal omeliji pożittivi, inkoraġġanti u Bibliċi. Huwa veru li neħtieġu l-assigurazzjoni tal-maħfra, inqas ansjetà, u ġejjieni mimli tama. Imma għadna bżonn profeti biex iqajmuna mir-raqda li ninsabu fiha u jgħidulna li: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina” (1 Ġwanni 1: 8).

  • U int, kemm int konxju tal-mewt, ġudizzju, infern u ġenna hekk li qed tgħix b’dawn f’moħħok?
  • X’qed tikkontribwixxi ta’ ġid għall-proxxmu tiegħek?
  • Probabbilment ma tistax twaqqaf kongregazzjonijiet, imma qiegħed bħal San Anton Marija Zaccaria tnissel ferħ, hena, paċi, faraġ, bi kliemek, bl-imġiba tiegħek, bl-eżempju tiegħek u bil-mod kif iġġib ruħek ma’ ħaddieħor?
  • Tagħmel użu mill-bosta adorazzjonijiet Ewkaristiċi li jiġu organizzati fil-knejjes tagħna jew mill-kappelel tal-adorazzjoni li għandna miftuħa għal ħin twil kważi f’kull belt jew raħal?

Talba: Agħtina, Mulej, li nimxu fuq l-għerf ta’ Kristu, li jisboq kull għerf ieħor, u nitgħallmuh skont l-ispirtu ta’ l-appostlu San Pawl, kif tgħallmu Sant’Anton Marija Zaccaria, biex seħħlu jxandar bla heda l-bxara tas-salvazzjoni lill-Knisja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-anthony-mary-zaccaria-529

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-anthony-zaccaria/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_Maria_Zaccaria

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started