25 ta’ Diċembru: It-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu

Verżjoni Vidjo: It-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu

“Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.” – Galatin 4:4-5

was-jesus-really-born-on-christmasIT-TWELID TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU

Tagħrif: Il-Messija kien ilu mwiegħed sa minn mijiet ta’ snin. Kienet ta’ preparazzjoni għalih l-għażla ta’ poplu, li sar il-poplu ta’ Alla. Ħabbruh il-Profeti. Xtaquh l-poplu magħżul, speċjalment meta ħass ruħu magħfus mill-ġnus barranin.

Meta, imbagħad, waslet il-milja taż-żminijiet, il-Mulej twieled minn mara jisimha Marija. Għalkemm miżżewġa ma’ Ġużeppi, raġel ġust, hi baqgħet verġni fit-twelid tal-Iben waħdieni tagħha, għax dak li sar fiha kien opra tal-Ispirtu s-Santu.

Fi twelidu, fil-faqar ta’ għar ġo Betlem, l-ewwel ma għarfuh kienu r-rgħajja. Imma hu ġie għall-bnedmin kollha, fqar u għonja bla differenza ta’ xejn.

Minn dakinhar ta’ twelidu, id-dinja bdiet tisma’ s-sejħa ħalli timxi warajh. Il-poplu Lhudi ma baqax waħdu bħala l-poplu ta’ Alla. Bdiet isseħħ il-fidwa tal-bnedmin kollha, ta’ kull lewn, ta’ kull razza, u ta’ kull żmien.

Il-25 ta’ Diċembru kienet il-ġurnata li fiha d-dinja Rumana kienet tiċċelebra t-twelid tax-xemx, għax f’dak iż-żmien tas-sena l-ġurnata terġa’ tibda titwal. L-Insara għażlu din il-ġurnata biex fiha jiftakru u jifirħu bit-twelid ta’ Ġesù Kristu: ix-Xemx ta’ dejjem u d-Dawl ta’ kull bniedem.

Il-ferħ tal-Milied, it-tiżjin tat-toroq, ir-rigali li nagħtu lil xulxin suppost li huma sinjali li jfakkruna li Ġesù Kristu twieled ġewwa fina u qed jgħix fil-qalb tagħna. Flimkien mar-rigali, in-Nisrani jwassal ‘il Kristu bil-kelma u bl-imġiba, u b’messaġġ li jibqa’ jinħass għal wara l-Milied ukoll.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir bit-titlu ‘Agħraf, o Nisrani, l-kobor tiegħek!’:

Għeżież, illum twieled is-Salvatur tagħna; ejjew nifirħu. M’huwiex sewwa li wieħed isewwed qalbu fejn hi mwielda l-ħajja, dik il-ħajja li qerdet il-biża’ tal-mewt u mlietna bl-hena tal-ħajja ta’ dejjem.

Ħadd m’hu se jkun imċaħħad minn sehmu f’din ix-xrara ta’ hena li għalih kulħadd xorta waħda hu msejjaħ: għax Sidna, li qered id-dnub u l-mewt, bħalma ‘l ħadd minna ma sab nieqes mill-ħtija hekk ġie biex jeħles lil kulħadd. Jithenna l-qaddis għax wasal għall-premju. Jifraħ il-midneb għax hu mistieden għall-maħfra. Jieħu r-ruħ il-pagan għax isejjaħ għall-ħajja.

Għax l-Iben ta’ Alla, fil-milja taż-żminijiet, kif fassal Alla fil-pjan għoli tiegħu li ħadd ma jista’ jiflih, sar bniedem biex jerġa’ jħabbeb il-bnedmin mal-ħallieq tagħhom, u hekk ix-xitan, li bih daħlet il-mewt fid-dinja, jintrebaħ bis-saħħa ta’ dik l-istess natura li biha hu kien ħareġ rebbieħ.

Għalhekk, aħna jeħtieġ li ninżgħu l-bniedem il-qadim bl-għemejjel tiegħu; u, ladarba issa ksibna sehem fit-tnissil ta’ Kristu, irridu niċħdu l-għemejjel tal-ġisem.

Agħraf, o Nisrani, il-kobor tiegħek; int, li sseħibt ma’ Alla fin-natura tiegħu, la terġax taqa’ fil-post baxx ta’ dari b’ħajja mhix xierqa. Ftakar ta’ liema ras u ġisem int membru. Żomm f’moħħok li inti nqtajt minn taħt is-setgħa tad-dlamijiet u għaddejt fid-dawl u s-saltna ta’ Alla.

Bis-Sagrament tal-Magħmudija sirt tempju tal-Ispirtu s-Santu; qis li Spirtu hekk qaddis li jgħammar fik ma tkeċċihx minnek b’għemejjel ħżiena u tintelaq mill-ġdid taħt il-jasar tax-xitan: għax il-ħlas tal-fidwa tiegħek hu d-demm ta’ Kristu.”

  • U int, wellidt lil Ġesù f’qabek u f’ħajtek?
  • Neħħejt id-dlamijiet tad-dnub bis-Sagrament tal-Qrar biex tkun tista’ tilqa’ ġewwa fik lid-Dawl ta’ dejjem fit-Tqarbin Imqaddes?
  • Se tkompli tgħix b’tali mod li l-Milied tkun tista’ tkompli tiċċelebrah is-sena kollha għax il-Mulej se jkompli jgħix f’qalbek waqt li inti tgħix ħajja li togħġob lilu?

Talba: O Alla, li ta’ kull sena tferraħna fl-istennija tal-fidwa tagħna, agħmel li aħna, bħalma nilqgħu bil-ferħ lil Ibnek il-waħdieni, Feddej tagħna, hekk ukoll jistħoqqilna narawh bla biża’ meta jiġi b’Mħallef tagħna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/christmas-birthday-of-jesus.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/the-nativity-of-the-lord-christmas-665

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nativity_of_Jesus

A short version of the Film ‘The Nativity Story’:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

16 ta’ Dicembru: Beata Marija tal-Anġli

Verżjoni Vidjo: Beata Marija tal-Anġli

“It-Tjubija ta’ Alla hija akbar minn kemm deni u dnubiet nistgħu nagħmlu, u qabel ma ngħejjew noffenduh hu jaħfrilna”. – Beata Marija tal-Anġli

220px-Anna_Maria_FontanellaBEATA MARIJA TAL-ANĠLI
Reliġjuża
1661 – 1717

Tagħrif: Kien jisimha Marianna Fontanella, u twieldet fis-7 ta’ Jannar, 1661 f’Augusta fil-provinċja ta’ Turin, l-Italja. Hija kienet bint familja nobbli mill-Pjemonte.

Minkejja l-oppożizzjoni tal-ġenituri tagħha, fl-1675, meta kien għad kellha 15-il sena, daħlet fil-monasteru Karmelitan Tereżjan ta’ Santa Kristina ta’ Turin.

Imma għall-ewwel ma setgħetx tidra bħala novizza u kienet tistmell il-mod ġdid ta’ ħajja u lill-majjistra tagħha.

Hi għaddiet minn stati għoljin ta’ talb u kienet tagħmel penitenzi ħorox. Il-fama ta’ qdusija ta’ din il-mistika Karmelitana ħarġet ukoll barra l-monasteru u ħafna kienu jfittxuha għall-pariri tagħha fosthom anki membri tal-familja rjali.

Hija kellha qima speċjali lejn San Ġużepp, li f’ġieħu hija waqqfet monasteru ġdid fil-belt ta’ Moncalieri li fetħet fl-1703 biex tilqa’ fih tfajliet li ma setgħux jingħaqdu magħhom bħala sorijiet f’Turin minħabba nuqqas ta’ wisa’.

Bosta drabi qdiet hawn bħala majjistra tan-novizzi u prijura u fittxet li tnissel fil-komunità l-imħabba mħeġġa lejn Alla wkoll meta kienet għaddejja minn provi kbar. Meta kienet ser tingħażel bħala prijura għall-ħames darba, hija ma ħassithiex kapaċi għal din il-kariga u talbet li, jekk kienet volontà ta’ Alla, hija tmut f’qasir żmien.

Fi żmien tliet ġimgħat hija mardet b’mod gravi u mietet fis-16 ta’ Diċembru, 1717 fl-għomor ta’ 56 sena. Kienet iddikjarata Beata mill-Beatu Piju IX fl-1865, bħala l-ewwel soru Karmelitana Taljana li telgħet għall-ġieħ tal-altari.

Ħalliet miktub: “It-Tjubija ta’ Alla hija akbar minn kemm deni u dnubiet nistgħu nagħmlu, u qabel ma ngħejjew noffenduh hu jaħfrilna.”

Ħsieb: Beata Marija tal-Anġli għexet bħala bint vera ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, u żammet b’entużjażmu l-osservanza sħiħa tar-regola u l-kunsilli. Kienet distinta minn safa kbira – imqabbla ma’ dik ta’ San Alwiġi Gonzaga, li kienet relatata miegħu minn naħa ta’ ommha – bl-imħabba intensa tagħha biex tbati, mill-entużjażmu apostoliku li kellha, mis-suffraġji kontinwi li kienet tagħmel għall-erwieħ tal-Purgatorju, u mid-devozzjoni kbira li kellha lejn il-Verġni Marija u lejn San Ġużepp. Alla berikha wkoll b’diversi kariżmi straordinarji. Wara mewtha, hija ħalliet warajha ħafna ittri u xi rakkonti awtobijografiċi spiritwali.

Xtaqt nagħmel aċċen dwar id-devozzjoni li l-Beata Marija tal-Anġli kellha lejn San Ġużepp, hekk li f’ġieħu waqqfet monasteru ġdid fil-belt ta’ Moncalieri. Kif qatt setgħet il-Beata Marija tal-Anġli tinsa lil dak li tant kien iħobb lill-Omm l-aktar ħelwa tagħha Tereża ta’ Ġesù u li lilha kien jobdi b’fedeltà?

Għaliex għandu jkollna devozzjoni lejn San Ġużepp?
Bħalma San Ġużepp ħadem bl-għaraq ta’ xbinu u bata kemm felaħ biex jieħu ħsieb lil martu u jrabbi u jħares mill-perikli kollha, lil Ġesù afdat f’idejh, hekk ukoll aħna msejħa biex niddedikaw ħajjitna għal Ġesù u Marija. San Ġużepp huwa meqjum ukoll fil-Karmelu bħala mudell ta’ kontemplazzjoni, għax f’ħajtu kellu x-xorti li jgħix f’familjarità umana u spiritwali ma’ Ġesù u Marija.

Huwa għalhekk li Santa Tereża ta’ Ġesù (1515-1582), għalliema tal-ħajja tat-talb, fil-Ktieb tal-Ħajja (V/1.3; VI/3.6-8) tistqarr li meta bdiet tieħu bis-serjetà is-sejħa tagħha għall-ħajja ta’ talb ħadet bħala avukat u patrun tagħha lill-glorjuż San Ġużepp u ntelqet f’idejh bl-akbar ħeġġa fit-talb tagħha.

Mill-esperjenza tagħha, Santa Tereża tgħid li tixtieq tħajjar …

“lil kulħadd ħalli jkun devot ta’ dan il-Qaddis glorjuż, għax issa għandi esperjenza kbira tal-barkiet li jista’ jaqlgħalna mingħand Alla. Jiena ma naf b’ħadd li huwa tassew devot tiegħu u li jqimu b’qadi  partikulari, li ma mexiex sewwa ‘l quddiem fil-virtù, għax dan il-Qaddis jagħti għajnuna tal-akbar fejda lil dawk l-erwieħ li jintelqu f’idejh. Dawk li jitħarrġu fil-ħajja ta’ talb għandu dejjem ikollhom ġibda speċjali lejh. Jekk hemm xi ħadd li ma jistax isib surmast li jgħallmu kif jitlob, ħalli jieħu lil dan il-Qaddis glorjuż bħala għalliem tiegħu u żgur li ma joħroġx mit-triq it-tajba.”

  • U int, devot/a ta’ San Ġużepp?
  • Issejjaħlu biex iħarsek u jipproteġik kif għamel ma’ Marija u Ġesù?

Din li ġejja hi talba lil San Ġużepp, li tassew tajjeb li nitolbuha spiss:

“O Mqaddes Ġużeppi, fil-hemm li fih ninsabu, lejk nirrikorru u b’tama qawwija nsejħu l-patroċinju tiegħek, wara dak tal-Għarusa Mqaddsa tiegħek.

Mela f’ġieħ dik ir-rabta għażiża ta’ mħabba li biha kont marbut max-Xebba bla tebgħa, omm Alla, u f’ġieħ dik l-imħabba ta’ missier li biha ħabbejt lit-tfajjel Ġesù, nitolbuk li tħares ħarsa ħelwa lejn il-wirt għażiż, li Ġesù Kristu rebaħ b’demmu, u bis-setgħa u bil-għajnuna tiegħek tidħol għalina fil-bżonnijiet tagħna.

Kif int, O Ġużeppi, kont taħseb f’din l-art għall-Familja Mqaddsa u tħarisha, hekk ukoll ħu ħsieb tal-familja maħtura ta’ Ġesù Kristu. Eqred minn ġo nofsna, Missier ħanin, din il-pesta ta’ erruri u ta’ ħażen li qegħdin imarrdu d-dinja. Ieqaf magħna mis-smewwiet, f’din il-gwerra li għandna mal-qawwa tad-dlamijiet, O Protettur qawwi tagħna. U kif darba ħlist mill-mewt lill-Bambin Ġesù, hekk issa ddefendi l-Knisja Mqaddsa t’Alla mit-tnassis tal-għedewwa u minn kull hemm.

Xerred dejjem fuq kull wieħed u waħda minna l-patroċinju tiegħek, sabiex bl-eżempju u bil-għajnuna tiegħek, nistgħu ngħixu ħajja qaddisa, nagħmlu mewta tajba, u naqilgħu l-hena ta’ dejjem ġewwa l-ġenna. Ammen.”

Talba: Nitolbuk, O Ġesù, permezz tal-interċessjoni tal-Beata Marija tal-Anġli, sabiex il-ħajja ta’ qdusija tagħha tkun ta’ kontribut f’li tgħarraf lill-bnedmin l-għeġubijiet li Int kapaċi tagħmel ma’ min jintelaq f’idejk u jafdak b’qalbu kollha, bis-sempliċità u bl-umiltà. Agħtina li nimxu fuq il-passi ta’ din il-qaddejja tiegħek, sabiex bħalha, naslu ngawduk fil-hena tas-Sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://hagiomajor.blogspot.com/2012/12/december-16-feast-of-blessed-mary.html

Alternative Reading: https://anastpaul.com/2019/12/16/saint-of-the-day-16-december-blessed-mary-of-the-angels-fontanella-ocd-1661-1717-the-fragrant-rose-of-turin/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Marianna_Fontanella

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

2 ta’ Ottubru: L-Anġli Kustodji Mqaddsa

Verżjoni Vidjo: L-Anġli Kustodji Mqaddsa

“L-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.” Salm 91:11-12

tumblr_n1m8u0q1b41rk4qt8o1_540L-ANĠLI KUSTODJI MQADDSA

Tagħrif: Il-Knisja tgħallimna li l-anġli kienu l-ewwel ħolqien ta’ Alla, kreaturi spiritwali, bi spirtu safi, bla ġisem, u ferm aktar superjuri mill-bnedmin fid-doni naturali.

Kemm l-Antik u kemm il-Ġdid Testment jagħtuna ħjiel li lil kull bniedem li jidħol f’din id-dinja, Alla jassenjalu anġlu kustodju biex jieħu ħsiebu.

“Hu jibgħatlek l-anġli tiegħu, u jħarsuk fi triqatek kollha” (Salm. 91:11).

Ġesù sejjaħ ħdejh tifel ċkejken u wissiena biex ma nagħtux eżempju ħażin liż-żgħar, għax l-anġli tagħhom jitolbu ħaqq minn Alla kontra min jiskandalizzahom (Mattew 18:10).

Imissna kuljum preċett nirringrazzjaw lill-Anġlu Kustodju tagħna, u nitolbuh ikompli jgħinna. M’għandniex nonqsu li nagħmlu hekk b’mod speċjali llum.

L-arti nisranija, pittura u skultura, tagħti lill-anġli:

  • sura ta’ bniedem, biex turina li huma jieħdu ħsieb il-magħżulin (Lhud 1: 4);
  • ġwienaħ, biex bihom iħarsuna mill-perikli (Salm 90: 11);
  • inċensier, skont il-kliem tal-Apokalissi (8: 3-4);
  • iż-żgħożija, biex tfissrilna ż-żgħożija eterna tal-ġenna; u
  • libsa bajda, simbolu tas-safa.

L-ewwel approvazzjoni tal-festa tal-anġli kustodji, għal Spanja biss, saret mill-Papa Pawlu V, mitlub minn Ferdinandu tal-Awstrija, għamel festa obbligatorja għall-imperu kollu u libera għal barra mill-imperu (1608).

Fl-aħħar, il-Papa Klement X estenda l-festa bħala obbligu għad-dinja kollha u iffissaha għall-ewwel jum liberu wara l-festa ta’ San Mikiel, li jaħbat illum. Ljun XIII għolla l-festa billi għamilha “doppju maġġuri.”

It-talba magħrufa tal-“Angele Dei qui custos es mei,”  x’aktarx ġejja minn Reginald ta’ Canterbury, li għex fis-seklu tnax.

Ħsieb: “L-eżistenza ta’ ħlejjaq spiritwali, mingħajr ġisem li l-Iskrittura Mqaddsa s-soltu ssejjaħ anġli, hi Verità tal-fidi. Ix-xhieda tal-Iskrittura hi ċara daqs kemm hi unanimi t-tradizzjoni.” Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

Dan li ġej huwa qari mid-diskorsi ta’ San Bernard, abbati:

L-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha.” (Salm 91:11-12) Kelma bħal din kemm għandha tnissillek rispett, tħeġġek bl-imħabba u timliek bil-fiduċja!

  • Bir-rispett, għax dawn l-anġli dejjem issibhom maġenbek;
  • bl-imħabba, għax iridulek il-ġid;
  • bil-fiduċja, għax iħarsuk tajjeb.

Huma qegħdin hawn, qegħdin hawn għalik, mhux biss miegħek iżda wkoll minħabba fik. Qegħdin hawn għall-ħarsien tiegħek, qegħdin hawn għall-ġid tiegħek. Tassew li kien Alla li ordnalhom biex jagħmlu dan, iżda huma obdewh bi mħabba kbira u ġew jieqfu magħna fi ħtiġietna, u għalhekk ma nistgħux ma nkunux nafuhulhom.

Inħobbuhom, mela, u nuruhom qalbna lil dawn l-għassiesa kbar tagħna. Inroddulhom imħabba bi mħabba, u nagħtuhom il-ġieħ kollu li nistgħu u li jmissna nagħtuhom. Iżda l-imħabba kollha tagħna u l-ġieħ għandna nrodduhom lil Alla, għax huwa Alla li, sew lilhom sew lilna, jagħtina l-ħila kollha biex nistgħu nħobbu, u biex jistħoqqilna ninħabbu.

Għalkemm għadna qisna tfal, għalkemm għad għandna quddiemna triq twila, u mhux biss twila imma wkoll imwiegħra ħafna, b’danakollu x’għandna x’nibżgħu taħt għassiesa bħal dawn? La ħadd jista’ jegħlibhom u lanqas iqarraq bihom, u wisq inqas jistgħu jqarrqu bina dawn li jħarsuna fi triqatna kollha. Huma fidili, bil-għaqal, qawwija: xi rridu nibżgħu?  Mela ejjew nimxu warajhom u ningħaqdu magħhom, u żgur ngħammru għad-dell ta’ dak li jista’ kollox.”

  • Inti tirringrazzjah lil Alla u lil anġlu tiegħek ta’ din l-għajnuna imprezzabli hekk li m’int ħa taffaċċja l-ebda ċirkostanza iebsa waħdek?
  • Tikkomunika miegħu b’mod speċjali bit-talba li probabbli tgħallimt fil-Katekiżmu meta kont żgħir/a?
  • Issejjaħlu f’mumenti fejn tħoss li qiegħed / qiegħda fil-periklu tal-ġisem u b’mod speċjali tar-ruħ?
  • Tgħallem lil uliedek (jekk għandek) biex jitolbuh spiss ħalli jkunu mħarsa minn kull periklu?

Talba: Anġlu t’Alla, li fit-tjubija tiegħu, Alla tani biex tħarisni, dawwalli moħħi, ħarisni, żommni u mexxini f’dan il-jum. Ammen (Talba popolari lill-Anġlu Kustodju)

O Alla, bi providenza tal-għaġeb, int jogħġbok tibagħtilna l-anġli qaddisa tiegħek biex iħarsuna fi triqatna kollha; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk li żżommna dejjem taħt il-ħarsien tagħhom, ħalli nissieħbu magħhom fl-hena tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/feast-of-the-guardian-angels

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/the-guardian-angels-612

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Holy_Guardian_Angel

Nota: It-Tagħrif dwar il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

29 ta’ Settembru: L-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel

Verżjoni Vidjo: L-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel

“O Alla, int ordnajt lill-anġli tiegħek biex iħarsuna fi triqatna kollha: mexxina llum fil-mogħdijiet tiegħek. U intom anġli kollha, bierku l-Mulej.” Mill-Preċi ta’ Sbiħ il-Jum. 

archangels-e28094-iconL-ARKANĠLI MQADDSA, MIKIEL, GABRIJEL U RAFEL

Tagħrif: L-Iskrittura titkellem mill-anġli bħala l-ministri ta’ Alla li wasslu l-messaġġi tiegħu lill-bnedmin.

L-Arkanġli huma t-tieni mill-aħħar fost id-disa’ kori ta’ l-anġli – Serafini, Kerubini, Troni, Dominazzjoni, Virtujiet, Qawwiet, Prinċipati, Arkanġli u Anġli.

Fl-Iskrittura nsibu lil San Mikiel miżmum bħala l-Anġlu kustodju ta’ Iżrael (Daniel 12:1). L-isem Mikiel ifisser: “Min hu bħal Alla?” Sa minn żmien l-appostli, San Mikiel inħatar bħala l-Patrun u l-Protettur tal-Knisja (Apokalissi 12:7). Is-Santi Padri Griegi poġġewh bħala l-prinċep tas-Serafini.

Gabrijel ifisser “Alla wera lilu nnifsu l-Qawwi.” Fl-Iskrittura nsibu ismu fil-ktieb ta’ Danjel (Daniel 9:21-27), meta għarraf lil Danjel il-profezija tas-seba’ ġimgħat; fil-Vanġelu, meta ħabbar lil Żakkarija t-twelid ta’ San Ġwann il-Battista (Luqa 1:11); u meta ħabbar lil Marija li kienet ser tnissel Iben bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (Luqa 1:26).

Rafel ifisser “Alla jfejjaq”. Insibu ismu fil-ktieb ta’ Tobit fejn narawh jiggwida lil Tobija fil-vjaġġ tiegħu, u fejjaq lil missier Tobit li kien agħma. Hu stess stqarr: “Jien Rafel, wieħed mis-seba’ anġli li qegħdin quddiem il-maestà tal-Mulej” (Tobija 12:15).

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Omeliji tal-Papa San Girgor il-Kbir dwar l-Arkanġli Mqaddsa:

“Alla ma bagħatx għand Marija Verġni wieħed mill-anġli, kien min kien, iżda bagħtilha lill-arkanġlu Gabrijel; għax kien jixraq li Alla jibgħat l-aqwa anġlu biex jaqdi servizz hekk kbir li jwassal l-aqwa messaġġ li qatt intbagħat.

Hu għalhekk li jingħata isem proprju lill-anġli, biex l-istess isem ifisser kull wieħed minnhom x’ħila għandu jagħmel. Kull meta tinqala’ xi ħaġa li titlob qawwa tal-għaġeb, dejjem Mikiel jintbagħat, biex l-istess isem u għemil iġagħalna nifhmu li ħadd ma jista’ jagħmel dak li Alla jagħmlu b’mod aqwa. L-għadu antik, li tkabbar u ried isir daqs Alla, qal: Nitla’ fis-sema. Inqiegħed it-tron tiegħi ‘l fuq mill-kwiekeb, u nkun bħal Alla l-Għoli; imma bil-qawwa kollha li għandu, fl-aħħar tad-dinja, meta jkun wasal għall-kastig ta’ dejjem, se jkun l-arkanġlu Mikiel li jqum biex jitqabad miegħu, kif jgħid Ġwanni: Qamet gwerra, u l-arkanġlu Mikiel tqabad.

U għand Marija wkoll, Alla bagħat lil Gabrijel, li jfisser “Qawwa ta’ Alla”: għax hu ġie jħabbar lil dak li għoġbu jiġi fostna umli ħalli jxejjen lis-setgħat qawwija ta’ l-ajru. Mela dak li kien ġej bħala l-Mulej ta’ l-eżerċti, qawwi fit-taqbida, kellu jitħabbar mill-Qawwa ta’ Alla.

U fl-aħħar nett Rafel li, kif għedna, ifisser “Duwa ta’ Alla”; għax meta mess għajnejn Tobija bħal wieħed li kellu l-missjoni biex ifejjqu, neħħielu d-dlamijiet tal-agħma minn għajnejh. Mela kien jixraq li, dak li ġie mibgħut biex ifejjaq, jissejjaħ “Duwa ta’ Alla.”

“Min-natura kollha tagħhom, l-anġli huma qaddejja u messaġġiera ta’ Alla. Għaliex “dejjem jaraw wiċċ missieri li hu fis-smewwiet” (Mattew 18:10) huma “jagħmlu l-ordni tiegħu, malli jisimgħu l-kelma tiegħu.” (Salm 103:20).

  • San Mikiel huwa l-anġlu li jiipproteġina – ejjew nitolbuh jeħlisna minn kull ħsara, lilna u l-familji tagħna. (ara Talba ta’ San Mikiel tal-Papa Ljun XIII ftit linji ‘l isfel)
  • San Gabrijel huwa l-messaġġier ta’ Alla – ejjew nitolbuh jgħinna nisimgħu l-vuċi ta’ Alla.
  • San Rafel huwa l-anġlu li jfejjaq – ejjew nitolbuh ifejjaqna minn kull nuqqas ta’ mard jew ħsara.

TalbaSan Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa’ bil-qawwa t’Alla, fil-qiegħ tal-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien tal-erwieħ. Ammen. (Talba tal-Papa Ljun XIII)

O Alla, int tqassam b’ordni ta’ l-għaġeb il-ħidmiet ta’ l-anġli u tal-bnedmin: fil-ħniena tiegħek, agħtina li ħajjitna f’din l-art tkun imħarsa mill-anġli li fis-sema dejjem quddiemek jaqduk. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2014-09-29

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saints-michael-gabriel-and-raphael/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Archangel

Nota: It-Tagħrif dwar il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started