30 ta’ Ġunju: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Verżjoni Vidjo: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Kotra bla qjies ta’ martri baqgħu magħquda bejniethom fl-imħabba bħal aħwa, għax kellhom spirtu wieħed u fidi waħda. Ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, u saru jixbhuh f’mewthom għalhekk isaltnu miegħu għal dejjem.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira tal-Ewwel Martri ta’ Ruma.

PP-EarlyPersecutionOfChristians_JS_0027.jpgL-EWWEL MARTRI TA’ RUMA
? – 64

Tagħrif: Fis-sena 64, Ruma ġiet maħkuma u meqruda minn nirien kbar. L-Imperatur Neruni li kien qed jiġi akkużat li hu kien il-kawża tagħhom, malizzjożament tefa’ l-ħtija fuq il-komunità Nisranija ta’ Ruma, u fetaħ persekuzzjoni l-iktar ħarxa kontriha, li fiha San Pietru u San Pawl flimkien ma’ bosta Nsara, nisa u rġiel, żgħażagħ u xjuħ, u tfal subien u bniet, sofrew il-martirju.

Uħud mill-Insara mietu maħruqin, oħrajn mikulin mill-annimali selvaġġi, oħrajn mis-swat li qalgħu, u oħrajn mit-turmenti u mill-kefrijiet oħra bla ħniena.

Il-Papa San Klement f’ittra li kiteb faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u n-nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.

Din kienet l-ewwel persekuzzjoni maġġuri kontra l-Knisja. Warajha kien hemm oħrajn, kważi waħda wara l-oħra.

Fis-sena 313, Kostantinu l-Kbir, bil-famuż Editt ta’ Milan ta l-libertà lir-Reliġjon Nisranija. B’hekk l-Insara setgħu jipprattikaw il-kult tagħhom bla ebda xkiel. Hekk tista’ tgħid intemmet persekuzzjoni kontinwa ta’ 250 sena. Hekk bdiet ħajja ġdida għall-Knisja, perjodu ta’ paċi. Imbagħad l-Imperatur Teodosju, fis-sena 381, ipproklama l-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Istat.

Ħsieb: L-għada tal-festa tal-martirju tal-Appostli Pietru u Pawlu, il-Knisja tfakkar il-martirju ta’ għadd kbir ta’ Nsara li mietu qabilhom fil-belt eterna. L-għadd ta’ Insara li mietu martri f’Ruma fl-ewwel snin tal-era nisranija Alla biss jafu. Ta’ min isemmi li l-ewwel 31 Papa kienu lkoll martri. Jissemmew biss uħud minnhom li baqgħu magħrufin ħafna, imma ħafna oħrajn, irġiel u nisa, lanqas biss nafu isimhom, imma xorta waħda huma martri li biċ-ċarċir ta’ demmhom urew l-imħabba u l-fidi tagħhom fi Kristu li għalih taw ħajjithom kif għamel għalihom Kristu stess meta miet għalihom fuq is-salib biex jifdihom.

Ġesù jwiddeb: “Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha, iżda min jitlifha minħabba fija, isalva.” Kristu joffri ħajtu b’sagrifiċċju biex jiftaħ il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem għalina l-bnedmin. Għalhekk, biex nirbħu l-ħajja ta’ dejjem, jeħtiġilna niċċaħħdu minn dik tad-dinja. Imissna mmutu ma’ Kristu, biex inqumu miegħu: dan ifisser li kuljum nitgħabbew bit-tbatija u ċ-ċaħda sa ma jkollna l-almu tal-martri u biċ-ċarċir ta’ demmna nkunu xhieda għat-tagħlim tiegħu.

Il-fidi u l-grazzja tat lil dawn il-martri l-qawwa biex jirbħu l-ġibdiet tal-laħam u tad-demm. Ma abbandunawx lil uliedhom, iżda ħallewhom f’idejn Alla u f’idejn nieshom. Qatt ma nitilfu dak li għandna meta nħalluh biex nobdu ’l Alla.

X’kienet tkun id-dinja mingħajr Ġesù ta’ Nazaret? Anke l-filosfu u l-istoriku Franċiż Ernest Renan, kritiku qawwi tal-Knisja, jagħraf li “jekk tneħħi l-isem ta’ Ġesù mid-dinja tkun bħal ċaqlaqt il-pedamenti.”

Imma l-mistoqsija l-aktar importanti hija din: “Xi nkun jien mingħajr Ġesù ta’ Nazaret?” Huwa dan is-sentiment qawwi li qanqal lill-Appostli u wassalhom biex jaslu sat-trufijiet tad-dinja. Ħadd qatt ma tkellem bħalu dan il-bniedem, għaliex ingħata għal kollox għall-oħrajn sa ma sar xejn. Ħadd ma ordna bħalu lill-baħar u lir-riħ biex jisktu jew lill-ispirti ħżiena li jitturmentaw lill-bnedmin biex iħalluhom fis-sliem.

Il-qaddisin, bħal f’leħħa ta’ berqa, iltaqgħu mal-persuna ta’ Kristu. L-Appostli Pietru u Ġwanni, quddiem it-tribunal li seta’ jikkundannahom, mingħajr biża’ qalu: “Din hi l-ġebla li intom il-bennejja warrabtu, u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefha ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4: 11-12).

Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein) tgħid: “Is-salib irid ikun bħal bandiera li nimxu warajha mgħobbija bit-twegħir kollu tal-ħajja. U mis-salib irid joħroġ l-għerf l-aktar siewi: l-għerf tas-salib.”

Talba: O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/first-martyrs-of-the-church-of-rome

Alternative Reading: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/june-30-first-martyrs-of-the-church-of-rome/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/First_Martyrs_of_the_Church_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Novembru: San Leonardu minn Portomaurizio

Verżjoni Vidjo: San Leonardu minn Portomaurizio

“Min jimmedita l-Passjoni ta’ Kristu jasal għall-indiema mill-qalb.” – San Leonardu minn Portomaurizio

fileSAN LEONARDO TA’ PORTOMAURIZIO
Reliġjuż
1676 – 1751

Tagħrif: Kien jismu Pietru Ġirolamo Casanova, u jissejjaħ hekk għax twieled f’Portomaurizio, fuq il-Golf ta’ Ġenova (l-Italja). Ta’ 13-il sena ntbagħat fil-kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Ruma. Zijuh Wistin, li kien jgħix miegħu riedu jsir tabib, imma billi ma riedx, qatgħu mill-wirt.

Ta’ 21 sena (1697) ngħaqad mal-Franġiskani tal-Osservanza stretta f’Ponticelli u ħa l-isem ta’ Leonardu. Kompla jistudja fil-Kulleġġ San Bonaventura f’Ruma u kien ordnat saċerdot fl-1703 meta kellu 27 sena.

Emorraġija gastrika qawwija żammitu invalidu għal erba’ snin, imma ħa saħħtu kompletament meta għamel wegħda li jiddedika ħajtu kollha għall-konverżjoni tal-midinbin. Mar fil-monasteru ta’ San Francesco del Monte, Firenze, fl-1709, u minn hemm beda l-missjonijiet tiegħu li kellhom suċċess kbir. Għal 44 sena ta missjonijiet mal-Italja kollha tan-nofs u t’isfel, u kien jipprietka lil eluf fil-pjazez.

Mhux biss irnexxielu jikkonverti midinbin kbar, imma wkoll jirrikonċilja partiti li kienu spiss fi ġlied bejniethom, u jerġa’ jqajjem il-ħeġġa reliġjuża tal-poplu kollu. Hu xerred id-devozzjoni lejn it-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija, l-adorazzjoni lis-Sagrament tal-Artal, il-qima lejn il-Qalb ta’ Ġesù, u b’mod speċjali d-devozzjoni tal-Via Sagra.

Huwa waqqaf mhux inqas minn 571 stazzjon tal-Via Sagra fl-Italja, fosthom sett fil-Kolossew Ruman. Darba ta missjoni ta’ ġimagħtejn fi Pjazza Navona, Ruma, li għaliha attenda l-Papa bil-kulleġġ tal-kardinali. Fl-1744, Papa Benedittu XIV bagħtu jipprietka missjoni u jġib il-paċi f’Korsika, imma l-ħidma tiegħu hemmhekk ma kellhiex suċċess għax in-nies ta’ Korsika ħarsu lejh aktar bħala għodda politika f’idejn il-Ġenoviżi li kienu jokkupaw il-gżira milli bħala missjunarju.

San Leonard ħalla għadd kbir ta’ kitbiet spiritwali bħala gwida għall-missjunarji u għal-lajċi, li jimlew 13-il volum u li ġew stampati diversi drabi u tradotti b’ilsna oħra. Miet ta’ 75 sena fis-26 ta’ Novembru, 1751 u ġie ddikjarat qaddis fl-1867. Hu patrun tal-missjonijiet parrokkjali.

Ħsieb: Din li ġejja hija silta mid-diskors ta’ San Leonardu dwar il-meditazzjoni tal-Passjoni ta’ Kristu li jgħid li twassalna għall-indiema mill-qalb:

“Il-ħażen jiġi mill-fatt li ħadd ma jaħseb fir-realtajiet li għandna dejjem nimmeditaw dwarhom. Għalhekk ma għandux għalfejn wieħed jistagħġeb meta jara diżordni morali sħiħa. L-ewwelnett, insejna l-veritajiet eskatoloġiċi; imbagħad ħadd ma jaħseb la dwar il-ħwejjeġ ta’ Alla u lanqas dwar il-passjoni doloruża li għadda minnha Ġesù Kristu għalina. L-impenji u d-dmirijiet tagħna jsiru bla qalb, u m’aħniex naħarbu kif imiss mill-perikli spiritwali li jinsabu kullimkien. Waqt li d-dinja tinsab f’qagħda morali mwiegħra ħafna, jinstemgħu f’waqthom il-kelmiet ta’ Ġeremija: ‘Il-pajjiż jinsab kollu mħarbat u ħadd ma jagħti kas.’ Hemm xi rimedju għal dal-ħażen? Bl-umiltà kollha, nixteħet għarkopptejja quddiem il-prelati, il-kappillani, il-qassisin u l-ministri kollha ta’ Alla biex nurihom li d-duwa tant mixtieqa jista’ jilħaqha kulħadd: it-taħriġ imqaddes tal-Via Crucis.

Jekk bil-ħeġġa u l-ħidma tal-kleru dat-taħriġ qaddis jibda jsir fil-parroċċi u fil-knejjes kollha, huwa jsir difiża f’waqtha u qawwija kontra t-tixrid tal-vizzju u jrodd benefiċċji kbar lil kull min jibda jimmedita ta’ sikwit fuq it-tbatijiet u l-imħabba ta’ Kristu l-Mulej. Il-meditazzjoni ta’ sikwit fuq il-passjoni ta’ Kristu ddawwal il-moħħ, tħeġġeġ ir-rieda, u ġġib indiema sinċiera fil-qalb. Jien ta’ kuljum innutajt, u qisni messejt b’idejja, li t-titjib fid-drawwiet tal-Insara jistrieħ fuq it-taħriġ imqaddes tal-Via Crucis.

Dan it-taħriġ huwa duwa kontra l-vizzji, waqfa kontra l-passjonijiet, tħeġġiġ f’waqtu għal ħajja qaddisa u virtuża. Jekk il-passjoni ħarxa ta’ Kristu nżommuha ħajja quddiem għajnejna, daqslikieku mnaqqxa fil-għuda, imdawlin b’dawl hekk qawwi, aħna ma nkunux nistgħu ma nobogħdux il-għajb u d-dgħufija ta’ ħajjitna. Nibdew inħossu ġo fina li għandna nwieġbu bi mħabba kbira għall-imħabba ta’ Kristu u li għandna nilqgħu bil-ferħ it-toqol ta’ dil-ħajja li minnu ma nistgħux naħarbu”.

U dan kliem li qal il-Papa Franġisku liż-żgħażagħ (29 ta’ Lulju, 2016) dwar it-Triq tas-Salib (Via Crucis):

“It-Triq tas-salib hija t-triq tal-hena f’li timxi wara Kristu dejjem u sal-aħħar, f’ċirkustanzi sikwit drammatiċi tal-ħajja ta’ kuljum; hija t-triq li ma tibżax mill-insuċċessi, mit-twarrib jew mis-solitudini, għaliex timla l-qalb tal-bniedem bil-milja ta’ Ġesù. It-Triq tas-salib hija t-triq tal-ħajja u tal-istil ta’ Alla, li Ġesù jmexxina fiha ukoll f’mogħdijiet ta’ soċjetà xi kultant maqsuma, inġusta u korrotta.

It-Triq tas-salib mhijiex drawwa sadomażokistika; biss it-Triq tas-salib tegħleb id-dnub, il-ħażen u l-mewt, għaliex twassal għad-dawl jiddi tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu u tiftaħ il-bibien għal ħajja ġdida u mimlija. Hija t-Triq tat-tama u tal-futur. Min jimxiha b’ġenerożità u bil-fidi, jagħti tama lill-futur u lill-umanità. Min jimxiha b’ġenerożità u bil-fidi jiżra’ t-tama. U jien irrid li intom tiżirgħu t-tama.”

Tajjeb li nitolbu din it-talba wisq prezzjuża u ta’ benefiċċji kbar għar-ruħ tagħna ta’ spiss, forsi fil-jum tal-Ġimgħa fejn l-aktar li nfakkru l-Passjoni ta’ Ġesù. Jeżistu diversi vidjos bil-Malti wkoll. Fost oħrajn, hemm:

VIA SAGRA – ma’ Fr Hayden Williams OFM Cap u Mona Borg: https://www.youtube.com/watch?v=bf84pTDgclU

It-Triq tas-Salib għall-bżonnijiet tas-Saċerdoti: https://www.youtube.com/watch?v=pAOg-KfFGF8&list=PLE39BD106F62C6BAA

‘Ikun li trid Int’ playlisthttps://www.youtube.com/watch?v=VAKvQzKfmKs&list=PLPAbF-_bN4riwGHKdRM4e-YjDCWny1eZE

Talba: Isma’ t-talb, Mulej, setgħani, tal-Qaddej tiegħek San Leonardu minn Portomaurizio u agħtina li ngħixu fuq l-eżempji sbieħ tal-ħajja tiegħu hekk li naslu biex infaħħruk miegħu fis-sema għall-ġid kollu li tagħmel magħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Sermon by St. Leonard of Port Maurice: https://www.olrl.org/snt_docs/fewness.shtml

The Hidden Treasure Or The Immense Excellence Of The Holy Sacrifice of The Mass’ by St. Leonard: https://richardconlin.files.wordpress.com/2015/12/st-leonard-of-port-maurice-the-hidden-treasure-or-the-immense-excellence-of-the-holy-sacrifice-of-the-mass.pdf

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/saint-leonard-of-port-maurice.html

Alternative Reading: https://theblackcordelias.wordpress.com/2009/11/26/saint-leonardo-de-porto-maurizio-november-26/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Leonard_of_Port_Maurice

Film: La vita di San Leonardo da Porto Maurizio:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud minn tagħrif miġbur minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

Design a site like this with WordPress.com
Get started