24 ta’ Lulju: Beata Marija Mercedes Prat

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Mercedes Prat

“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” – Ġesù fi Ġwanni 15:13.

Mercedes Prat y PratBEATA MARIJA MERCEDES PRAT
Verġni u Martri
1880 – 1936

Tagħrif: Mercedes Prat twieldet f’Barċellona, fis-6 ta’ Marzu, 1880. L-għada, hija ġiet mgħammda. Għamlet l-ewwel tqarbina tagħha, fit-30 ta’ Ġunju, 1890.

Minn ċkunitha Mercedes ingħatat kompletament lil Alla. Ma kinitx tgħaddi ġurnata li hija ma tersaqx biex tirċievi l-Ewkaristija.

Kellha mħabba kbira għall-proxxmu u għamlet dak li setgħet sabiex tnibbet din il-kwalità ta’ mħabba f’ħaddieħor.

Meta kienet fl-iskola, kienet magħrufa għat-tjubija tagħha u għad-dedikazzjoni tagħha għall-istudju. Kienet eċċellenti fil-ħjata u fit-tpinġija, għaliex kienet imżejna bit-talent tal-arti.

Fl-1904, hija ngħaqdet mas-Soċjetà ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, f’Tortosa, u bdiet in-novizzjat tagħha. Hija għamlet l-ewwel professjoni tagħha, fl-1907.

Fl-1920, Swor Mercedes inbagħtet il-Motherhouse, Barċellona. Kien hemm taqlib sħiħ, il-Gvern kien anti-kattoliku u ma kellu l-ebda simpatija lejn il-Knisja.

Minn hawn beda l-martirju għal Swor Mercedes. Fis-19 ta’ Lulju tal-1936, il-komunità kellha tħalli l-iskejjel tagħha u taħrab. Hija kienet waħda mir-reliġjużi, u fit-23 ta’ Lulju ġiet arrestata u xkubettatha, għaliex kienet soru.

Hija mietet filgħodu kmieni nhar l-24 ta’ Lulju, 1936. Ġiet ibbeatifikatha mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, fid-29 ta’ April, 1990.

Aktar dettalji
Il-Beata Marija Mercedes Prat kienet reliġjuża għal qalb t’Alla: sinċiera u dejjem prudenti fi kliemha, kalma, ġentili, ta’ tjieba kbira għal kulħadd iżda ta’ karattru sod. Hija tħarrġet b’żelu u dedikazzjoni fl-appostolat tat-tagħlim f’diversi skejjel. Il-ħajja reliġjuża tagħha kienet immarkata minn sempliċità qawwija u għotja sħiħa ta’ mħabba lejn Alla u l-aħwa. Alla kien il-maħbub tagħha u l-imħabba tagħha għalih kompliet dejjem tikber, sal-punt li kienet lesta li tagħti ħajjitha għal Alla.

L-ewwel jiem tal-gwerra Spanjola għamlu minnha waħda mill-ewwel vittmi tal-gwerra. Ġiet arrestata mill-militanti flimkien ma’ soru oħra tal-komunità, u wara ġurnata ta’ turmenti morali, ġiet fuċillata ma’ priġunieri reliġjużi oħra. Mietet wara agunija twila, li matulha ħafret lill-eżekuturi tagħha, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Ħsieb: Imma min fejn ġabet il-qawwa biex taħfer u tibqa’ fidila lejn Kristu, anke sal-Martirju? Il-Papa Franġisku f’quddiesa tal-Kanonizzazzjoni għal grupp ta’ 800 qaddis martri, (12 ta’ Mejju, 2013) jgħid hekk:

“Il-Kelma t’Alla li stednitna għal fedeltà lejn Kristu, anke sal-Martirju; tfakkarna mill-ġdid fl-urġenza u fis-sbuħija li nwasslu ‘l Kristu u l-Evanġelju tiegħu lil kulħadd; u tkellimna dwar ix-xhieda tal-imħabba li mingħajrha kemm il-martirju kif ukoll il-missjoni jitilfu kull togħma nisranija.

L-Atti tal-Appostli, meta jkellmuna mid-djaknu Stiefnu, l-ewwel martri, jinsistu jtennulna li hu kien bniedem “mimli bl-Ispirtu s-Santu” (6:5; 7:55). Xi jfisser dan? Ifisser li huwa kien mimli bl-Imħabba t’Alla, li l-persuna kollha tiegħu, il-ħajja tiegħu kienu mogħtija r-ruħ mill-Ispirtu ta’ Kristu Mqajjem mill-imwiet, b’mod li hu seta’ jimxi wara Ġesù bil-fedeltà sħiħa sal-għotja tiegħu nnifsu.

Imma l-martri fejn sabu l-qawwa biex jibqgħu fidili? Żgur fil-fidi li tara ‘l hemm mill-limiti tal-ħarsa tagħna bħala bnedmin, lil hemm minn tmiem il-ħajja f’din l-art, li tgħinna nikkontemplaw “is-smewwiet miftuħa” – kif itenni San Stiefnu – u lil Kristu ħaj fuq il-lemin tal-Missier. Għeżież ħbieb tiegħi, ngħożżu dil-fidi li rċivejna u li hija l-veru teżor, inġeddu l-fedeltà tagħna għall-Mulej, anke qalb it-tfixkil u meta nsibu ruħna mhux mifhmuha; Alla ma jonqosna qatt fil-qawwa u s-serenità.

Fil-waqt li nagħtu qima lill-Martri …, nitolbu ‘l Alla li jagħti l-qawwa lil tant insara li, f’tant pajjiżi fid-dinja, illum ukoll qegħdin isofru vjolenza; nitolbuh ukoll jagħtihom il-kuraġġ tal-fedeltà u li jwieġbu l-ħażin bit-tajjeb.

It-tieni ħsieb nistgħu nieħduh mill-kelmiet ta’ Ġesù li mill-Evanġelju: “Nitlob għal dawk li għad jemmnu bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (Ġwanni 17:20). 

Ejjew inkunu ġenerużi m’Alla, ma ngħixux il-fidi weħidna – bħallikieku kien possibbli tgħix il-fidi għalik waħdek – imma li ngħadduha lill-oħrajn, ngħaddu l-ferħ tal-Evanġelju bil-kelma u bix-xhieda tal-ħajja f’kull ambjent li fih inkunu ninsabu. F’kull post li fih ngħixu, inwasslu r-raġġi ta’ dil-ħajja tal-Evanġelju! Il-fidi tgħallimna naraw il-wiċċ ta’ Ġesù li jidher jirrifletti fl-ieħor jew l-oħra, li nirbħu l-indifferenza u l-individwaliżmu, li jherru l-komunitajiet insara u jherru lill-qlubna.

Hija tgħallimna wkoll nilqgħu lil kulħadd mingħajr preġudizzji, mingħajr diskriminazzjoni, mingħajr domandi għalxejn, bi mħabba sinċiera. Fil-waqt li nagħtu l-aħjar tagħna nfusna u fuq kollox naqsmu magħhom dak li għandna l-aktar prezzjuż, li m’humiex il-ħidmiet tagħna jew l-organizzazzjonijiet tagħna; Le! Dak li għandna bħala l-aktar li jiswa huwa Kristu u l-Evanġelju tiegħu.

Fl-aħħarnett, it-tielet ħsieb. Fl-Evanġelju Ġesù jitlob lill-Missier b’dawn il-kelmiet: “Jien għarrafthom ismek u għad ngħarrafhulhom iżjed, biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena fihom” (Ġwanni 17:26). Il-fedeltà sal-mewt tal-martri u x-xandir tal-Evanġelju lil kulħadd għandhom l-għeruq tagħhom fl-imħabba t’Alla li hija msawba fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu (ara Rumani 5,5) u fix-xhieda li għandna nagħtu għal din l-imħabba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  

Ejjew inħobbu kif Ġesù ħabbna, u dan ifisser li ma ningħalqux fina nfusna, fil-problemi tagħna, fl-ideat tagħna, fl-interessi tagħna, f’din id-dinja żgħira li tant iġġibilna ħsara, imma noħorġu u mmorru niltaqgħu ma’ min jeħtieġ attenzjoni, mogħdrija, għajnuna, biex inwasslulhom qribhom l-imħabba mħeġġa u ħerqana t’Alla; u dan nagħmluh b’ġesti ta’ delikatezza, interess sinċier u mħabba.

Il-fedeltà għal Kristu u l-Evanġelju tiegħu, biex inwassluh bil-kelma u bil-ħajja, filwaqt li nagħtu xhieda tal-imħabba t’Alla bl-imħabba tagħna, bil-karità tagħna lejn kulħadd: dawn huma eżempji li jdawwlu u tagħlim li joffrulna l-Qaddisin imxandra llum, imma li fl-istess waqt iqajmu wkoll mistoqsijiet lil ħajjitna nisranija:

  • Kif jiena fidil/a għal Kristu?
  • Jiena kapaċi li “nuri” l-fidi tiegħi bir-rispett, imma wkoll bil-kuraġġ?
  • Jiena attent/a għall-oħrajn, nittendi min huwa fil-bżonn, nara f’kulħadd aħwa li rrid inħobb?

Inġorru magħna dawn il-mistoqsijiet biex naħsbu fuqhom.”

Talba: Mulej Alla ta’ missirijietna, imliena bix-xjenza tas-salib, li biha żejjint lill-Beata Marija Mercedes Prat fil-waqt tal-martirju; agħtina, għat-talb tagħha, li dejjem infittxu lilek bħala l-ogħla Verità u nħarsu b’qalb sħiħa sal-mewt il-patt etern ta’ mħabbtek imwettaq bid-demm ta’ Ibnek għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://dbpedia.org/page/Merc%C3%A8_Prat_i_Prat

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=7447

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Merc%C3%A8_Prat_i_Prat

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started