2 ta’ Lulju: San Bernardino Realino

Verżjoni Vidjo: San Bernardino Realino

“Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama. Intom issejħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom, tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha, issibuni, u jiena nbiddel xortikom.” – Alla f’Ġeremija 29:11-14.

beardinoSAN BERNARDINO REALINO
Saċerdot, Ġiżwita
1530 – 1616

Tagħrif: Dan il-qaddis twieled f’Carpi, fl-Italja. Bħala żagħżugħ, beda jistudja għal tabib f’Bolonja, imma mbagħad, biex jogħġob lil ċerta Cloride, xebba bil-għaqal u reliġjuża ħafna, li lejha kien miġbud, mill-kors tal-mediċina qaleb għall-kors tal-liġi. Ħa l-lawrija ta’ avukat ta’ 26 sena, u, billi kien kapaċi, okkupa karigi ċivili importanti. Serva wkoll bħala sindku f’diversi bliet fejn wera ħila kbira.

Cloride mietet ta’ 28 sena, u l-mewt tagħha ħassha ħafna. Hu jirrakkonta li darba dehritlu u qaltlu biex ineħħi s-swied il-qalb li waqa’ fuqu u għenitu jerfa’ qalbu u ħsiebu lejn Alla.

Tħajjar jidħol mal-Ġiżwiti, imma missieru xtaqu ma jagħmilx dak il-pass biex ikun jista’ jdur bih sakemm imut. Talab id-dawl lill-Madonna li lejha kien ħafna devot, u ħass li ma kellux jibqa’ jistenna. Għalhekk kiteb ittra twila lil missieru u talbu jagħmel miegħu dak is-sagrifiċċju tal-firda u bil-barka ta’ missieru ta’ 34 sena daħal mal-Ġiżwiti.

Għall-umiltà tiegħu, u biex ikollu aktar ċans jitlob, xtaq jibqa’ sempliċi fratell, imma s-superjuri tiegħu ħasbuha mod ieħor, u fi żmien tliet snin ħa l-quddiesa, u kien magħżul surmast tan-novizzi. Iż-żmien battal li kien jifdallu kien iqattgħu jgħallem id-duttrina lit-tfal u jżur il-ħabs u l-isptarijiet.

Wara għaxar snin f’Napli, intbagħat f’Lecce f’Apulia fejn għadda l-aħħar 42 sena ta’ ħajtu. Meta kien ilu hemm biss sentejn ta bidu biex jibni knisja u jwaqqaf ukoll kulleġġ. Iżda x-xogħol ewlieni tiegħu malajr sar id-direzzjoni tal-erwieħ speċjalment fil-konfessinarju.

Fi xjuħitu kien mogħni b’doni sopranaturali bħal viżjonijiet, setgħa li jfejjaq u li jagħmel profeziji. Il-poplu ta’ Lecce kien tant iħobbu, li meta kienet tiġri x-xniegħa li kienu se jittrasferuh band’oħra kienet tqum il-belt kollha biex jibqa’ magħhom.

Bernardino Realino kien igawdi tant fama kbira ta’ qaddis li, huwa u jmut, il-maġistrati tal-belt talbuh li jaċċetta li jkun il-patrun tagħhom fis-sema, u hu baxxa rasu bħala sinjal li jaċċetta, u n-nies ukoll talbu lill-isqof biex kif imut tinbeda l-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu.

Il-qaddis miet ta’ 85 sena fit-2 ta’ Lulju, 1616. Piju XII iddikjarah qaddis fl-1947.

Ħsieb: Mill-ħajja ta’ dan il-qaddis tal-lum, xtaqt nieqaf fuq il-fatt li Cloride, din ix-xebba bil-għaqal u reliġjuża ħafna li lejha kien miġbud u li biex jogħġob lilha mill-kors tal-mediċina qaleb għall-kors tal-liġi, ħallitlu vojt kbir f’qalbu u f’ħajtu meta din ħalliet id-dinja ta’ 28 sena. Tant kien kbir dan il-vojt, li Alla ppermetta li din tidhirlu u tgħidlu neħħi s-swied il-qalb li kien waqa’ fuqu u jerfa’ qalbu u ħsiebu lejn Alla. Ħafna drabi din taf tkun l-esperjenza tagħna wkoll. Xi kultant, fil-ħajja ngħaddu minn esperjenzi negattivi qawwija bħal xi trawma, inċident, it-telfa ta’ xi ħadd għażiż u oħrajn. Dawn jafu jbiddluna f’persuni bla skop, imdejqa jew saħansitra dipressi. Bħal donnha l-ħajja tieqaf, issir bla skop u biex ngħixu l-ġurnata tibda ssir ta’ toqol u sforz kbir li Alla biss jista’ jifhmu.

Huwa propju hawn li jekk nieħdu l-istess parir li Cloride tat lil Bernardino, inkunu tassew qed nimxu fid-direzzjoni t-tajba meta quddiemna ma tidher l-ebda triq! Neħħi s-swied il-qalb li kien waqa’ fuqek u erfa’ qalbek u ħsibijietek lejn Alla. Kemm hu tassew parir siewi dan! Il-qawwa li rċieva Bernardino mingħand Alla, wasslu biex jibda paġna ġdida, viżjoni ġdida, ħajja ġdida. Forsi mis-swied ta’ qalb tiegħek, jekk int ukoll tersaq lejn il-Mulej fit-talb, Hu jrid jagħtik il-ferħ, il-paċi u forsi anki missjoni ġdida li forsi qatt qabel ma kienet għaddietlek minn rasek.

Xi kultant, ċerti avvenimenti fil-ħajja tal-bniedem, Alla fl-għerf tiegħu li aħna ma nwasslux għalih, jippermettihom għall-ġid tagħna u tal-oħrajn madwarna. Minn traġedja ġieli ħareġ ħafna ġid, ġieli bniedem biddel ir-rotta ta’ ħajtu u beda miexi fid-direzzjoni lejn il-ġenna, filwaqt li qabel kien miexi f’direzzjoni opposta, ġieli nies sabu l-vokazzjoni vera tagħhom u għarfuha propju fi żmien iebes u ta’ tbatija. Bl-Ingliż ngħidu dik l-esperjenza kienet ‘eye opener’ – fetħitlu jew fetħitilha għajnejh/a. Hekk hu u hekk irid jagħmel il-Mulej fil-ħajja tagħna meta jippermetti li ngħaddu mis-swied ta’ qalb.

Huwa importanti li nżommu f’moħħna u f’qalbna:

  • li l-Mulej jinsab magħna fin-niket tagħna,
  • li qed jibki magħna u jitlob għalina,
  • li qed joffrilna spalla fuq min inserħu u nsibu l-faraġ

imma wkoll li:

  • irid jgħallimna minn din l-esperjenza
  • irid jurina kif nistgħu niskopru skop jew skopijiet li forsi mhux dawk li kellna qabel u
  • ma jridniex ningħalqu fina nfusna qisha l-ħajja spiċċat anzi rridu nagħmlu sforz biex nibqgħu ninfetħu għall-ħtiġijiet tal-oħrajn.

Fil-Ktieb ta’ Ġeremija 29:11-14, Alla jgħidilna dan:

“Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama. Intom issejħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom, tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha, issibuni, u jiena nbiddel xortikom.”

  • U int, qed tara kif ħajtek tista’ tagħmilha dejjem iżjed sabiħa, prezzjuża u ta’ rigal għal ta’ madwarek kif għamel b’ħajtu Bernardino Realino wara t-telfa tax-xebba li tant kien iħobb u lest li jagħmel bidliet kbar għaliha?
  • X’bidliet lest/a li tagħmel f’ħajtek biex din tiġi tixbah iżjed lil dik tal-qaddisin?

Talba: O Mulej, int tajt il-grazzja li San Bernardino Realino li fin-niket tiegħu dar lejk b’fiduċja sħiħa, il-qawwa u l-kuraġġ li jagħmel minn ħajtu don mill-isbaħ għalik u għall-oħrajn, agħmel li b’talbu u bl-eżempju tiegħu, aħna wkoll nagħrfu ndawru l-avvenimenti qarsa ta’ ħajjitna f’xi ħaġa li verament tiswa, mhux biss għal din id-dinja imma b’mod speċjali għall-eternità. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicexchange.com/st-bernardino-realino

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=391

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bernardino_Realino

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started