3 ta’ Lulju: San Tumas

Verżjoni Vidjo: San Tumas

“Umbagħad qal lil Tumas: ‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.’ Wieġeb Tumas u qallu: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.’ – Ġesù li Tumas fi Ġwanni 20:27-29.

19-04-05-011

SAN TUMAS
Appostlu
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Tumas kien Lhudi, aktarx sajjied mill-Galilija. Ismu bis-sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didimus. Ġesù sejjaħlu biex ikun wieħed mit-tnax-il appostlu tiegħu.

Insibu ismu erba’ darbiet fil-Vanġelu ta’ San Ġwann.

L-ewwel darba: Ġesù kien sejjer Betanja biex iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Waqt li d-dixxipli l-oħra beżgħu u qalu lil Ġesù biex ma jmurx għax l-għedewwa tiegħu kienu ifittxuh biex joqtluh, San Tumas qabeż u qal: “Ejjew immorru aħna wkoll biex immutu miegħu” (Ġwanni 11:16).

It-tieni darba: fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qal: “U fejn sejjer jien, intom tafu t-triq.” Qabeż San Tumas u qallu: “Mulej, ma nafux fejn sejjer, mela kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù qallu: “Jiena t-triq u s-sewwa u l-ħajja” (Ġwanni 14: 4-6).

It-tielet darba: f’Ħadd il-Għid Ġesù deher lid-dixxipli waqt li kienu fiċ-ċenaklu u Tumas ma kienx magħhom. Imbagħad b’entużjażmu kbir qalulu li kienu raw lil Ġesù, iżda Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh sinjal l-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-marki tal-imsiemer u idi f’ġenbu, ma nemminx.” Minn hawn ġejja l-espressjoni: “Jien bħal San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss b’idejja biex nemmen.” Meta ġimgħa wara Ġesù reġa’ dehrilhom u Tumas kien magħhom, Ġesù stieden lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ idejh u idu fil-pjaga tal-kustat. U Tumas b’fidi qawwija qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġwanni 20:28)

Ir-raba’ darba: meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija, isem Tumas insibuh ma’ dawk li kienu preżenti. (Ġwanni 21:2)

Tradizzjoni qawwija tgħid li wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu, San Tumas mar jipprietka l-Vanġelu lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa daħal fl-Indja, fil-kosta ta’ Malabar fejn illum ħafna min-nies tal-post isejħu lilhom infushom “L-Insara ta’ San Tumas.”

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza, fl-Indja, u jinsab midfun f’Maljapore fil-knisja kbira, San Thome, xi tlettax-il kilometru ’l bogħod minn Madras.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-Papa San Girgor il-Kbir fuq l-Evanġelji bit-titlu ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’:

“Wieħed mit-tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Dan il-wieħed mit-Tnax kien għadu barra, u meta reġa’ daħal sema’ x’ġara imma ma riedx jemmen li qalulu. Il-Mulej reġa’ ġie, sejjaħ lid-dixxiplu li ma riedx jemmen, tah ġenbu biex imissu, wrieh idejh u, kif ħallieh jara l-marka tal-ġrieħi tiegħu, fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi. X’taraw f’dan kollu, ħuti għeżież? Dak id-dixxiplu magħżul minn Kristu kien barra, ġie u sema’, sema’ u ġieħ dubju, ġieħ dubju u resaq imiss, mess u emmen. Jidhrilkom li dan kollu ġara bla ħsieb?

Le, mhux bla ħsieb, imma għax Alla stess ried hekk. Fil-ħniena kbira tiegħu, Alla mexa b’mod tal-għaġeb għax meta lil dak id-dixxiplu, li ma emminx, riedu jmiss il-ġrieħi fil-ġisem tal-Imgħallem, huwa fejjaq lilna mid-deni tan-nuqqas ta’ fidi. Tumas, li kien hekk tqil biex emmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mid-dixxipli l-oħra li emmnu; huwa emmen għax mess b’idejh stess, u bis-saħħa ta’ dan aħna wkoll nistgħu nneħħu kull dubju u nitwettqu fil-fidi. Huwa tana xhieda li Kristu qam tassew mill-imwiet sewwasew għax, billi ma emminx, resaq u mess b’idejh il-ġisem ta’ Kristu.

Mess, u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni!’ Issa l-Appostlu Pawlu jgħid: ‘Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li fihom għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux. Dawn l-kelmiet juruna ċar li l-fidi hija l-prova ta’ dawk il-ħwejjeġ li ma nistgħux naraw; għax dak li naraw ma jaqax taħt il-fidi imma taħt l-għarfa. Mela Ġesù għaliex qallu, ‘Emmint għax rajtni’ lil Tumas wara li messu? Għax Tumas ra ħaġa, u emmen oħra. Ebda bniedem li jmut ma jista’ jara lil Alla. Mela Tumas ra l-bniedem u emmen li hu Alla, bħalma stqarr u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Ra u emmen, ħares lejn dak li kien bniedem tassew, u stqarr fih lil dak li ma setax jara, lil Alla.

Huwa ta’ ferħ kbir għalina l-kliem li mbagħad qallu: ‘Henjin dawk li ma rawx u emmnu. ‘Dan il-kliem qiegħed għalina b’mod speċjali, għalina li nżommu f’moħħna lil dak li ma rajniehx b’għajnejna. Iżda qiegħed għalina sakemm nuru l-fidi tagħna bl-għemil. Għax jemmen tassew min jagħmel skont ma jemmen. Għal dawk li jemmnu bil-kliem biss, Pawlu jgħid: ‘Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh.’ U Ġakbu jżid: ‘Il-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.’ “

Filwaqt li San Tumas stqarr il-fidi tiegħu Papa Benedittu XVI jgħid: “Oħrajn jistqarru biss il-Kredu fil-Quddiesa tal-Ħadd.” M’għandniex xi ngħidu, hija ħaġa ta’ min ifaħħarha min imur il-Quddies tal-Ħadd u jistqarr il-Kredu. Iżda dal-kliem tal-Papa jfisser li n-Nisrani huwa mistenni minnu li dak li jistqarr fil-Kredu bil-fomm fil-quddiesa tal-Ħadd, irid jistqarru tul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Mhux neċessarjament li jistqarru bil-fomm, imma mill-mod kif jaġixxi fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, xogħol, dar, ħin ta’ mistrieħ, divertiment, irid jirrifletti dak li hu jistqarr fil-Kredu tiegħu.

Il-Papa Franġisku, (3 ta’ April, 2013) jgħid li:

“Għal Alla, li tiswa hi l-qalb, kemm aħna miftuħin għalih, jekk aħniex bħal tfal li jafu jafdaw. Imma dan iġegħelna nirriflettu wkoll fuq kif in-nisa, fil-Knisja u fil-mixja tal-fidi, kellhom u anki l-lum għandhom rwol partikulari li bih jiftħulna l-bibien għall-Mulej, jimxu warajh u jħabbru l-wiċċ tiegħu, għax il-ħarsa tal-fidi dejjem għandha bżonn tal-ħarsa sempliċi u profonda tal-imħabba. L-Appostli u d-dixxipli jsibuha iżjed bi tqila biex jemmnu. In-nisa le. Pietru jiġri lejn il-qabar, imma jieqaf mal-qabar vojt; Tumas irid imiss b’idejh il-ġrieħi tal-ġisem ta’ Ġesù. Anki fil-mixja tal-fidi tagħna hu importanti li nkunu nafu u nħossu li Alla jħobbna, u ma nibżgħux inħobbuh: il-fidi tiġi mistqarra bil-fomm u bil-qalb, bil-kelma u bl-imħabba.”

Jingħad li darba vapur tal-passiġġieri nqabad f’maltempata tal-biża’. Kulħadd kien imwerwer barra tifel ta’ xi sitt snin li ma waqafx jilgħab u jiġri minn naħa għal oħra. Xi ħadd staqsieh: “Ibni, maltempata bħal din, m’intix tibża’?” “Le,” wieġeb it-tifel, “missieri l-kaptan.” Fil-virtù tal-fidi jrid ikollna din l-fiduċja għamja ta’ dan it-tifel f’missieru. Nemmen mhux għax nifhem kulma nistqarr imma għax naf li dak li kellimni ma jqarraqx. Nemmen għax għalkemm naf li moħħi hu limitat u ma jiflaħx jifhem u jikkomprendi dak li hu traxxendentali, dak li hu divin, persważ li min qaluli jħobbni u mhux se jqarraq bija.

  • U int, kemm hi kbira l-fidi u l-fiduċja tiegħek fil-Mulej?

Talba: Glorjuż San Tumas, id-dulur tiegħek lejn Ġesù kien tant kbir li ma ħalliekx temmen li hu qam mill-mewt sakemm ma tarax u tmiss il-pjagi tiegħu. Imma l-imħabba tiegħek lejn Ġesù kienet daqstant qawwija li tajt ħajtek għalih. Itlob għalina biex aħna jiddispjaċina għal dnubietna li kienu l-kaġun tat-tbatija ta’ Kristu. Għinna biex nagħtu lilna nfusna għas-servizz tiegħu, ħalli naqalgħu t-titlu ta’ “imbierka,” dak li Ġesù sejjaħ lil dawk li ma rawx u emmnu fih. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/st-thomas-the-apostle

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-thomas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_the_Apostle

Saint Thomas movie:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started