26 ta’ Lulju: San Ġwakkin u Sant’Anna

Verżjoni Vidjo: San Ġwakkin u Sant’Anna

“Lejl u nhar kienu jaqdu lill-Mulej fis-sawm u t-talb, u kienu jistennew il-fidwa ta’ Iżrael. Kienu jitolbu biex Alla jżur lill-poplu tiegħu.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġwakkin u Sant’Anna (Luqa 2:37, 38; 7:16).

SOW-Joachim-Anne

SAN ĠWAKKIN U SANT’ANNA
Ġenituri tal-Verġni Mqaddsa Marija
L-ewwel Seklu qabel Kristu

Tagħrif: L-ismijiet ta’ missier u omm il-Verġni Mqaddsa Marija kienu Ġwakkin u Anna. (Anna tfisser grazzja). It-tnejn kienu mit-tribù ta’ Ġuda mid-dar tas-Sultan David. Fi xjuħithom marru joqogħdu f’Ġerusalemm mill-Galilija u hemm kellhom tarbija li semmewha Marija li probabbilment kienet l-unika tarbija tagħhom. Fir-raba’ seklu nbniet knisja, aktarx minn Santa Elena, fuq il-post fejn jingħad li kien hemm id-dar li fiha kienu jgħixu. Dan nafuh minn tradizzjoni antika, għax mill-Iskrittura ma nafu xejn dwarhom.

Fil-Vanġelu nsibu ’l waħda mara jisimha Marija u hi msejħa oħt Marija Omm Ġesù (Ġwanni 19:25). Din x’aktarx li kienet il-kuġina tagħha għax f’dak iż-żmien fil-lvant hekk kienet id-drawwa li jsejħu l-qraba ta’ xulxin.

San Ġwakkin u Sant’ Anna kienu n-nanniet ta’ Ġesù.

Aktar dettalji
It-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien, imma ulied ma kellhomx. Għalhekk huma għamlu wegħda li jekk ikollhom tarbija joffruha lil Alla. Il-ġrajja ta’ ġenituri anzjani li kellhom ulied fi xjuħithom insibuhom diversi drabi fit-Testment il-Qadim, kif ukoll fit-Testment il-Ġdid fil-każ tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista. Dan ifisser l-indħil speċjali ta’ Alla fit-tnissil ta’ dik it-tarbija billi jkun irid minnha missjoni speċjali.

Fil-każ tal-Madonna, it-tnissil tagħha kien verament wieħed speċjali mhux biss għax kienet Immakulata, imma wkoll għax minnha kellu jitwieled il-mixtieq Messija.

Id-devozzjoni lejn Sant Anna hi qadima fil-knisja. Fis-seklu sitta Ġustinjanu ddedika knisja lil Sant’Anna f’Kostantinopli. Il-qima lejn San Ġwakkin bdiet fil-Lvant madwar żewġ sekli wara.

Il-fundatur tal-MUSEUM San Ġorġ Preca kien devot ħafna ta’ Sant Anna, li ġenjalment kien iħobb isejħilha n-nanna ta’ Ġesù. Kien bil-pariri tiegħu li l-knisja ġdida tagħha ta’ Wied il-Għajn, l-unika parroċċa fil-gżejjer tagħna tibqa’ ddedikata lil din il-qaddisa, omm il-Verġni Mbierka. Hu xerred id-devozzjoni lejha u kellu jmut proprju fil-festa tagħha, fis-26 ta’ Lulju, 1962.

Ġewwa l-gżira ta’ Għawdex insibu kappella ċkejkna fil-bajja tad-Dwejra li wkoll hi ddedikata lil Sant’Anna u ħafna jmorru jinvistaw din il-kappella, speċjalment dawk li jkunu ser isiru ommijiet jew l-koppja b’ringrazzjament għall-wild tagħhom.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Ġwann Damaxxenu bit-titlu ‘Mill-frott tagħhom tagħrfuhom’:

“Anna kienet se ġġib fid-dinja lill-Verġni Omm Alla; għalhekk in-natura ma ssugratx tibda taħdem qabel il-grazzja, iżda ċċaħħdet mill-frott sa ma l-grazzja tkun tat il-frott tagħha. Għax kien meħtieġ li l-ewwel titwieled il-bint il-kbira, li minnha kien għad irid jitwieled il-kbir fost il-ħlejjaq kollha, li kollox fih qiegħed iżomm.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin imbierka! Il-ħolqien kollu huwa obbligat lejkom, għax permezz tagħkom seta’ joffri l-aqwa don lill-Ħallieq tiegħu, jiġifieri l-omm safja li hi weħidha kienet tixraq lill-Ħallieq.

Ifraħ, Anna, mara bla tfal li ma wlidtx, infexx f’għajjat ta’ ferħ u għana, int li ma ġarrabtx l-uġigħ tal-ħlas. Imtela bl-hena, Ġwakkin, għax minn bintek twildilna tifel, ingħatalna iben, u jsemmuh Kunsillier tal-għaġeb li jħabbar is-salvazzjoni lid-dinja kollha, Alla setgħan. Dan it-tifel hu Alla.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin imbierka u l-iżjed safja! Intom tingħarfu mill-frott tagħkom, kif jgħid il-Mulej: ‘Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.’ Intom għextu kif jogħġob lil Alla u kif kien jixraq lil dik li twieldet minnkom. Għax bil-ħajja safja u qaddisa tagħkom tajtu ġawhra lid-dinja, dik li kienet verġni qabel it-twelid, verġni fit-twelid, u verġni wara t-twelid, dik li weħidha baqgħet dejjem verġni fir-ruħ, fil-qalb u fil-ġisem.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin l-iżjed safja! Intom ħaristu s-safa skont ma titlob il-liġi naturali, u ksibtu mingħand Alla ħaġa li tisboq il-qawwa tan-natura, għax ġibtu fid-dinja lil omm Alla li ma għarfitx raġel. Bil-ħajja tagħkom ta’ bnedmin tajba u qaddisa, wlidtu bint aqwa mill-anġli u li issa hi sidt l-anġli. O tfajla ta’ ġmiel u ħlewwa tal-għaġeb, bint Adam u omm Alla! Hienja l-ġnub u l-ġuf li minnhom tnissilt! Hienja d-dirgħajn li ħaddnuk u x-xufftejn tal-ġenituri tiegħek li tawk kemm-il bewsa safja biex iħarsuk bi mħabbithom u tibqa’ dejjem u f’kollox verġni! Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, infexxu fl-hena, ifirħu u għannu! Għajtu bil-ferħ, għajtu, la tibżgħux!”

Ilum hija l-“festa tan-nanniet.” Din il-festa għandha tfakkar lin-nanniet dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jistabbilixxu ton għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin: Huma għandhom jagħtu ħajja lit-tradizzjonijiet qaddisa u jgħallmuhom lin-neputijiet tagħhom. Iżda l-festa għandha wkoll messaġġ għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Tfakkar liż-żgħażagħ fil-perspettiva ikbar tal-anzjani, fil-profondità tal-esperjenza tagħhom u fl-apprezzament tar-ritmi profondi tal-ħajja. Dawn huma kollha parti minn għerf li m’għandux jittieħed bħal donnu mhux importanti u jiġi injorat.

“Il-familja hija l-pedament tas-soċjetà. Fiha diversi ġenerazzjonijiet jiltaqgħu flimkien u jgħinu ’l xulxin biex jikbru fl-għerf u jarmonizzaw id-drittijiet personali mal-bżonnijiet tal-ħajja soċjali.” ~ Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja f’dinja Moderna: Nru. 52.

Talba: Mulej, Alla ta’ missirijietna, inti ħtart lil San Ġwakkin u ‘l Sant’Anna u tajthom il-grazzja li minnhom titwieled Omm Ibnek magħmul bniedem; bit-talb tagħhom, agħmel li aħna niksbu s-salvazzjoni li int wegħedt lill-poplu tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/sts-anne-and-joachim-313

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saints-joachim-and-anne/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Joachim

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started