7 ta’ Awwissu: San Gejtanu

Verżjoni Vidjo: San Gejtanu

“Fittxu l-ewwel is-saltna t’Alla.” – Ġesù f’Mattew 6:33.

St Cajetan

SAN GEJTANU
Saċerdot
1480 – 1547

Tagħrif: San Gejtanu twieled f’Vicenza, l-Italja, fl-1480, minn familja sinjura u nobbli.

Fl-1504, meta kellu 24 sena rċieva d-Dottorat mill-Università ta’ Padova.

Irritorna Vicenza u sar Senatur. Iżda beda jħoss li għandu jservi ‘l Alla iktar mill-qrib. Fl-1506, mar Ruma. Hemm daħal fil-Konfraternità tal-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju. Sar qassis fl-1516.

Fl-1518, mar Vicenza biex jassisti lil ommu li kienet qed tmut, u wara li amministralha s-sagramenti mietet f’idejh.

F’Vicenza sar membru tal-Oratorju ta’ San Ġirolmu, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jdur bil-morda inkurabbli.

Fl-1520, mar Verona fejn waqqaf Oratorju simili. Wara ħames xhur mar Venezja fejn beda jaħdem fi sptar ġdid tal-belt, u tant ħadem fih li kien meqjus bħala l-fundatur ewlieni tiegħu.

Fl-1523, telaq minn Venezja u mar Ruma. Flimkien ma’ Ġwann Pietru Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV, u żewġ qassisin oħra, waqqaf it-Teatini, Kjeriċi Regolari, jiġifieri saċerdoti li jgħixu flimkien taħt regola. Bħala l-ewwel Superjur Ġenerali ntgħażel Carafa li qabel kien Isqof ta’ Chieti, bil-latin Theate. Minn hawn ġej l-isem “Teatini.” Carafa kien irriżenja minn Isqof biex seta’ jingħaqad ma’ Gejtanu.

Huma kienu jirrifjutaw benefiċċji u bla ma jittallbu, kienu jiddependu fuq id-donazzjonijiet volontarji li l-providenza t’Alla kienet tibgħat. Il-motto fuq l-arma tagħhom kien: “Fittxu l-ewwel is-saltna t’Alla.” Fost il-prattiċi piji li tradizzjonalment ġew imxerrda mill-Kjeriċi Regolari nsibu l-“att erojku” li bih wieħed iċedi mhux biss il-valur satisfatorju tal-opri tajba li jwettaq f’ħajtu iżda wkoll is-suffraġji, favur l-erwieħ tal-Purgatorju.

Meta fl-1527, Karlu V għamel straġi minn Ruma, it-Teatini, li darhom kienet ġiet imħarbta, kellhom jaħarbu, u marru Venezja.

Fl-1530, Gejtanu ntgħażel Superjur wara Carafa, u dam it-tliet snin taż-żmien tiegħu. Warajh reġa’ ntgħażel Carafa.

Fl-1543, kien qiegħed Napli, u biex jgħin lill-foqra waqqaf il-“Montes Pietatis,” il-Bank tal-Ħniena, minn fejn il-foqra setgħu jisselfu l-flus billi jħallu xi ħaġa bħala rahan, u wara jeħduha lura. Dak li beda San Gejtanu, illum sar il-Bank ta’ Napli.

San Gejtanu miet f’Napli fis-7 ta’ Awwissu 1547, fl-età ta’ 67 sena. Ġie kkanonizzat fl-1671 mill-Papa Klement X. Gejtanu kien wieħed mir-riformaturi kbar kattoliċi u ħafna mir-riformi li wettaq il-Konċilju ta’ Trentu kienu antiċipati minn San Gejtanu u mqegħdin fil-prattika minnu ħafna qabel ma tlaqqa’ l-konċilju.

Waħda miż-żewġ parroċċi tal-Ħamrun hija ddedikata lill-“Qaddis tal-Providenza,” San Gejtanu Thiene.

Ħsieb: Mill-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun (6 ta’ Jannar, 2018):

Id-devozzjoni lejn il-Verb Inkarnat wasslet lil Gejtanu ta’ Thiene biex imur jitlob qrib il-maxtura ta’ Ġesù. Imma kien konxju tad-dgħjufija tiegħu, kien konxju ukoll tad-dnubiet tiegħu. Quddiem l-imħabba li wrieh l-Imgħallem, dejjem kien iħossu mhux żelanti biżżejjed. “Għal ħafna snin,” jgħid, “ħallejt lill-imsejkna ruħ tiegħi tindarab f’ġerħat li fnew, kont imfissed u nagħti l-għala wisq lill-ġisem, lid-dinja u lill-għadu ta’ ruħi.”

Meta naqraw dawn il-kliem ta’ San Gejtanu, nifhmu li qisna qegħdin naqraw xi kumment li niktbu aħna fuqna nfusna. Meta aħna nersqu lejn il-qaddisin, nagħmlu kuraġġ kbir. L-ewwel kuraġġ li nagħmlu huwa li nifhmu li huma m’għandhom l-ebda problema jistqarru d-dgħjufija tagħhom. M’għandhom l-ebda kumpless żejjed biex jistqarru li huma midinbin u midinbin ta’ vera. Mhijiex umiltà falza din ta’ San Gejtanu, imma umiltà vera ta’ bniedem dgħajjef li għandu bżonn jagħmel għażla.  

Id-deċiżjoni ta’ San Gejtanu aħna nafuha. Id-deċiżjoni ta’ San Gejtanu hija dik li ma jċedix quddiem id-dgħufija u d-dnubiet tiegħu. Hu jsemmi d-dnubiet tal-ġisem, id-dnubiet tad-dinja, il-fatt li jċedi għall-għadu. 

X’inhu l-messaġġ għalina? Jekk San Gejtanu, konxju mid-dgħufija tiegħu, ikollu l-esperjenza tad-dija tal-wiċċ ħanin tal-Mulej jiddi fuqu, inti wkoll, aħna lkoll kemm aħna, imsejħin biex nitpaxxew bil-ħniena u d-dija tas-sebħ tal-Mulej fis-sagramenti, fil-Qrar, fl-Ewkaristija. 

Aħna rridu nkunu bħal San Gejtanu, bħal San Ġorġ Preca, li jindikawlna lil Ġesù, u nħarsu lejh u nilqgħuh mingħand Marija. Bħalma kien jgħid San Ġwann tas-Salib: “Jekk inti tilqa’ lil Marija, hi tiġi għandek, toqgħod għandek u ġġib magħha lill-Verb Inkarnat, il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem.”

Għalhekk, ejjew nilqgħu lill-Madonna hi u tagħtina lil Ġesù, u nitolbu l-interċessjoni ta’ San Gejtanu biex dak li għadda minnu u li kkonvertieh, “inqum, u għalkemm ma jistħoqqlix, jiena nkun qaddej tas-sid umli tiegħek,” aħna wkoll inkunu qaddejja tas-Sid umli tagħna għax nafu li afdalna teżor kbir, nafu li l-“ġarar tagħna tal-fuħħar,” imma għalina biżżejjed il-grazzja tiegħu”.

  • U int, kemm temmen fil-Providenza Divina?
  • Kemm hi kbira l-fiduċja tiegħek f’Alla?
  • Inti tħalli lil Alla jużak biex inti stess tkun providenza għal ħaddieħor?

Talba: O Alla, inti tajt lis-saċerdot San Gejtanu l-grazzja li jgħix ħajja bħal tal-appostli; agħmel li aħna, bl-eżempju u t-talb tiegħu, inqiegħdu dejjem fik it-tama tagħna u qatt ma nieqfu nfittxu s-saltna tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2018/08/saint-cajetan.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-cajetan/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Cajetan

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Diċembru: It-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu

Verżjoni Vidjo: It-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu

“Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.” – Galatin 4:4-5

was-jesus-really-born-on-christmasIT-TWELID TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU

Tagħrif: Il-Messija kien ilu mwiegħed sa minn mijiet ta’ snin. Kienet ta’ preparazzjoni għalih l-għażla ta’ poplu, li sar il-poplu ta’ Alla. Ħabbruh il-Profeti. Xtaquh l-poplu magħżul, speċjalment meta ħass ruħu magħfus mill-ġnus barranin.

Meta, imbagħad, waslet il-milja taż-żminijiet, il-Mulej twieled minn mara jisimha Marija. Għalkemm miżżewġa ma’ Ġużeppi, raġel ġust, hi baqgħet verġni fit-twelid tal-Iben waħdieni tagħha, għax dak li sar fiha kien opra tal-Ispirtu s-Santu.

Fi twelidu, fil-faqar ta’ għar ġo Betlem, l-ewwel ma għarfuh kienu r-rgħajja. Imma hu ġie għall-bnedmin kollha, fqar u għonja bla differenza ta’ xejn.

Minn dakinhar ta’ twelidu, id-dinja bdiet tisma’ s-sejħa ħalli timxi warajh. Il-poplu Lhudi ma baqax waħdu bħala l-poplu ta’ Alla. Bdiet isseħħ il-fidwa tal-bnedmin kollha, ta’ kull lewn, ta’ kull razza, u ta’ kull żmien.

Il-25 ta’ Diċembru kienet il-ġurnata li fiha d-dinja Rumana kienet tiċċelebra t-twelid tax-xemx, għax f’dak iż-żmien tas-sena l-ġurnata terġa’ tibda titwal. L-Insara għażlu din il-ġurnata biex fiha jiftakru u jifirħu bit-twelid ta’ Ġesù Kristu: ix-Xemx ta’ dejjem u d-Dawl ta’ kull bniedem.

Il-ferħ tal-Milied, it-tiżjin tat-toroq, ir-rigali li nagħtu lil xulxin suppost li huma sinjali li jfakkruna li Ġesù Kristu twieled ġewwa fina u qed jgħix fil-qalb tagħna. Flimkien mar-rigali, in-Nisrani jwassal ‘il Kristu bil-kelma u bl-imġiba, u b’messaġġ li jibqa’ jinħass għal wara l-Milied ukoll.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir bit-titlu ‘Agħraf, o Nisrani, l-kobor tiegħek!’:

Għeżież, illum twieled is-Salvatur tagħna; ejjew nifirħu. M’huwiex sewwa li wieħed isewwed qalbu fejn hi mwielda l-ħajja, dik il-ħajja li qerdet il-biża’ tal-mewt u mlietna bl-hena tal-ħajja ta’ dejjem.

Ħadd m’hu se jkun imċaħħad minn sehmu f’din ix-xrara ta’ hena li għalih kulħadd xorta waħda hu msejjaħ: għax Sidna, li qered id-dnub u l-mewt, bħalma ‘l ħadd minna ma sab nieqes mill-ħtija hekk ġie biex jeħles lil kulħadd. Jithenna l-qaddis għax wasal għall-premju. Jifraħ il-midneb għax hu mistieden għall-maħfra. Jieħu r-ruħ il-pagan għax isejjaħ għall-ħajja.

Għax l-Iben ta’ Alla, fil-milja taż-żminijiet, kif fassal Alla fil-pjan għoli tiegħu li ħadd ma jista’ jiflih, sar bniedem biex jerġa’ jħabbeb il-bnedmin mal-ħallieq tagħhom, u hekk ix-xitan, li bih daħlet il-mewt fid-dinja, jintrebaħ bis-saħħa ta’ dik l-istess natura li biha hu kien ħareġ rebbieħ.

Għalhekk, aħna jeħtieġ li ninżgħu l-bniedem il-qadim bl-għemejjel tiegħu; u, ladarba issa ksibna sehem fit-tnissil ta’ Kristu, irridu niċħdu l-għemejjel tal-ġisem.

Agħraf, o Nisrani, il-kobor tiegħek; int, li sseħibt ma’ Alla fin-natura tiegħu, la terġax taqa’ fil-post baxx ta’ dari b’ħajja mhix xierqa. Ftakar ta’ liema ras u ġisem int membru. Żomm f’moħħok li inti nqtajt minn taħt is-setgħa tad-dlamijiet u għaddejt fid-dawl u s-saltna ta’ Alla.

Bis-Sagrament tal-Magħmudija sirt tempju tal-Ispirtu s-Santu; qis li Spirtu hekk qaddis li jgħammar fik ma tkeċċihx minnek b’għemejjel ħżiena u tintelaq mill-ġdid taħt il-jasar tax-xitan: għax il-ħlas tal-fidwa tiegħek hu d-demm ta’ Kristu.”

  • U int, wellidt lil Ġesù f’qabek u f’ħajtek?
  • Neħħejt id-dlamijiet tad-dnub bis-Sagrament tal-Qrar biex tkun tista’ tilqa’ ġewwa fik lid-Dawl ta’ dejjem fit-Tqarbin Imqaddes?
  • Se tkompli tgħix b’tali mod li l-Milied tkun tista’ tkompli tiċċelebrah is-sena kollha għax il-Mulej se jkompli jgħix f’qalbek waqt li inti tgħix ħajja li togħġob lilu?

Talba: O Alla, li ta’ kull sena tferraħna fl-istennija tal-fidwa tagħna, agħmel li aħna, bħalma nilqgħu bil-ferħ lil Ibnek il-waħdieni, Feddej tagħna, hekk ukoll jistħoqqilna narawh bla biża’ meta jiġi b’Mħallef tagħna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/christmas-birthday-of-jesus.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/the-nativity-of-the-lord-christmas-665

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nativity_of_Jesus

A short version of the Film ‘The Nativity Story’:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started