25 ta’ Lulju: San Ġakbu l-Kbir

Verżjoni Vidjo: San Ġakbu l-Kbir

“Dawn, meta kienu fostna, ħawwlu l-Knisja u saqqewha b’demmhom. Huma xorbu l-kalċi tal-Mulej u saru ħbieb ta’ Alla. Mal-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġakbu l-Kbir (Salm 18 (19):5).

jamesSAN ĠAKBU L-KBIR
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Ġakbu, li jiġi ħu San Ġwann l-Appostlu, kien magħruf bħala Ġakbu l-Kbir biex jingħaraf mill-Appostlu Ġakbu l-ieħor li x’aktarx kien iżgħar fl-età.

Kien sajjied minn Betsajda, fil-Galilija. Ġurnata waħda, hu u ħuħ Ġwanni kienu qed jistadu flimkien ma’ missierhom Żebedew meta Ġesù kien għaddej mill-inħawi u sejħilhom biex ikunu dixxipli tiegħu. It-tnejn ħallew lil missierhom, ix-xbiek u kollox, u marru miegħu.

Lil dawn iż-żewġ aħwa, Ġesù tahom l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri “ulied ir-ragħad” (Mark 3:17) x’aktarx għax kienu fuq tagħhom, bħal meta darba qalu lil Ġesù: “Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna” (Mark 10: 35-41). Darb’oħra meta s-Samaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Luqa 9:54).

San Ġakbu kien ma’ San Pietru u San Ġwann meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru mill-mewt; kien magħhom ukoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; u wkoll fl-agunija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-Żebbuġ.

Tradizzjoni tgħid li wara t-tlugħ tal-Mulej Ġesù fis-sema, San Ġakbu mar Spanja jipprieTka l-Vanġelu. F’Compostella hemm knisja famuża ddedikata f’ismu, u hemm jingħatalu ġieħ mill-ikbar.

Kien l-ewwel wieħed fost l-appostli li miet għal Ġesù, bil-qtugħ ir-ras, fil-Palestina, fis-sena 43, fi żmien is-Sultan Agrippa I. Sa mis-seklu 9 Spanja tiftaħar li l-fdal tal-qaddis (li huma jsejħulu Sant Jago) jinsabu f’Compostella, u l-pellegrinaġġi lejn SantIago ta’ Compostella kienu saru famużi ħafna fiż-żminijiet tan-nofs.

Fil-gżejjer tagħna għandna diversi knejjes iddedikati lil dan l-appostlu, fosthom dik tal-belt Valletta, dik ta’ Ħaż-Żabbar, u dik tar-Rabat Għawdex.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq l-Evanġelju ta’ San Mattew bit-titlu ‘Issieħbu ma’ Kristu fit-tbatijiet’:

“Ulied Żebedew talbu bil-ħerqa lil Kristu u qalulu: ‘Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fix-xellug fil-glorja tiegħek.’ Ġesù ried jurihom li ma kienu qegħdin jitolbu xejn spiritwali, u li dik it-talba qatt ma kienu jissugraw jagħmluhielu kieku kienu jafu x’inhuma jgħidu. Għalhekk qalilhom: ‘Ma tafux x’intom titolbu;’ jiġifieri, kemm hi ħaġa kbira u tal-għaġeb li tisboq saħansitra l-istess qawwiet tas-sema. U żied jgħidilhom: ‘Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?’ Qalilhom: ‘Intom ġejtu tkellmuni fuq ġieħ u glorja, u jien qed inkellimkom fuq taqbid u għaraq. Għax issa għadu m’hux żmien il-premju, u dik il-glorja tiegħi m’hijiex se tidher issa; il-ħajja ta’ issa hi ħajja ta’ taqtigħat, ta’ gwerer u perikli.’

Iżda araw kif staqsiehom biex iwissihom u jħajjarhom. Ma qalilhomx: ‘Għandkom ħila tidħlu għat-taqtigħa? Għandkom ħila xxerdu demmkom?’ Mela kif staqsiehom? ‘Għandkom ħila tixorbu l-kalċi?’ Imbagħad, biex jagħtihielhom aktar bil-ħlewwa, żied jgħidilhom: ‘Li se nixrob jien,’ biex jekk jissieħbu miegħu jitħejjew aħjar. Il-kalċi sejjaħlu magħmudija, biex jurihom x’tindif kbir kien se jsir fid-dinja. Imbagħad qalulu: ‘Għandna ħila.’ Qalbhom tħeġġet u minnufih wegħduh, mhux għax kienu jafu x’inhuma jgħidu, iżda għax stennew li se jaqilgħu dak li talbu.

U x’weġibhom Ġesù? Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien. Ħabbrilhom ġid kbir, fi kliem ieħor qalilhom: ‘Il-martirju jkun jistħoqqilkom, u għad issofru t-tbatijiet li se nbati jien, għax ittemmu ħajjitkom b’mewt qalila, u f’dan tissieħbu miegħi. Imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija minn Missieri.’ L-ewwel refgħalhom qlubhom ‘il fuq, u mbagħad kompla jgħollihom, wettaqhom biex jegħlbu d-dwejjaq kollha, sakemm fl-aħħar wissiehom fuq it-talba tagħhom.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa. Qegħdin taraw? Kollha kienu għadhom imperfetti, kemm dawk it-tnejn li riedu jaqbżu l-għaxra l-oħra, kemm l-għaxra li ġiethom l-għira għal dawk it-tnejn. Imma, kif diġà għedtilkom, ħarsu lejhom wara li għaddew dawn il-ġrajja, u taraw kif warrbu għalkollox dawn il-frugħat minnhom. Dan l-istess Ġwanni, li issa xtaq post minn ta’ quddiem, aktar tard jibda jħalli dan il-post dejjem lil Pietru biex dan jitkellem u jagħmel il-mirakli, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli. U Ġakbu ma damx wisq jgħix, għax minnufih imtela b’ħeġġa kbira, warrab minnu kull ma hu tal-art, u ssieħeb ma’ Kristu hekk mill-qrib li malajr ħa l-mewt għalih.”

Mhux minnu li wieħed ikun qaddis irid jitwieled qaddis jew irid ikun mingħajr nuqqasijiet. L-Appostlu San Ġakbu huwa eżempju l-iktar ċar ta’ dan. Kien ta’ karattru li malajr jixgħel; kellu demmu spont. Minkejja dan, meta Ġesù sejjaħlu ħalla kollox u mar warajh; inbidel u sar Qaddis.

  • U int, qed tħalli lill-Mulej jagħmlek qaddis/a?
  • Qiegħed/qiegħda tgħin fil-ħidma tal-evanġelizazzjoni?
  • Titlob biex aktar qlub jinfetħu biex jilqgħu l-Kelma tal-ħajja bil-ferħ?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int qaddist l-ewwel ħidmiet ta’ l-Appostli tiegħek bil-martirju ta’ San Ġakbu; wettaq u għin lill-Knisja tiegħek bl-istqarrija u l-ħarsien tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=59

Alternative Reading: http://saintsresource.com/james-the-greater

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/James,_son_of_Zebedee

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started