3 ta’ Lulju: San Tumas

Verżjoni Vidjo: San Tumas

“Umbagħad qal lil Tumas: ‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.’ Wieġeb Tumas u qallu: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.’ – Ġesù li Tumas fi Ġwanni 20:27-29.

19-04-05-011

SAN TUMAS
Appostlu
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Tumas kien Lhudi, aktarx sajjied mill-Galilija. Ismu bis-sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didimus. Ġesù sejjaħlu biex ikun wieħed mit-tnax-il appostlu tiegħu.

Insibu ismu erba’ darbiet fil-Vanġelu ta’ San Ġwann.

L-ewwel darba: Ġesù kien sejjer Betanja biex iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Waqt li d-dixxipli l-oħra beżgħu u qalu lil Ġesù biex ma jmurx għax l-għedewwa tiegħu kienu ifittxuh biex joqtluh, San Tumas qabeż u qal: “Ejjew immorru aħna wkoll biex immutu miegħu” (Ġwanni 11:16).

It-tieni darba: fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qal: “U fejn sejjer jien, intom tafu t-triq.” Qabeż San Tumas u qallu: “Mulej, ma nafux fejn sejjer, mela kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù qallu: “Jiena t-triq u s-sewwa u l-ħajja” (Ġwanni 14: 4-6).

It-tielet darba: f’Ħadd il-Għid Ġesù deher lid-dixxipli waqt li kienu fiċ-ċenaklu u Tumas ma kienx magħhom. Imbagħad b’entużjażmu kbir qalulu li kienu raw lil Ġesù, iżda Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh sinjal l-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-marki tal-imsiemer u idi f’ġenbu, ma nemminx.” Minn hawn ġejja l-espressjoni: “Jien bħal San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss b’idejja biex nemmen.” Meta ġimgħa wara Ġesù reġa’ dehrilhom u Tumas kien magħhom, Ġesù stieden lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ idejh u idu fil-pjaga tal-kustat. U Tumas b’fidi qawwija qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġwanni 20:28)

Ir-raba’ darba: meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija, isem Tumas insibuh ma’ dawk li kienu preżenti. (Ġwanni 21:2)

Tradizzjoni qawwija tgħid li wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu, San Tumas mar jipprietka l-Vanġelu lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa daħal fl-Indja, fil-kosta ta’ Malabar fejn illum ħafna min-nies tal-post isejħu lilhom infushom “L-Insara ta’ San Tumas.”

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza, fl-Indja, u jinsab midfun f’Maljapore fil-knisja kbira, San Thome, xi tlettax-il kilometru ’l bogħod minn Madras.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-Papa San Girgor il-Kbir fuq l-Evanġelji bit-titlu ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’:

“Wieħed mit-tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Dan il-wieħed mit-Tnax kien għadu barra, u meta reġa’ daħal sema’ x’ġara imma ma riedx jemmen li qalulu. Il-Mulej reġa’ ġie, sejjaħ lid-dixxiplu li ma riedx jemmen, tah ġenbu biex imissu, wrieh idejh u, kif ħallieh jara l-marka tal-ġrieħi tiegħu, fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi. X’taraw f’dan kollu, ħuti għeżież? Dak id-dixxiplu magħżul minn Kristu kien barra, ġie u sema’, sema’ u ġieħ dubju, ġieħ dubju u resaq imiss, mess u emmen. Jidhrilkom li dan kollu ġara bla ħsieb?

Le, mhux bla ħsieb, imma għax Alla stess ried hekk. Fil-ħniena kbira tiegħu, Alla mexa b’mod tal-għaġeb għax meta lil dak id-dixxiplu, li ma emminx, riedu jmiss il-ġrieħi fil-ġisem tal-Imgħallem, huwa fejjaq lilna mid-deni tan-nuqqas ta’ fidi. Tumas, li kien hekk tqil biex emmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mid-dixxipli l-oħra li emmnu; huwa emmen għax mess b’idejh stess, u bis-saħħa ta’ dan aħna wkoll nistgħu nneħħu kull dubju u nitwettqu fil-fidi. Huwa tana xhieda li Kristu qam tassew mill-imwiet sewwasew għax, billi ma emminx, resaq u mess b’idejh il-ġisem ta’ Kristu.

Mess, u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni!’ Issa l-Appostlu Pawlu jgħid: ‘Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li fihom għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux. Dawn l-kelmiet juruna ċar li l-fidi hija l-prova ta’ dawk il-ħwejjeġ li ma nistgħux naraw; għax dak li naraw ma jaqax taħt il-fidi imma taħt l-għarfa. Mela Ġesù għaliex qallu, ‘Emmint għax rajtni’ lil Tumas wara li messu? Għax Tumas ra ħaġa, u emmen oħra. Ebda bniedem li jmut ma jista’ jara lil Alla. Mela Tumas ra l-bniedem u emmen li hu Alla, bħalma stqarr u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Ra u emmen, ħares lejn dak li kien bniedem tassew, u stqarr fih lil dak li ma setax jara, lil Alla.

Huwa ta’ ferħ kbir għalina l-kliem li mbagħad qallu: ‘Henjin dawk li ma rawx u emmnu. ‘Dan il-kliem qiegħed għalina b’mod speċjali, għalina li nżommu f’moħħna lil dak li ma rajniehx b’għajnejna. Iżda qiegħed għalina sakemm nuru l-fidi tagħna bl-għemil. Għax jemmen tassew min jagħmel skont ma jemmen. Għal dawk li jemmnu bil-kliem biss, Pawlu jgħid: ‘Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh.’ U Ġakbu jżid: ‘Il-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.’ “

Filwaqt li San Tumas stqarr il-fidi tiegħu Papa Benedittu XVI jgħid: “Oħrajn jistqarru biss il-Kredu fil-Quddiesa tal-Ħadd.” M’għandniex xi ngħidu, hija ħaġa ta’ min ifaħħarha min imur il-Quddies tal-Ħadd u jistqarr il-Kredu. Iżda dal-kliem tal-Papa jfisser li n-Nisrani huwa mistenni minnu li dak li jistqarr fil-Kredu bil-fomm fil-quddiesa tal-Ħadd, irid jistqarru tul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Mhux neċessarjament li jistqarru bil-fomm, imma mill-mod kif jaġixxi fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, xogħol, dar, ħin ta’ mistrieħ, divertiment, irid jirrifletti dak li hu jistqarr fil-Kredu tiegħu.

Il-Papa Franġisku, (3 ta’ April, 2013) jgħid li:

“Għal Alla, li tiswa hi l-qalb, kemm aħna miftuħin għalih, jekk aħniex bħal tfal li jafu jafdaw. Imma dan iġegħelna nirriflettu wkoll fuq kif in-nisa, fil-Knisja u fil-mixja tal-fidi, kellhom u anki l-lum għandhom rwol partikulari li bih jiftħulna l-bibien għall-Mulej, jimxu warajh u jħabbru l-wiċċ tiegħu, għax il-ħarsa tal-fidi dejjem għandha bżonn tal-ħarsa sempliċi u profonda tal-imħabba. L-Appostli u d-dixxipli jsibuha iżjed bi tqila biex jemmnu. In-nisa le. Pietru jiġri lejn il-qabar, imma jieqaf mal-qabar vojt; Tumas irid imiss b’idejh il-ġrieħi tal-ġisem ta’ Ġesù. Anki fil-mixja tal-fidi tagħna hu importanti li nkunu nafu u nħossu li Alla jħobbna, u ma nibżgħux inħobbuh: il-fidi tiġi mistqarra bil-fomm u bil-qalb, bil-kelma u bl-imħabba.”

Jingħad li darba vapur tal-passiġġieri nqabad f’maltempata tal-biża’. Kulħadd kien imwerwer barra tifel ta’ xi sitt snin li ma waqafx jilgħab u jiġri minn naħa għal oħra. Xi ħadd staqsieh: “Ibni, maltempata bħal din, m’intix tibża’?” “Le,” wieġeb it-tifel, “missieri l-kaptan.” Fil-virtù tal-fidi jrid ikollna din l-fiduċja għamja ta’ dan it-tifel f’missieru. Nemmen mhux għax nifhem kulma nistqarr imma għax naf li dak li kellimni ma jqarraqx. Nemmen għax għalkemm naf li moħħi hu limitat u ma jiflaħx jifhem u jikkomprendi dak li hu traxxendentali, dak li hu divin, persważ li min qaluli jħobbni u mhux se jqarraq bija.

  • U int, kemm hi kbira l-fidi u l-fiduċja tiegħek fil-Mulej?

Talba: Glorjuż San Tumas, id-dulur tiegħek lejn Ġesù kien tant kbir li ma ħalliekx temmen li hu qam mill-mewt sakemm ma tarax u tmiss il-pjagi tiegħu. Imma l-imħabba tiegħek lejn Ġesù kienet daqstant qawwija li tajt ħajtek għalih. Itlob għalina biex aħna jiddispjaċina għal dnubietna li kienu l-kaġun tat-tbatija ta’ Kristu. Għinna biex nagħtu lilna nfusna għas-servizz tiegħu, ħalli naqalgħu t-titlu ta’ “imbierka,” dak li Ġesù sejjaħ lil dawk li ma rawx u emmnu fih. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/st-thomas-the-apostle

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-thomas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_the_Apostle

Saint Thomas movie:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

20 ta’ Mejju: San Bernardinu ta’ Siena

Verżjoni Vidjo: San Bernardinu ta’ Siena

“L-isem ta’ Ġesù huwa l-glorja tal-predikaturi, għaliex id-dija li tgħammex ta’ ismu, iġġiegħel li l-kelma tiegħu tiġi mħabbra u mismgħuha.” – San Bernardinu ta’ Siena

SOD-0520-SaintBernadineofSiena-790x480

SAN BERNARDINU TA’ SIENA
Saċerdot
1380 – 1444

Tagħrif: San Bernardinu twieled f’familja nobbli u sinjura fit-8 ta’ Settembru, 1380, f’Massa Marittima f’dik li kienet ir-Repubblika ta’ Siena, l-Italja, fejn missieru kien Gvernatur.

Meta kellu tliet snin tilef lil ommu u ta’ sitt snin lil missieru, u rabbietu zitu li bagħtitu l-iskola u kellu edukazzjoni tajba.

Sar ġuvni ferrieħi u ħabrieki. Ma kienx jista’ għall-kliem ħażin u mġiba indiċenti.

Fl-1400, meta kellu 20 sena, faqqgħet l-epidemija tal-pesta fi Siena, u flimkien ma’ żgħażagħ oħra mar jgħin fl-isptar ta’ Santa Maria della Scala li kien ikun tant mimli bil-morda li ġieli mietu 20 ruħ f’ġurnata waħda. Uħud minn sħabu mardu u mietu, iżda hu ħelisha għalkemm marad għal bosta xhur.

Fit-8 ta’ Settembru, 1402, meta kellu 22 sena, daħal mal-Franġiskani, illum magħrufa bħala “Konventwali”, u fit-8 ta’ Settembru, 1404 qaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu.

Wara li qaddes, qala’ l-permess li jmur f’eremitaġġ fuq l-għolja ta’ Capriola biex jgħix flimkien ma’ dawk li ħaddnu r-riforma franġiskana tal-Osservanti (illum Frati Minuri). Dawk is-snin fis-skiet (1404-1417) swewlu ħafna għall-prietki li wara ntefa’ għalihom. L-ewwel prietka tiegħu kienet ukoll fit-8 ta’ Settembru.

Il-Papa Martin V, fl-1427, ried jagħmlu Isqof ta’ Siena, iżda ma aċċettax it-talba li jsir Isqof ta’ Ferrara u wara ta’ Urbino li kien għamillu l-Papa Ewġenju IV. Imbagħad fl-1438, aċċetta li jkun il-Vigarju Ġenerali tal-Ordni, fejn dam sa l-1443 meta rriżenja biex ikun jista’ jkompli l-missjoni tiegħu li jipprietka.

San Bernardinu xerred id-devozzjoni lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù. Kull meta kien jipprietka kien ipoġġi fejn jaraha kulħadd, tabella bi tliet ittri kbar miktubin fuqha, I.H.S. Iesus Hominis Salvator, Ġesù Salvatur tal-Bniedem. Dawn it-tliet ittri narawhom spiss użati fil-knejjes – fuq l-ostji, fuq pjaneti, fuq il-bizzilla tat-trieħi u fuq affarijiet oħra.

Ħadem ħafna għar-riforma tal-ordni. Kabbar b’mod tal-għaġeb ir-riforma Osservanti li sabha tħaddan biss 130 reliġjuż, il-biċċa l-kbira ajkijiet, u ħallieha b’4,000 imqassmin f’iktar minn 300 kunvent. Insista però li l-patrijiet Osservanti, li tagħhom kien l-ewwel Vigarju Ġenerali, jibqgħu taħt l-ubbidjenza tal-Ġeneral tal-Minuri Konventwali.

Miet fl-20 ta’ Mejju, 1444 f’Aquila fl-età ta’ 64 sena, fil-kunvent tal-Minuri Konventwali tal-Aquila meta kien fi triqtu biex imur jipprietka f’Napli lejliet it-Tlugħ fis-sema ta’ Kristu, u ġie midfun fl-istess knisja tagħhom. Ġie kkanonizzat mill-Papa Nikola V, fl-24 ta’ Mejju, 1450.

Il-Papa Nikola V iddikjarah l-ewwel qaddis tal-Osservanti biss sitt snin wara mewtu, nhar l-Għid il-Ħamsin tas-Sena Mqaddsa. Fl-1957 il-Papa Piju XII ħatru patrun tal-predikaturi Taljani.

Ħsieb: Hemm il-periklu li naraw biss l-attività li għamel Bernardinu ta’ Siena: li ħa ħsieb in-nies tal-morda, li pprietka, li studja, li kien amministratur tajjeb u ninsew is-sors minn fejn kien iġib l-enerġija tiegħu. M’għandniex xi ngħidu li Bernardinu seta’ kien kontemplattiv kbir kieku kellu ċ-ċans. Huwa kellu din l-opportunità, u ħadha u għexha fil-ħajja ta’ kuljum.

Frott il-ħajja ta’ talb u kontemplazzjoni tiegħu, f’San Bernardinu tkebbset devozzjoni kbira lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù, tant li kull meta kien jipprietka kien ipoġġi fejn jaraha kulħadd, tabella bi tliet ittri kbar miktubin fuqha, I.H.S. Iesus Hominis Salvator. Hu kien jgħid: “L-isem ta’ Ġesù huwa l-glorja tal-predikaturi, għaliex id-dija li tgħammex ta’ ismu, iġġiegħel li l-kelma tiegħu tiġi mħabbra u mismgħuha.” Fl-ittra lil Filippin 2:9-11, insibu: “Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù, fis-sema fl-art u f’qiegħ l-art, il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom, u kull ilsien jistqarr: ‘Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier’.”

Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ April, 2013, il-Papa qal dan id-diskors dwar l-Isem ta’ Ġesù fl-omelija tiegħu f’Santa Marta:

“Fl-Atti tal-Appostli (4:1-12), insibu r-rakkont tal-episodju ta’ meta Pietru u Ġwanni, arrestati għaliex ‘ħabbru f’Ġesù il-qawmien mill-imwiet,’ jiġu mkarkrin quddiem is-Sinedriju. Għall-mistoqsija fuq għaliex kienu fejqu liz-zopp qrib il-bieb tat-Tempju, Pietru wieġeb: ‘Għamilnieh fl-isem ta’ Ġesù Kristu.’ Fl-isem ta’ Ġesù, ‘Hu hu s-Salvatur; dan l-isem, Ġesù. Meta wieħed jgħid Ġesù, huwa propju hu,’ jiġifieri dak li jagħmel il-mirakli.” “Pietru jirrivela verità meta jgħid ‘għamilnieh fl-isem ta’ Ġesù” għaliex huwa jwieġeb ispirat mill-Ispirtu Santu. Infatti, aħna, ‘Ma nistgħux nistqarru lil Ġesù, ma nistgħux nitkellmu dwar Ġesù, ma nistgħu ngħidu xejn dwar Ġesù mingħajr l-Ispirtu Santu.’ Huwa propju l-Ispirtu Santu li ‘jimbuttana biex nistqarru lil Ġesù jew biex nitkellmu dwar Ġesù jew biex ikollna fiduċja f’Ġesù.’ U huwa propju hu li jkun qribna  ‘fil-mixja ta’ ħajjitna, dejjem.’

Ħa nirrakkuntalkom esperjenza personali tiegħi, marbuta ma’ tifkira ta’ raġel, missier tmien ulied, li jaħdem fil-kurja arċiveskovili ta’ Buenos Aires. ‘Qabel ma joħroġ, qabel ma kien imur biex jagħmel xi ħaġa li kien ikollu jagħmel – qal – kien dejjem ilissen bejnu u bejn ruħu: ‘Ġesù’. Darba minnhom staqsejtu: ‘Imma għaliex dejjem tgħid Ġesù?’ ‘Meta jien ngħid Ġesù,’ weġibni dan ir-raġel umli, inħossni qawwi, inħossni li nistà naħdem, għax naf li hu jkun maġenbi, li hu jieħu ħsiebi.’ Madankollu, dan ir-raġel ‘ma studjax teoloġija: għandu biss il-grazzja tal-Magħmudija u l-qawwa tal-Ispirtu.’ U din ix-xhieda tiegħu lili għamlitli tant tajjeb. L-isem ta’ Ġesù. M’hemm ebda isem ieħor. Forsi jagħmlilna tajjeb ilkoll, lilna li ngħixu f’dinja li toffrilna tant ‘salvaturi’.”

Kultant, “meta jkun hemm diversi problemi, il-bnedmin jafdaw ruħhom mhux lil Ġesù, imma għal realtajiet oħra,” saħansitra jirrikorru għal sħaħar sedutturi “sabiex isolvu s-sitwazzjonijiet,” jew inkella “jmorru jikkonsultaw il-karti tax-xorti” biex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu. Imma mhux billi nirrikorru għand is-sħaħar u għall-karti tax-xorti li nsibu s-salvazzjoni: din tinsab “fl-isem ta’ Ġesù. U hemm bżonn li nagħtu xhieda ta’ dan! Hu huwa l-uniku Salvatur.”

  • U int, issejjaħ l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù biex jgħinek taġixxi f’Ismu u għall-glorja tiegħu?
  • Iżommu lil Ġesù bħala l-uniku Salvatur li dejjem għandna nirrikorru għandu?
  • Tirsisti biex twassal lil Ismu lill-oħrajn ħalli huma wkoll jagħżluh bħala s-Salvatur tagħhom?

Nagħlaq b’din it-talba sabiħa li tbierek lil Alla:
Ikun imbierek Alla.
Imbierek l-Isem Imqaddes tiegħu.
Imbierek Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem.
Imbierek l-isem ta’ Ġesù.
Imbierka l-Qalb imqaddsa tiegħu.
Imbierek id-Demm għażiż tiegħu.
Imbierek Ġesù fis-Santissmu Sagrament tal-artal.
Imbierek l-Ispirtu s-Santu Paraklitu.
Imbierka l-kbira Omm Alla Marija Santissima.
Imbierka l-Imqaddsa u Immakulata Konċezzjoni tagħha.
Imbierek it-tlugħ glorjuż tagħha fis-sema.
Imbierek l-Isem ta’ Marija Verġni u Omm.
Imbierek San Ġużepp għarus kastissimu tagħha.
Imbierek Alla fl-anġli u l-qaddisin kollha tiegħu.

Talba: O Alla, inti żrajt imħabba liema bħalha lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù fis-saċerdot San Bernardinu ta’ Siena; agħmel li, bil-merti u t-talb tiegħu, nitkebbsu dejjem bl-ispirtu ta’ mħabbtek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-bernardine-of-siena.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-bernardine-of-siena/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bernardino_of_Siena

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Diċembru: It-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu

Verżjoni Vidjo: It-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu

“Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.” – Galatin 4:4-5

was-jesus-really-born-on-christmasIT-TWELID TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU

Tagħrif: Il-Messija kien ilu mwiegħed sa minn mijiet ta’ snin. Kienet ta’ preparazzjoni għalih l-għażla ta’ poplu, li sar il-poplu ta’ Alla. Ħabbruh il-Profeti. Xtaquh l-poplu magħżul, speċjalment meta ħass ruħu magħfus mill-ġnus barranin.

Meta, imbagħad, waslet il-milja taż-żminijiet, il-Mulej twieled minn mara jisimha Marija. Għalkemm miżżewġa ma’ Ġużeppi, raġel ġust, hi baqgħet verġni fit-twelid tal-Iben waħdieni tagħha, għax dak li sar fiha kien opra tal-Ispirtu s-Santu.

Fi twelidu, fil-faqar ta’ għar ġo Betlem, l-ewwel ma għarfuh kienu r-rgħajja. Imma hu ġie għall-bnedmin kollha, fqar u għonja bla differenza ta’ xejn.

Minn dakinhar ta’ twelidu, id-dinja bdiet tisma’ s-sejħa ħalli timxi warajh. Il-poplu Lhudi ma baqax waħdu bħala l-poplu ta’ Alla. Bdiet isseħħ il-fidwa tal-bnedmin kollha, ta’ kull lewn, ta’ kull razza, u ta’ kull żmien.

Il-25 ta’ Diċembru kienet il-ġurnata li fiha d-dinja Rumana kienet tiċċelebra t-twelid tax-xemx, għax f’dak iż-żmien tas-sena l-ġurnata terġa’ tibda titwal. L-Insara għażlu din il-ġurnata biex fiha jiftakru u jifirħu bit-twelid ta’ Ġesù Kristu: ix-Xemx ta’ dejjem u d-Dawl ta’ kull bniedem.

Il-ferħ tal-Milied, it-tiżjin tat-toroq, ir-rigali li nagħtu lil xulxin suppost li huma sinjali li jfakkruna li Ġesù Kristu twieled ġewwa fina u qed jgħix fil-qalb tagħna. Flimkien mar-rigali, in-Nisrani jwassal ‘il Kristu bil-kelma u bl-imġiba, u b’messaġġ li jibqa’ jinħass għal wara l-Milied ukoll.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir bit-titlu ‘Agħraf, o Nisrani, l-kobor tiegħek!’:

Għeżież, illum twieled is-Salvatur tagħna; ejjew nifirħu. M’huwiex sewwa li wieħed isewwed qalbu fejn hi mwielda l-ħajja, dik il-ħajja li qerdet il-biża’ tal-mewt u mlietna bl-hena tal-ħajja ta’ dejjem.

Ħadd m’hu se jkun imċaħħad minn sehmu f’din ix-xrara ta’ hena li għalih kulħadd xorta waħda hu msejjaħ: għax Sidna, li qered id-dnub u l-mewt, bħalma ‘l ħadd minna ma sab nieqes mill-ħtija hekk ġie biex jeħles lil kulħadd. Jithenna l-qaddis għax wasal għall-premju. Jifraħ il-midneb għax hu mistieden għall-maħfra. Jieħu r-ruħ il-pagan għax isejjaħ għall-ħajja.

Għax l-Iben ta’ Alla, fil-milja taż-żminijiet, kif fassal Alla fil-pjan għoli tiegħu li ħadd ma jista’ jiflih, sar bniedem biex jerġa’ jħabbeb il-bnedmin mal-ħallieq tagħhom, u hekk ix-xitan, li bih daħlet il-mewt fid-dinja, jintrebaħ bis-saħħa ta’ dik l-istess natura li biha hu kien ħareġ rebbieħ.

Għalhekk, aħna jeħtieġ li ninżgħu l-bniedem il-qadim bl-għemejjel tiegħu; u, ladarba issa ksibna sehem fit-tnissil ta’ Kristu, irridu niċħdu l-għemejjel tal-ġisem.

Agħraf, o Nisrani, il-kobor tiegħek; int, li sseħibt ma’ Alla fin-natura tiegħu, la terġax taqa’ fil-post baxx ta’ dari b’ħajja mhix xierqa. Ftakar ta’ liema ras u ġisem int membru. Żomm f’moħħok li inti nqtajt minn taħt is-setgħa tad-dlamijiet u għaddejt fid-dawl u s-saltna ta’ Alla.

Bis-Sagrament tal-Magħmudija sirt tempju tal-Ispirtu s-Santu; qis li Spirtu hekk qaddis li jgħammar fik ma tkeċċihx minnek b’għemejjel ħżiena u tintelaq mill-ġdid taħt il-jasar tax-xitan: għax il-ħlas tal-fidwa tiegħek hu d-demm ta’ Kristu.”

  • U int, wellidt lil Ġesù f’qabek u f’ħajtek?
  • Neħħejt id-dlamijiet tad-dnub bis-Sagrament tal-Qrar biex tkun tista’ tilqa’ ġewwa fik lid-Dawl ta’ dejjem fit-Tqarbin Imqaddes?
  • Se tkompli tgħix b’tali mod li l-Milied tkun tista’ tkompli tiċċelebrah is-sena kollha għax il-Mulej se jkompli jgħix f’qalbek waqt li inti tgħix ħajja li togħġob lilu?

Talba: O Alla, li ta’ kull sena tferraħna fl-istennija tal-fidwa tagħna, agħmel li aħna, bħalma nilqgħu bil-ferħ lil Ibnek il-waħdieni, Feddej tagħna, hekk ukoll jistħoqqilna narawh bla biża’ meta jiġi b’Mħallef tagħna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/christmas-birthday-of-jesus.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/the-nativity-of-the-lord-christmas-665

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nativity_of_Jesus

A short version of the Film ‘The Nativity Story’:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started