25 ta’ Lulju: San Ġakbu l-Kbir

Verżjoni Vidjo: San Ġakbu l-Kbir

“Dawn, meta kienu fostna, ħawwlu l-Knisja u saqqewha b’demmhom. Huma xorbu l-kalċi tal-Mulej u saru ħbieb ta’ Alla. Mal-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġakbu l-Kbir (Salm 18 (19):5).

jamesSAN ĠAKBU L-KBIR
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Ġakbu, li jiġi ħu San Ġwann l-Appostlu, kien magħruf bħala Ġakbu l-Kbir biex jingħaraf mill-Appostlu Ġakbu l-ieħor li x’aktarx kien iżgħar fl-età.

Kien sajjied minn Betsajda, fil-Galilija. Ġurnata waħda, hu u ħuħ Ġwanni kienu qed jistadu flimkien ma’ missierhom Żebedew meta Ġesù kien għaddej mill-inħawi u sejħilhom biex ikunu dixxipli tiegħu. It-tnejn ħallew lil missierhom, ix-xbiek u kollox, u marru miegħu.

Lil dawn iż-żewġ aħwa, Ġesù tahom l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri “ulied ir-ragħad” (Mark 3:17) x’aktarx għax kienu fuq tagħhom, bħal meta darba qalu lil Ġesù: “Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna” (Mark 10: 35-41). Darb’oħra meta s-Samaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Luqa 9:54).

San Ġakbu kien ma’ San Pietru u San Ġwann meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru mill-mewt; kien magħhom ukoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; u wkoll fl-agunija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-Żebbuġ.

Tradizzjoni tgħid li wara t-tlugħ tal-Mulej Ġesù fis-sema, San Ġakbu mar Spanja jipprieTka l-Vanġelu. F’Compostella hemm knisja famuża ddedikata f’ismu, u hemm jingħatalu ġieħ mill-ikbar.

Kien l-ewwel wieħed fost l-appostli li miet għal Ġesù, bil-qtugħ ir-ras, fil-Palestina, fis-sena 43, fi żmien is-Sultan Agrippa I. Sa mis-seklu 9 Spanja tiftaħar li l-fdal tal-qaddis (li huma jsejħulu Sant Jago) jinsabu f’Compostella, u l-pellegrinaġġi lejn SantIago ta’ Compostella kienu saru famużi ħafna fiż-żminijiet tan-nofs.

Fil-gżejjer tagħna għandna diversi knejjes iddedikati lil dan l-appostlu, fosthom dik tal-belt Valletta, dik ta’ Ħaż-Żabbar, u dik tar-Rabat Għawdex.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq l-Evanġelju ta’ San Mattew bit-titlu ‘Issieħbu ma’ Kristu fit-tbatijiet’:

“Ulied Żebedew talbu bil-ħerqa lil Kristu u qalulu: ‘Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fix-xellug fil-glorja tiegħek.’ Ġesù ried jurihom li ma kienu qegħdin jitolbu xejn spiritwali, u li dik it-talba qatt ma kienu jissugraw jagħmluhielu kieku kienu jafu x’inhuma jgħidu. Għalhekk qalilhom: ‘Ma tafux x’intom titolbu;’ jiġifieri, kemm hi ħaġa kbira u tal-għaġeb li tisboq saħansitra l-istess qawwiet tas-sema. U żied jgħidilhom: ‘Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?’ Qalilhom: ‘Intom ġejtu tkellmuni fuq ġieħ u glorja, u jien qed inkellimkom fuq taqbid u għaraq. Għax issa għadu m’hux żmien il-premju, u dik il-glorja tiegħi m’hijiex se tidher issa; il-ħajja ta’ issa hi ħajja ta’ taqtigħat, ta’ gwerer u perikli.’

Iżda araw kif staqsiehom biex iwissihom u jħajjarhom. Ma qalilhomx: ‘Għandkom ħila tidħlu għat-taqtigħa? Għandkom ħila xxerdu demmkom?’ Mela kif staqsiehom? ‘Għandkom ħila tixorbu l-kalċi?’ Imbagħad, biex jagħtihielhom aktar bil-ħlewwa, żied jgħidilhom: ‘Li se nixrob jien,’ biex jekk jissieħbu miegħu jitħejjew aħjar. Il-kalċi sejjaħlu magħmudija, biex jurihom x’tindif kbir kien se jsir fid-dinja. Imbagħad qalulu: ‘Għandna ħila.’ Qalbhom tħeġġet u minnufih wegħduh, mhux għax kienu jafu x’inhuma jgħidu, iżda għax stennew li se jaqilgħu dak li talbu.

U x’weġibhom Ġesù? Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien. Ħabbrilhom ġid kbir, fi kliem ieħor qalilhom: ‘Il-martirju jkun jistħoqqilkom, u għad issofru t-tbatijiet li se nbati jien, għax ittemmu ħajjitkom b’mewt qalila, u f’dan tissieħbu miegħi. Imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija minn Missieri.’ L-ewwel refgħalhom qlubhom ‘il fuq, u mbagħad kompla jgħollihom, wettaqhom biex jegħlbu d-dwejjaq kollha, sakemm fl-aħħar wissiehom fuq it-talba tagħhom.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa. Qegħdin taraw? Kollha kienu għadhom imperfetti, kemm dawk it-tnejn li riedu jaqbżu l-għaxra l-oħra, kemm l-għaxra li ġiethom l-għira għal dawk it-tnejn. Imma, kif diġà għedtilkom, ħarsu lejhom wara li għaddew dawn il-ġrajja, u taraw kif warrbu għalkollox dawn il-frugħat minnhom. Dan l-istess Ġwanni, li issa xtaq post minn ta’ quddiem, aktar tard jibda jħalli dan il-post dejjem lil Pietru biex dan jitkellem u jagħmel il-mirakli, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli. U Ġakbu ma damx wisq jgħix, għax minnufih imtela b’ħeġġa kbira, warrab minnu kull ma hu tal-art, u ssieħeb ma’ Kristu hekk mill-qrib li malajr ħa l-mewt għalih.”

Mhux minnu li wieħed ikun qaddis irid jitwieled qaddis jew irid ikun mingħajr nuqqasijiet. L-Appostlu San Ġakbu huwa eżempju l-iktar ċar ta’ dan. Kien ta’ karattru li malajr jixgħel; kellu demmu spont. Minkejja dan, meta Ġesù sejjaħlu ħalla kollox u mar warajh; inbidel u sar Qaddis.

  • U int, qed tħalli lill-Mulej jagħmlek qaddis/a?
  • Qiegħed/qiegħda tgħin fil-ħidma tal-evanġelizazzjoni?
  • Titlob biex aktar qlub jinfetħu biex jilqgħu l-Kelma tal-ħajja bil-ferħ?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int qaddist l-ewwel ħidmiet ta’ l-Appostli tiegħek bil-martirju ta’ San Ġakbu; wettaq u għin lill-Knisja tiegħek bl-istqarrija u l-ħarsien tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=59

Alternative Reading: http://saintsresource.com/james-the-greater

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/James,_son_of_Zebedee

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

30 ta’ Ġunju: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Verżjoni Vidjo: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Kotra bla qjies ta’ martri baqgħu magħquda bejniethom fl-imħabba bħal aħwa, għax kellhom spirtu wieħed u fidi waħda. Ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, u saru jixbhuh f’mewthom għalhekk isaltnu miegħu għal dejjem.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira tal-Ewwel Martri ta’ Ruma.

PP-EarlyPersecutionOfChristians_JS_0027.jpgL-EWWEL MARTRI TA’ RUMA
? – 64

Tagħrif: Fis-sena 64, Ruma ġiet maħkuma u meqruda minn nirien kbar. L-Imperatur Neruni li kien qed jiġi akkużat li hu kien il-kawża tagħhom, malizzjożament tefa’ l-ħtija fuq il-komunità Nisranija ta’ Ruma, u fetaħ persekuzzjoni l-iktar ħarxa kontriha, li fiha San Pietru u San Pawl flimkien ma’ bosta Nsara, nisa u rġiel, żgħażagħ u xjuħ, u tfal subien u bniet, sofrew il-martirju.

Uħud mill-Insara mietu maħruqin, oħrajn mikulin mill-annimali selvaġġi, oħrajn mis-swat li qalgħu, u oħrajn mit-turmenti u mill-kefrijiet oħra bla ħniena.

Il-Papa San Klement f’ittra li kiteb faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u n-nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.

Din kienet l-ewwel persekuzzjoni maġġuri kontra l-Knisja. Warajha kien hemm oħrajn, kważi waħda wara l-oħra.

Fis-sena 313, Kostantinu l-Kbir, bil-famuż Editt ta’ Milan ta l-libertà lir-Reliġjon Nisranija. B’hekk l-Insara setgħu jipprattikaw il-kult tagħhom bla ebda xkiel. Hekk tista’ tgħid intemmet persekuzzjoni kontinwa ta’ 250 sena. Hekk bdiet ħajja ġdida għall-Knisja, perjodu ta’ paċi. Imbagħad l-Imperatur Teodosju, fis-sena 381, ipproklama l-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Istat.

Ħsieb: L-għada tal-festa tal-martirju tal-Appostli Pietru u Pawlu, il-Knisja tfakkar il-martirju ta’ għadd kbir ta’ Nsara li mietu qabilhom fil-belt eterna. L-għadd ta’ Insara li mietu martri f’Ruma fl-ewwel snin tal-era nisranija Alla biss jafu. Ta’ min isemmi li l-ewwel 31 Papa kienu lkoll martri. Jissemmew biss uħud minnhom li baqgħu magħrufin ħafna, imma ħafna oħrajn, irġiel u nisa, lanqas biss nafu isimhom, imma xorta waħda huma martri li biċ-ċarċir ta’ demmhom urew l-imħabba u l-fidi tagħhom fi Kristu li għalih taw ħajjithom kif għamel għalihom Kristu stess meta miet għalihom fuq is-salib biex jifdihom.

Ġesù jwiddeb: “Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha, iżda min jitlifha minħabba fija, isalva.” Kristu joffri ħajtu b’sagrifiċċju biex jiftaħ il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem għalina l-bnedmin. Għalhekk, biex nirbħu l-ħajja ta’ dejjem, jeħtiġilna niċċaħħdu minn dik tad-dinja. Imissna mmutu ma’ Kristu, biex inqumu miegħu: dan ifisser li kuljum nitgħabbew bit-tbatija u ċ-ċaħda sa ma jkollna l-almu tal-martri u biċ-ċarċir ta’ demmna nkunu xhieda għat-tagħlim tiegħu.

Il-fidi u l-grazzja tat lil dawn il-martri l-qawwa biex jirbħu l-ġibdiet tal-laħam u tad-demm. Ma abbandunawx lil uliedhom, iżda ħallewhom f’idejn Alla u f’idejn nieshom. Qatt ma nitilfu dak li għandna meta nħalluh biex nobdu ’l Alla.

X’kienet tkun id-dinja mingħajr Ġesù ta’ Nazaret? Anke l-filosfu u l-istoriku Franċiż Ernest Renan, kritiku qawwi tal-Knisja, jagħraf li “jekk tneħħi l-isem ta’ Ġesù mid-dinja tkun bħal ċaqlaqt il-pedamenti.”

Imma l-mistoqsija l-aktar importanti hija din: “Xi nkun jien mingħajr Ġesù ta’ Nazaret?” Huwa dan is-sentiment qawwi li qanqal lill-Appostli u wassalhom biex jaslu sat-trufijiet tad-dinja. Ħadd qatt ma tkellem bħalu dan il-bniedem, għaliex ingħata għal kollox għall-oħrajn sa ma sar xejn. Ħadd ma ordna bħalu lill-baħar u lir-riħ biex jisktu jew lill-ispirti ħżiena li jitturmentaw lill-bnedmin biex iħalluhom fis-sliem.

Il-qaddisin, bħal f’leħħa ta’ berqa, iltaqgħu mal-persuna ta’ Kristu. L-Appostli Pietru u Ġwanni, quddiem it-tribunal li seta’ jikkundannahom, mingħajr biża’ qalu: “Din hi l-ġebla li intom il-bennejja warrabtu, u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefha ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4: 11-12).

Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein) tgħid: “Is-salib irid ikun bħal bandiera li nimxu warajha mgħobbija bit-twegħir kollu tal-ħajja. U mis-salib irid joħroġ l-għerf l-aktar siewi: l-għerf tas-salib.”

Talba: O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/first-martyrs-of-the-church-of-rome

Alternative Reading: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/june-30-first-martyrs-of-the-church-of-rome/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/First_Martyrs_of_the_Church_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ April: San Mark

Verżjoni Vidjo: San Mark

“Kristu bagħatni nxandar il-bxara t-tajba, mhux bi kliem il-għerf, sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu. Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw hi l-qawwa ta’ Alla. Billi, fl-għerf ta’ Alla, id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Mark.

St.-Mark-Icon-WEB-327x420SAN MARK
Evanġelista
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Mark aktarx li kien it-tifel ta’ Marija, dik il-mara armla prominenti fil-komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm, li kienet iżżomm laqgħat tal-Insara fid-dar tagħha: u li San Pietru meta ġie meħlus mill-ħabs mar dritt għandha (Atti 12:13).

Probabbilment San Mark ġie mgħammed minn San Pietru stess.

Meta San Pawl u San Barnaba, li kien kuġin ta’ Mark, ġew Ġerusalemm bil-karità li kienu ġabru minn Antjokja, Mark issieħeb magħhom u mar magħhom fl-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ San Pawl, iżda għal xi raġuni meta kienu f’Perge tal-Pamfilja telaqhom u rritorna Ġerusalemm (Atti 13:13). Minħabba f’hekk San Pawl ma riedx lil Mark jakkompanjah fit-tieni vjaġġ tiegħu, u floku ħa lil Silas. Fuq hekk San Barnaba ma marx ma’ San Pawl, iżda flimkien ma’ Mark mar Ċipru, art twelidu. Imma ftit żmien wara Mark u Pawlu rranġaw id-differenzi ta’ bejniethom u saru ħbieb. Għall-ħabta tas-sena 60, lil Mark insibuh Ruma ma’ dan l-appostlu kbir u kien qed jaħseb biex jirritorna fil-knejjes tal-Asja ż-Żgħira, fejn kien diġà sar magħruf ħafna għall-ħidmiet appostoliċi tiegħu.

Minn Ruma x’aktarx li mar Kolossi, fl-Asja ż-Żgħira. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin fejn talabhom jagħtuh merħba (Kolossin 4:10). Meta San Mark reġa’ mar Ruma, ħadem ma’ San Pietru. Jidher li San Mark xandar l-evanġelju wkoll f’Aquilea, fit-tarf tat-tramuntana tal-Adrijatiku. Minn hemm telaq lejn l-Eġittu u jingħad li hu kien l-ewwel isqof ta’ Lixandra. Mar Efesu. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lil San Timotju fejn talbu jġib lil Mark miegħu (2 Timotju 4:11). Fis-sena 61, San Pawl kiteb lil Timotju f’Efesu, u talbu li jieħu miegħu lil Marku f’Ruma.

F’Ruma, bejn is-snin 60 u 70 w.K., San Mark kiteb l-evanġelju tiegħu, li hu ġabar mit-tagħlim ta’ San Pietru, li tiegħu jidher li kien jagħmilha ta’ segretarju u interpretu – hi kitba għall-pagani konvertiti. San Pietru jsejjaħ lil Marku “ibni”. Dan it-titlu ma jfissirx bilfors li kien għammdu hu; jista’ jkun titlu ta’ mħabba lejn wieħed li għal bosta snin kien miegħu u bin ħabiba antika tiegħu. Il-vanġelju tiegħu hu l-eqdem mill-erba’ vanġelji li għandna. Hu l-iqsar vanġelu, u kitbu bil-Grieg, għax x’aktarx li kien għall-Ġentili kkonvertiti ta’ Ruma. L-iljun bil-ġwienaħ hu s-simbolu tal-Vanġelu tiegħu għax fih iddeskriva ’l San Ġwann Battista bħala “vuċi tgħajjat fid-deżert,” vuċi ta’ ljun; u l-ġwienaħ għax Eżekjel kien ra viżjoni ta’ erba’ annimali bil-ġwienaħ.

Tradizzjoni tgħid li x’aktarx San Mark miet martri f’Lixandra. San Mark hu l-patrun ta’ Venezja; hu l-qaddis protettur wkoll tan-nutara.

Illum hu kważi ċert li dak iż-żagħżugħ li ħarab għarwien mill-Ġetsemani meta arrestaw lil Ġesù , li hu jsemmi fil-Vanġelju tiegħu, kien hu nnifsu.

Ħsieb: San Mark kiteb l-Evanġelju tiegħu ġewwa Ruma, fi żmien il-persekuzzjoni li l-Imperatur Neruni għamel kontra l-Insara. Din il-persekuzzjoni bdiet fis-sena 64, u San Pietru kien wieħed minn tal-ewwel li ħa l-martirju. Wara l-mewt ta’ Pietru, Alla qanqal lil Marku biex jikteb l-Evanġelju, mhux biex sempliċiment jirrakkonta l-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art, imma biex jagħmel kuraġġ lill-Insara ħalli jkunu lesti jagħtu ħajjithom għalih jekk Alla jitlob minnhom dak is-sagrifiċċju.

Għalhekk Marku qagħad jaħseb biex jara x’se jagħżel minn dak kollu li kien tgħallem fuq Ġesù, u fehem li kellu jinsisti fuq żewġ veritajiet, jiġifieri li Ġesù huwa tassew Alla, u li Ġesù kien tassew il-Messija, Messija li bata għall-fidwa tagħna. Hekk in-Nisrani jkun aktar lest li jmut għal Ġesù meta jifhem li Ġesù nnifsu, l-istess Alla li sar bniedem, kien miet għalih.

Lill-ktieb tiegħu Marku sejjaħlu: “Bidu ta’ l-Vanġelju ta’ Ġesù, Messija, Bin Alla” (Mk 1: 1). Il-kelma “Vanġelju” tfisser ‘Aħbar Tajba’, u tassew, ma hemmx aħbar isbaħ minn dik li tgħidilna li Alla l-Missier tant ħabbna li bagħtilna lil Ibnu fostna biex ikun is-Salvatur tagħna. Imma qabel il-kelma “vanġelju”, Marku kiteb il-kelma “Bidu”, biex jgħidilna: “Mhux biżżejjed li taqraw u tistudjaw il-ktieb tiegħi. Il-qari ta’ dan il-ktieb hu biss il-bidu; wara li taqrawh, jeħtieġ li tgħixuh, biex tkunu tistgħu tgawdu l-frott tal-fidwa li ġabilna Ġesù.”

Mark wettaq f’ħajtu dak li kull Nisrani huwa msejjaħ li jagħmel: jipproklama lin-nies kollha l-Aħbar Tajba tal-Vanġelu li huwa s-sors tas-salvazzjoni. Dan Mark għamlu b’mod partikolari bil-kitba. Oħrajn jistgħu jipproklamaw l-Aħbar Tajba permezz tal-mużika, tad-drama, tal-poeżija, jew billi jgħallmu lit-tfal madwar il-mejda tal-familja.

  • U int, kemm tiddedika ħin biex tiskopri min hu Ġesù u kif iridna ngħixu billi taqra l-Vanġeli?
  • Qed tagħmel ħiltek kollha biex ixxandar lil Kristu bil-kliem u b’mod speċjali bil-mod kif tgħix it-tagħlim tiegħu u tal-Knisja mwaqqfa minnu?
  • Kemm int lest/a li tieħu riskji biex tgħix ta’ xhud vera ta’ Kristu anki meta jkollok tħabbat wiċċek ma’ kull xorta ta’ kuntrarju?

Għall-Vanġelju ta’ San Mark moqri bil-Malti f’forma ta’ vidjo wmur: http://www.laikos.org/San_Mark_AV1.htm

Talba: O Alla, int imlejt b’ġieħ kbir lill-evanġelista tiegħek San Mark billi tajtu l-grazzja li jxandar l-Evanġelju: agħmel li nfittxu t-triq li hu għallimna, biex nimxu bil-fedeltà wara Ibnek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-mark.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-mark/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mark_the_Evangelist

Playlist tal-Vaġelju ta’ San Mark moqri bil-Malti f’forma ta’ vidjo:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

5 ta’ Frar: Santa Agata

Verżjoni Vidjo: Santa Agata

“Hi u sejra l-ħabs, Agata kienet ferħana bħal waħda li kellha l-ġieħ tkun mistiedna għal festa ta’ tieġ, u bit-talb irrikkmandat il-martirju tagħha lill-Mulej.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Agata

f_martyrSANTA AGATA
Verġni u Martri
? – 251

Tagħrif: Din il-Qaddisa żagħżugħa tal-ewwel żminijiet, bħal Santa Anjeże, storikament ftit li xejn nafu fuqha. Nafu fi żgur li ħadet il-martirju fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Deċju, fi Sqallija.

Skont tradizzjoni, hi twieldet għand familja sinjura ħafna f’Katanja. Meta tfarfret, Kwinzjanu, Konslu ta’ Ruma, li kien prefett fi Sqallija, ried jiżżewwiġha, iżda hi ma riditx, u qaltlu li kienet għarusa lil Ġesù u riedet tibqa’ tiegħu u tiegħu biss. Biex ibeżżagħha u jġegħilha ċċedi għax-xewqa tiegħu, inqeda bl-Editt kontra l-Insara, u ħadha quddiem l-Awtorità. Bagħtuha f’dar tal-prostituzzjoni biex idawrulha fehmitha, u ttorturawha li saħansitra qatgħulha sidirha, iżda hi baqgħet soda fl-imħabba tagħha lejn Ġesù, sakemm ġisimha ma felaħx għat-torturi u mietet, fis-sena 251.

Santa Agata hi waħda mill-Patruni ta’ Malta li missirijietna emmnu li ħelsithom mit-theddid tal-Musulmani.

L-isem ta’ Santa Agata (li jfisser “twajba”) jissemma fl-ewwel Talba Ewkaristika tal-Quddiesa.

Għandna provi li d-devozzjoni lejha hi waħda antika ħafna fil-Knisja. B’danakollu ftit wisq għandna tagħrif ċert dwarha. Fi Sqallija, kemm Palermo kif ukoll Katanja jippretendu l-unur tat-twelid ta’ Agata. Santa Agata hija waħda mill-patruni minuri ta’ Malta u d-devozzjoni lejha hija antika ferm.

Hawn Malta, diversi knejjes żgħar huma ddedikati lilha. Ta’ min isemmi li l-Casa Madre tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fir-Rabat, mibdija mill-qaddej t’Alla Mons. Ġużeppi De Piro, hi ddedikata lil Santa Agata, kif għaliha wkoll huma msemmija l-katakombi li hemm taħtha.

Ħsieb: Qari minn prietka fuq Sant’Agata, ta’ San Metodju, isqof ta’ Sqallija:

“Illum qed niċċelebraw it-tifkira tal-martri Sant’Agata. Hi martri mill-kbar u magħrufa ħafna għat-taqbida li tqabdet fl-imgħoddi, imma qisha għadha fi żmienna titqabad u tirbaħ sa issa minħabba l-mirakli li Alla jagħmel biha, biex bħallikieku jsebbaħha u jżejjinha kuljum b’kuruna ġdida.

Hija verġni, għax twieldet permezz tal-Verb ta’ Alla, li ma jmutx, imma li sar ukoll bniedem u miet minħabba fina; twieldet bis-saħħa tal-Iben ta’ Alla, li hu wieħed mal-Missier, u li, kif jgħid Ġwanni t-teologu, lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla. Din hi t-tfajla verġni li stidnitkom għall-ikla mqaddsa tagħna; hija dik ix-xebba mgħarrsa lil raġel wieħed, li hu Kristu, kif jgħid San Pawl fuq l-għaqda taż-żwieġ.

Hija verġni li, fid-dawl spiritwali tagħha, kienet tħammar u ssebbaħ xufftejha, ħaddejha u lsienha bid-demm tal-Ħaruf veru ta’ Alla, u li l-ħin kollu kienet iżżomm f’moħħha u ġġorr f’qalbha l-mewt ta’ min ħabbha b’tant ħeġġa u xerred demmu għaliha. Il-fidi li stqarret libbsitha libsa mmarkata tajjeb ħafna bil-marka ħamra u li ma titħassarx tad-demm ta’ Kristu, libsa mżejna bir-rubini għanja ta’ xbubitha, jiġifieri dik il-virtù li kienet il-prietka qawwija tagħha f’ħajjitha, u li biha baqgħet titkellem bla heda wara mewtha.

Agata hija xebba tajba tassew, ladarba Alla għażilha b’sehmu. U Alla, li hu l-għajn ta’ kull tjieba, taha bħala don lill-Għarus tagħha, u taha lilna wkoll permezz tax-xirka tagħna fit-tajjeb, ħalli b’hekk donnu jsaħħaħ u jwettaq it-tifsira ta’ isimha.

Jekk Alla hu l-aqwa tjieba fih innifsu, min jista’ qatt jgħaddih fil-ħwejjeġ tajba li hu jagħti? U għalhekk min se jsib ħaġa li hi ta’ min jifraħ biha u jfaħħarha aktar minn Agata?

Għax l-istess isem Agata jfisser ħwejjeġ tajba, u għalhekk hija taqbel sewwa ħafna ma’ dak li qegħdin ngħidu. Bl-għemejjel glorjużi tagħha, Agata kisbet isem tajjeb, li fih innifsu hu xhieda mill-isbaħ tal-kobor ta’ għemilha.

Agata, bis-saħħa tal-istess tifsira ta’ isimha, tistedinna lkoll biex nersqu lejha u nfittxuha bil-ħerqa, u bl-eżempju tagħha tgħallimna biex flimkien magħha nħaffu lejn dak li hu tassew it-Tajjeb, Alla waħdu.”

  • U int, tħaffef biex tmur tiltaqa’ ma’ Kristu fit-Talb u fil-Quddies, b’mod speċjali fit-Tqarbin?
  • Iżżomm ruħek safi/safja hekk li jkun jistħoqqlok l-unur li tirċievi lil Ġesù fl-Ewkaristija u mbagħad jirċevik Hu fis-saltna tiegħu tas-sema meta jasal il-waqt li Hu jibgħat għalik?

Talba: Agħtina, Mulej, il-maħfra ta’ dnubietna għat-talb tal-verġni u martri Sant’Agata, li dejjem sabet grazzja quddiemek għas-safa ta’ ħajjitha u għall-qawwa li wriet fil-martirju tagħha. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/st-agatha.html

Alternative Reading: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2018-02-05

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agatha_of_Sicily

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Jannar: San Timotju u San Titu

Verżjoni Vidjo: San Timotju u San Titu

“Int, bniedem ta’ Alla, fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi, qis li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem. Għallem skont id-duttrina vera.” – 1Timotju 6:11-12; Titu 2:1

C3FSszvVYAEXmarSAN TIMOTJU SAN TITU
Isqfijiet
L-ewwel Seklu

Tagħrif: Dawn iż-żewġ qaddisin kienu dixxipli u sħab ta’ San Pawl, u għalhekk il-Knisja tagħmel il-festa tagħhom flimkien l-għada tal-konverżjoni ta’ dan l-appostlu.

SAN TIMOTJU

San Timotju twieled fil-belt ta’ Listra. Missieru kien Grieg, u ommu, Ewniċe, kienet mara Lhudija devota.

Kien ta’ natura timida. Aktarx li tgħammed minn San Pawl f’Listra, f’madwar is-sena 47, meta kellu xi sittax-il sena.

Xi ħames snin wara, ingħaqad ma’ San Pawl meta l-appostlu reġa’ għadda minn Listra, u nsibuh miegħu f’bosta nħawi, u saħansitra fil-ħabs, f’Ruma. Meta nħeles, ġie mibgħut minn San Pawl bħala l-ewwel Isqof ta’ Efesu, meta kellu madwar 32 sena.

San Pawl kitiblu żewġ ittri, l-ewwel waħda mill-Italja fis-sena 64, u t-tieni minn Ruma ftit qabel ma miet fejn talbu biex imur jarah. Jekk Timotju mar Ruma, żgur li ma sabx lil San Pawl ħaj.

Miet f’madwar is-sena 97, meta kellu iktar minn 80 sena.

San Ġwann l-Evanġelista li mar jgħix f’Efesu, isemmieh fl-Apokalissi, bħala l-“Anġlu ta’ Efesu.”

SAN TITU

San Titu kien grieg, u hu wkoll ġie kkonvertit minn San Pawl li kien isejjaħlu “Ibni l-għażiż.”

Ħadem ħafna ma’ San Pawl, u flimkien ma San Barnaba mar miegħu għall-konċilju ta’ Ġerusalemm, fis-sena 51.

F’madwar is-sena 64, sar Isqof ta’ Kreta, gżira twila 200 km, fejn ħaten Timotju kien Gvernatur. Xi sena wara, irċieva mingħand San Pawl mill-Maċedonja ittra mimlija eżortazzjonijiet għall-Fidili tiegħu.

Fl-istess sena mar id-Dalmazja (Jugoslavja), fejn hu meqjum sal-lum bħala l-appostlu ewlieni ta’ dak il-pajjiż. Imma reġa’ lura fi Kreta fejn miet fil-paċi, fl-età ta’ madwar 93 sena.

Ħsieb: Dan li ġej huwa kummentarju tal-Papa Franġisku fuq dak li qal fl-omelija tiegħu f’Santa Marta (26 ta’ Jannar, 2015) fuq il-qari tal-liturġija tat-tifkira ta’ San Titu u San Timotju:

“L-Isqfijiet Timotju u Titu qishom ulied Pawlu u hu kien iħobbhom it-tnejn. L-Appostlu jurina kemm kienet sinċiera l-fidi ta’ Timotju, fidi nobbli, ‘fidi mingħajr ipokrisija,’ fidi fis-sens veru. Fil-fatt bħall-inbid it-tajjeb, li wara tant snin isir aktar bnin u nobbli. Din il-fidi waslet għand Timotju mingħand nanntu Lòide u mingħand ommu Eunice, għaliex huma l-ommijiet u n-nanniet li jittrasmettu l-fidi.

Meta niftakru fix-xogħol sabiħ tal-ommijiet u tan-nanniet, ix-xogħol sabiħ ta’ dawk in-nisa li huma ommijiet u n-nisa fil-familja – tista’ tkun qaddejja, tista’ tkun zija – fit-trasmissjoni tal-fidi, minkejja li llum irridu nistaqsu jekk in-nisa għadx għandhom fil-kuxjenza d-dover li jittrasmettu l-fidi, li jagħtu l-fidi.

U dwar is-sinċerità tal-fidi ta’ Timotju mfaħħra minn Pawlu, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni ittra tiegħu, l-Appostlu jitkellem dwar il-ħarsien tad-depożitu tal-fidi. Il-fidi trid tkun imħarsa kif qal Pawlu lil Timotju:

‘Ħares sewwa dak li kien fdat f’idejk. Aħrab il-kliem profan u fieragħ u l-kontradizzjonijiet tal-għerf falz.’ (1 Timotju 1:20)

L-espressjoni  ‘ħares il-fidi’ tfakkarna li dan hu dmir tagħna. Ilkoll kemm aħna rċevejna r-rigal tal-fidi. Għandna nħarsuha biex ma tiddgħajjifx biex tkompli tibqa’ sħiħa bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li tahielna.

Pawlu jirrikmandalna li nagħtu ħajja ġdida lil dan ir-rigal ta’ Alla, għax jekk aħna ma nagħmlux hekk, din tiddgħajjef u tispiċċa biex issir kultura…. Iva, jien Nisrani… imma biss bħala kultura….. iva, jiena naf tajjeb l-affarijiet tal-fidi, naf tajjeb il-katekiżmu….. Imma, nistaqsi, int kif qed tgħixha l-fidi tiegħek?

Dan hu l-aktar importanti: li inti żżommha ħajja kuljum. Alla, ma tanhiex spirtu ta’ biża’. L-ispirtu ta’ biża’ hu l-maqlub tar-rigal tal-fidi, ma jħallihiex tikber, titkattar. Il-mistħija hu d-dnub ta’ min jgħid: ‘Jien għandi l-fidi imma naħbiha biex ma tidhirx wisq’: il-fidi tal-ħalib u l-għasel, kif kienu jgħidu l-antentati tagħna, għax nistħi nistqarrha. Imma din mhix fidi!!

Imma għaliex, prinċipalment huma n-nisa li jittrasmettu l-fidi? It-tweġiba nsibuha għal darb’oħra fix-xhieda tal-Verġni Mqaddsa: ‘sempliċiment għax dik li tatna lil Ġesù kienet mara. Din kienet it-triq li għażel Ġesù. Hu ried omm u anki d-don tal-fidi jgħaddi mill-omm, kif Ġesù għadda minn Marija’.”

Il-fidi hi bħal pjanta li rridu nieħdu ħsiebha. Iħawwilha Alla fil-Magħmudija, ikabbruha dawk ta’ madwarna bit-tagħlim u l-eżempju tagħhom, imma meta nsiru adulti, huwa aħna li rridu:

  • inkomplu nsaqquha bit-talb u l-qari tal-Kelma t’Alla,
  • inneħħulha l-ħaxix ħażin li jikber magħha billi nqaċċtu minn ħajjitna d-drawwiet ħżiena,
  • nagħtuha l-fertilizzant bl-għemejjel tajba li nagħmlu u
  • nesponuha għall-ilma, l-arja u d-dawl permezz tas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin.

Nittama li din it-tixbiha, tgħinek tkabbar il-fidi tiegħek. L-għażla f’idejk!

Talba: O Alla, int żejjint li San Timotju u ‘l San Titu bil-virtujiet tal-Appostli; agħtina l-għajnuna tat-talb tagħhom, biex ngħixu ħajja sewwa u tajba f’din l-art, u jistħoqqilna naslu fis-sema pajjiżna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/january-26-saints-timothy-and-titus-bishops/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saints-timothy-and-titus/

Wikipedia San Titus: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Titus

Wikipedia San Timothy: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Timothy

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Diċembru: San Stiefnu

Verżjoni Vidjo: San Stiefnu

“Kristu, li twieled għalina, żejjen lil San Stiefnu bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh.” – Antifona tad-dħul mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Stiefnu

Bellafiore-Stephen-2SAN STIEFNU
Djaknu u l-Ewwel Martri
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: Kull ma nafu dwar San Stiefnu nafuh mis-sitta u s-seba’ kapitli tal-Atti tal-Appostli.

San Stiefnu kien Lhudi, iżda ta’ kultura Griega. Ismu bil-Grieg ifisser kuruna. Sar dixxiplu ta’ Ġesù wara l-Axxensjoni, u ntagħżel biex ikun wieħed mis-seba’ Djakni. Il-kelma djakni ġejja mill-Grieg “diakonia” li tfisser servizz.

In-numru tal-Insara kien qed joktor. Dawk li kienu ta’ kultura Griega (Hellenin) bdew igergru li n-nisa romol tagħhom ma kinux jieħdu ħsiebhom bħalma kienu jieħdu ħsieb ir-romol tal-Lhud. L-appostli ma setgħux iħallu l-Kelma ta’ Alla biex jaqdu fl-imwejjed, għalhekk talbu l-komunità biex jagħżlu sebat irġiel prudenti u twajbin biex jagħmlu dan ix-xogħol. L-ewwel li għażlu kien San Stiefnu, żagħżugħ mimli bl-Ispirtu u bil-għerf.

Kellu inizjattiva straordinarja, għamel bosta għeġubijiet u kien jitkellem b’għerf u b’enerġija hekk qawwija li ħadd ma kien jista’ jirreżistih.

Il-Lhud xegħlu kontrieh, u billi ma setgħux ilaħħqu mal-għerf tiegħu xlewh quddiem is-Sinedriju li kien qed jinsulta l-liġi ta’ Alla u ta’ Mosè.

Huma karkruh barra mill-belt u ħaġġruh. Hekk sar l-ewwel wieħed li ta ħajtu għall-fidi tiegħu f’Ġesù. Meta kien quddiem din il-ġemgħa ta’ nies mimlija qilla għalih biex joqtluh wera kuraġġ kbir liema bħalu meta għamel kif għamel qablu Ġesù, talab għall-għedewwa tiegħu.

Fost dawk li kienu preżenti kien hemm Sawlu, dak li mbagħad sar l-Appostlu tal-Ġnus, kien l-ewwel u l-akbar frotta tad-demm li xerred San Stiefnu fil-martirju tiegħu.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi ta’ San Fulġenzju, Isqof ta’ Ruspe bit-titlu ‘L-armi tal-imħabba’:

“Il-bieraħ iċċelebrajna t-twelid temporali tas-Sultan etern tagħna; illum qegħdin niċċelebraw it-tbatija u l-mewt rebbieħa tas-suldat tiegħu.

Il-bieraħ is-Sultan tagħna, liebes il-ġisem ta’ bniedem bħal b’libsa rjali, ħareġ minn ġuf il-Verġni qisu mill-palazz tiegħu, u għoġbu jiġi u jżur id-dinja; illum is-suldat tiegħu ħareġ mit-tinda tal-ġisem, u telaq rebbieħ lejn is-sema.

Stiefnu, biex tkun tistħoqqlu l-kuruna li tfisser ismu:

  • kellu l-imħabba bħala l-arma tiegħu, 
  • biha ħareġ rebbieħ kullimkien.
  • Bl-imħabba ta’ Alla ma ċediex quddiem il-qilla tal-Lhud, 
  • bl-imħabba ta’ għajru talab għal min kien iħaġġru.
  • Bl-imħabba qagħad iħaqqaq ma’ min kien fl-iżball, biex dawn jerġgħu lura għas-sewwa;
  • bl-imħabba talab għal min ħaġġru, biex ma jiġux ikkastigati.

Bl-għajnuna u l-qawwa tal-imħabba rebaħ lil Sawl, qalil u aħrax, hekk li fis-sema stħaqqlu jaqsam fl-hena ma’ dak li kien ippersegwitah fuq l-art. L-istess imħabba qaddisa u sħiħa xtaqet tikseb bit-talb lil dawk li ma setgħetx tiksibhom għal Alla bit-twissijiet.

Għalhekk, ħuti, ladarba Kristu tana l-imħabba bħala s-sellum li bih kull Nisrani jista’ jitla’ fis-sema, fittxu li jkollkom l-imħabba safja u qawwija, uruha lil xulxin bejnietkom, u permezz tagħha imxu u itilgħu ‘l fuq.

San Stiefnu ħaddan il-mewt li ġiet għalih fl-aħjar ta’ ħajtu, b’kuraġġ mill-akbar, b’tama l-iktar qawwija li kien ser jingħaqad ma’ Ġesù fil-ġenna, u bl-imħabba liema bħalha lejn kulħadd, ukoll lejn dawk li kienu qed joqtluh. Tgħid aħna kapaċi naslu li nagħmlu bħalu meta xi ħadd joffendina bil-kbir! Iva naslu jekk inkunu nħobbu lil Ġesù bħalma kien iħobbu hu.”

Talba: Aħna u nagħtu ġieħ lil San Stiefnu fit-tifkira tad-daħla tiegħu fis-sema, agħtina l-grazzja, Mulej, li nsiru nixbhuh, u nitgħallmu nħobbu wkoll l-għedewwa, kif talab hu għal dawk li ħaqruh. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-stephen_21.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-stephen/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Stephen

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started