6 ta’ Lulju: Santa Marija Goretti

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Goretti

“Lanqas jekk iqattgħu ġismi biċċiet biċċiet ma noffendi lill-maħbub tiegħi Ġesù bid-dnub.” – Santa Marija Goretti.

St Maria Goretti 2

SANTA MARIJA GORETTI
Verġni u Martri
1890 – 1902

Tagħrif: Santa Marija Goretti twieldet f’Corinaldo, l-Italja, fl-1890. Kienet it-tielet fost sebat itfal ta’ familja fqira. Hija qatt ma marret skola u għalhekk ma tgħallmitx taqra u tikteb. Ommha wkoll kienet illitterata.

Meta Marija kellha disa’ snin il-familja tagħha marret toqgħod f’Nettuno, qrib Ruma, minħabba x-xogħol. Sena wara missierha miet.

Ta’ ħdax-il sena Marija għamlet l-Ewwel Tqarbina. Ħafna mill-katekiżmu tgħallmitu mingħand ommha li kienet tafu bl-amment.

Għal xi żmien il-familja Goretti kienet taqsam id-dar ma’ familja oħra. Wieħed mit-tfal tal-familja l-oħra, Alessandro Serenelli, li kellu tmintax-il sena, kien spiss iħajjar lil Marija għad-dnub u hi kienet dejjem tieqaflu. Kien ukoll jheddidha li jekk tgħid xi ħaġa joqtol lilha u lil ommha.

Fil-5 ta’ Lulju 1902, Marija kienet qed traqqa’ qmis meta ġie fuqha Alessandro u ttanta jieħu kunfidenza magħha. Hi bħas-soltu waqfitlu u bdiet tgħidlu li dak kien dnub u li Alla ma riedx li jagħmlu hekk. Hu qabadha u daħħalha bil-fors fil-kamra tas-sodda waqt li hi baqgħet tirreżistih u tgħajjat għall-għajnuna. Tant irrabja li beda jsawwatha u saħansitra qabad sikkina u beda jagħtiha biha bla ħniena.

Ħaduha l-isptar fejn it-tobba ħadmu għal sigħat sħaħ biex isalvawlha ħajjitha, iżda wara li ħafret minn qalbha liż-żagħżugħ u rċeviet il-vjatku, mietet fil-preżenza ta’ ommha, wara madwar erbgħa u għoxrin siegħa.

Alessandro kien ikkundannat tletin sena ħabs. Sa tmien snin wara kien għadu ma nidimx, sakemm lejl wieħed ħolom jew ra viżjoni ta’ Marija qed taqta’ l-fjuri u toffrihomlu. Din id-dehra tant laqtitu li biddel ħajtu. Meta ħareġ mill-ħabs wara sebgħa u għoxrin sena baqa’ sejjer dritt għand omm Marija u talabha taħfirlu. Wara daħal Fratell mal-Patrijiet Kapuċċini.

Id-devozzjoni lejn din il-martri ċkejkna malajr xterdet u bdew isiru l-mirakli għat-talb tagħha, u f’inqas minn ħamsin sena wara, il-Papa Piju XII ikkanonizzaha fil-25 ta’ Lulju, 1950.

Għall-kanonizzazzjoni tagħha kien hemm folla rekord ta’ 250,000 ruħ u ċ-ċerimonja kellha għall-ewwel darba ssir barra fil-pjazza quddiem il-Bażilka ta’ San Pietru. Ommha, li kellha mal-85 sena, u tlieta minn ħutha kienu preżenti. Hekk ukoll Alessandro, li kellu 66 sena, kien fost dik il-folla enormi, għarkupptejh jibki, b’għajnejh mimlijin dmugħ ta’ ferħ. Kienet ġrajja unika fl-istorja tal-Knisja.

Ħsieb: Meta ta’ ħdax-il sena, Marija għamlet l-Ewwel Tqarbina, hija mmaturat il-proponiment tagħha li tmut qabel ma tikkommetti d-dnub, Marija sofriet il-martirju għall-għożża tas-safa meta kellha ftit inqas minn tnax-il sena, ħames ġimgħat biss wara l-ewwel tqarbina tagħha. “Le,” hija qalet lil Alessandro, “Alla ma jridx din il-ħaġa. Din dnub: inti tmur l-infern jekk tagħmilha,” u kompliet tgħidlu li kienet lesta li tmut milli tagħmel dak id-dnub.

Marija, mhux biss ħafret lil Alessandro qabel mietet, iżda qalet li kellha tiftakar fih fil-ġenna. Hija ġiet imsejħa Santa Anjeże tas-seklu 20, u tqiegħdet bħala protettriċi u mudell tat-tfajliet insara.

Marija seta’ kellha problemi bil-katekiżmu, iżda hija ma kellha l-ebda problema fil-fidi. Ir-rieda ta’ Alla kienet il-qdusija, id-diċenza, ir-rispett għall-ġisem, ubbidjenza assoluta u fiduċja totali. F’dinja kumplessa, il-fidi tagħha kienet sempliċi: Huwa privileġġ li tkun maħbub/a minn Alla, u li tħobb lilu – ikun xi jkun il-prezz li trid tħallas.

Kemm-il darba nkun naħseb fuq il-ħwejjeġ tas-sema, u ħsibijiet tad-dinja jiġu bla rażan itellfuni mis-safa! Ħalli nġib quddiem għajnejja lill-qaddisa Santa Marija Goretti, li tagħha qed niċċelebraw il-festa llum. Din ippreferiet tmut milli tagħmel id-dnub.

Ejjew nitolbu lil Santa Marija Goretti, biex hi li bil-qawwa tal-grazzja t’Alla, għalkemm fl-età ta’ tnax-il sena, ma qagħaditx taħsibha biex ixxerred demmha u tissagrifika ħajjitha biex tipproteġi l-verġinità tagħha, tħares ħarsa ħelwa fuq il-bniedem tal-lum li ħafna drabi ma jaħsibhiex darbtejn biex jitbiegħed mit-triq tas-salvazzjoni billi jaqa’ fi dnubiet kontra s-safa, b’mod speċjali fi żmien meta l-pornografija hija għafsa ta’ ftit buttini ‘l bogħod!

Ejjew nitolbuha tgħallimna, b’mod speċjali liż-żgħażagħ tagħna, li għall-imħabba ta’ Ġesù, għandna fil-pront u bil-kuraġġ kollu naħarbu dak kollu li joffendi lil Alla, jew li jtebba’ lir-ruħ bid-dnub. Nitolbuha biex taqlgħalna mingħand il-Mulej, ir-rebħa fuq it-tentazzjonijiet u s-serħan mid-dwejjaq tal-ħajja, ħalli meta jmiss lilna, aħna wkoll inkunu nistgħu nidhru safja quddiem Alla u jkun jistħoqqilna li ngawduh għal dejjem fil-glorja tal-ġenna.

  • “Lanqas jekk iqattgħu ġismi biċċiet biċċiet ma noffendi lill-maħbub tiegħi Ġesù bid-dnub.” Hekk stqarret Santa Marija Goretti u tassew baqgħet soda sal-aħħar fil-proponiment li għamlet anki fil-mumenti tal-akbar prova! U inti, kapaċi tgħid dan il-kliem u tgħixu verament fil-mumenti tal-prova tiegħek?

Talba: O Alla, għajn tal-innoċenza, ħabib ta’ l-erwieħ safja, inti tajt il-grazzja tal-martirju lill-qaddejja tiegħek Marija Goretti meta kienet għadha fil-fjur ta’ ħajjitha; bħalma lilha żejjintha bil-kuruna tar-rebħa wara taqbida ħarxa, hekk ukoll, bit-talb tagħha, agħmel li aħna nibqgħu sħaħ fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-maria-goretti-530

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-maria-goretti/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Goretti

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started