Is-Superjur Ġorġ Grima

Verżjoni Vidjo: Is-Superjur Ġorġ Grima

Photo-of-our-Founder-concentrate-388x580IS-SUPERJUR ĠORĠ GRIMA
Soċju tal-MUSEUM
1941 – 1999

Tagħrif: 

Il-Bidu tal-Fergħa Ewkaristika
Il-Fundatur tal-Fergħa Ewkaristika u tal-Komunità Ulied Marija Ewkaristika twieled il-Marsa nhar it-28 ta’ Lulju 1941 minn Carmelo u Giovanna Grima, née  Farrugia. Ġorġ huwa l-kbir fost ħdax.  L-aħbar tat-twelid tiegħu lil missieru waslet b’mod misterjuż.  San Ġorġ Preca  kien qal li l-anġlu kustodju ta’ Ġorġ kien il-ħabbar. Hu rċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskola tas-sorijiet ‘Ulied il-Qalb ta’ Ġesù’ u wara fl-iskola primarja tal-Marsa, fi Triq Lorenzo Balbi. Ġorġ, minn dejjem kien tifel dħuli, bieżel u midħla sew tal-knisja u għal żmien twil membru tas-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M.  Hu għamel xi ftit żmien ukoll jattendi l-iskola Serafika tal-Kapuċċini l-Furjana u fil-klassi tiegħu kien hemm Pawlu Darmanin minn Ħaż-Żabbar, illum l-E.T. Mons. Pawlu Darmanin, Isqof ta’ Garissa, il-Kenja. Ma damx wisq għax il-Mulej kellu pjanijiet oħra għalih.  Iż-żagħżugħ Ġorġ kien jaħdem ukoll bħala ħajjat il-Furjana u fl-għaxijiet kien jgħallem il-katekiżmu liż-żgħar fil-M.U.S.E.U.M.

Ġorġ kellu l-imħabba t’Alla f’qalbu u ried iwassalha fil-qalb ta’ kulħadd; kellu wkoll id-don tal-kelma u wara li ħejja ruħu b’diversi korsijiet fl-istess soċjetà, kien imur f’diversi bliet u rħula tal-gżejjer Maltin jagħmel konferenzi u jipprietka l-kelma t’Alla. Fil-M.U.S.E.U.M. Ġorġ kellu l-aqwa ħabib; kien l-istess fundatur, il-qaddis San Ġorġ Preca li għaraf il-kwalitajiet sbieħ taż-żagħżugħ Ġorġ u spiss kien jistiednu d-dar tiegħu fil-Ħamrun.  Ġorġ kien ukoll sagristan fil-kappella Ċentrali tal-M.U.S.E.U.M. il-Blata l-Bajda.

San Ġorġ Preca kien ħabbarlu li kellu jkun ukoll fundatur bħalu.  Dan seħħ meta fl-1960, għall-aħħar t’April ġie Malta l-fundatur taz-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, l-E.T. Mons. Cardijn u dan għadda minn Triq il-Kbira, il-Ħamrun. San Ġorġ Preca u Ġorġ Grima kienu fit-tieqa fis-sular ta’ fuq u l-fundatur tal-MUSEUM sellem lill-Mons. Cardijn. Ġorġ induna u qallu, “Sinjur intom żewġ fundaturi.” San Ġorġ dak iż-żmien wieġeb jew aħjar ħabbar, “Le, qegħdin tliet fundaturi.” Dan ifisser li ħabbar li Ġorġ kellu jkun fundatur ukoll.  Aktar tard anke San Piju ta’ Pietralcina, fl-1966, qallu li Ġesù kien ilu jkellmu fuq il-“Fergħa Ewkaristika” u kompla, “għoddni b’membru spiritwali tal-għaqda.” Dan kollu seħħ disa’ snin wara li San Ġorġ Preca kien qallu li għandu jiltaqa’ ma’ San Padre Pio.

Il-Bidu tal-Fergħa
Is-Superjur Ġorġ, kif baqa’ magħruf wara li ħareġ mill-M.U.S.E.U.M., waqqaf il-Fergħa Ewkaristika bil-għan li Ġesù Ewkaristija jkun magħruf u maħbub aktar minn kulħadd.  Għalhekk għażel il-motto “O Ġesù Ewkaristija Kun il-Ferħ u l-Hena ta’ Ħajti Kollha.” Din hija ġakolatorja fuq is-santa ta’ San Ġorġ Preca għall-prima messa. L-Arċisqof Mikiel Gonzi taha mitejn jum indulġenza.

Fi Frar tal-1965, Ġorġ Grima waqqaf l-għaqda fuq stedina ta’ ‘żagħżugħ liebes ilbies fin u abjad.’  Wara ħafna talb u wara li kien ħa parir mingħand il-konfessur u d-direttur spiritwali tiegħu Mons. Salv. Grima, fundatur ukoll tal-‘Qaddejja taċ-Ċenaklu,’ sejjaħ l-ewwel tnax-il membru, ilkoll irġiel li ġew murija lilu b’mod providenzjali.  Infatti kien qal lit-tnax, li xi wħud minnhom ma kienx jafhom, iżda li ‘Ġesu’ jridha din l-għaqda.’  Dawn it-tnax-il membru jixbhu lit-tnax-il appostlu li fuqhom ġiet mibnija l-Knisja.  Għalhekk nhar l-ewwel Erbgħa tax-xahar, 3 ta’ Marzu 1965, il-Fundatur għamel l-ewwel laqgħa lit-tnax u fissrilhom l-għan tal-għaqda li hu sejħilha ‘Fergħa Ewkaristika.’  Dawn l-ewwel laqgħat saru fid-dar tiegħu f’Nru 23, Triq is-Salib, Marsa, fil-kamra fejn kellu l-altar u baqgħu jsiru hemm għal madwar sbatax-il sena.  Dawn kienu jsiru kull l-ewwel Erbgħa ta’ kull xahar fit-8:15p.m.  Dan għaliex xi wħud kellhom xi ħanut u oħrajn kienu jispiċċaw mix-xogħol fil-ħwienet ukoll.  Is-Superjur kien uman ħafna u meta l-ħinijiet tal-ħwienet saru aktar komdi beda l-laqgħat fis-7p.m.  Meta ra li bosta u bosta persuni xtaqu jingħaqdu għat-talb, konferenzi u laqgħat oħra, fetaħ il-bibien għan-nisa wkoll.  Dan in-numru tant żdied li kellu jaqsam il-membri nisa fi gruppi.  Anke l-grupp tat-tnax kien diġà kiber ħafna bil-ħbieb jew familjari tal-istess tnax.  Mal-gruppi tan-nisa u tal-irġiel, kull nhar ta’ Ħamis kienu jiltaqgħu xi wħud taħt il-gallerija fejn kien joqgħod is-Superjur sabiex imorru għall-velja ta’ talb u adorazzjoni fil-Knisja tal-Vitorja, il-Belt.  Il-velja kienet tibda fit-8:30p.m mill-Ħamis sal-Ġimgħa u kienet ittawwal sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu; ġieli kienu jdumu sas-6 a.m.  L-istess knisja tal-Vitorja kienet magħżula mis-Superjur sabiex kull l-ewwel Ħadd tax-xahar il-Fergħa torganizza jum Ewkaristiku.  Din baqgħet issir sakemm imbagħad bdiet tiġi organizzata fiċ-Ċentru Ewkaristiku fl-1983.  Ma’ dawn il-laqgħat u xi siegħa adorazzjoni oħra kull xahar b’pellegrinaġġ f’diversi parroċċi jew kappelli ma naqasx.

Il-Fundatur għażel lil San Ġużepp bħala Padrun tal-għaqda, bħala l-ewwel adoratur ta’ Ġesù fil-għar ta’ Betlem.

Il-Fergħa Ewkaristika twaqqfet uffiċjalment nhar id-9 ta’ Settembru 1965, b’quddiesa, mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Emmanuel Galea flimkien mac-Chaplain Dun Ġużepp Mifsud Bonnici fil-kappella tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M., il-Blata l-Bajda.

Il-Fergħa Ewkaristika f’Għawdex
Is-Superjur Ġorġ ħadem bis-sħiħ ukoll biex il-Fergħa tixxettel f’Għawdex fejn bdieha permezz ta’ quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu nhar l-ewwel Sibt tax-xahar ta’ Marzu, 1966.  Iċ-ċelebrant kien l-E.T. Mons. Isqof Ġużeppi Pace.  Minn dak iż-żmien sal-lum għadha ssir adorazzjoni u quddiesa fit-3 p.m.  Barra din tal-ewwel Sibt imbagħad l-għada beda jagħmel konferenza li maż-żmien bdiet issir fost il-ġimgħa, darba fix-xahar u wara l-mewt tiegħu l-Fergħa kompliet fejn ħalla hu u l-laqgħa ta’ kull xahar barra dik ta’ l-ewwel Sibt, li qiegħda ssir kull tieni Ħamis tax-xahar għand is-sorijiet Dumnikani ta’ Pompei r-Rabat.  F’Għawdex l-ewwel laqgħat kienu jsiru f’dar fi Triq il-Librerija r-Rabat ġentilment offruta lis-Superjur mis-Sinjorina Marija Rosaria Said.  Billi bdew joktru l-membri, il-laqgħat kienu jsiru għand is-sorijiet Franġiskani, Salesjani u kif għidna ‘l fuq, issa għand id-Dumnikani.

Hu kellu ideat sempliċi, qawwija u ċari, mibnija fuq l-imħabba u l-verità u aġġornat fit-tagħlim tal-Knisja Kattolika.  Kien katekist fil-Museum u kelliem ta’ konferenzi spiritwali, f’diversi nħawi f’Malta u Għawdex.  Kien ukoll iżur spiss il-morda fl-isptarijiet.

Ċentru Ġdid
Nistgħu ngħidu li sal-aħħar tas-snin sittin, is-Superjur kien diġà ra l-ħtieġa ta’ lokal akbar.  Fittex, staqsa u anke offrewlu xi biċċa art, iżda kif qal hu wara, “It-Trinita Qaddisa trid iċ-Ċentru l-Marsa.”  Hekk seħħ, għax nhar it-18 ta’ Marzu 1982, iċ-Ċentru Ewkaristiku nfetaħ u tbierek uffiċjalment mill-E.T. Mons. Ġ. Mercieca, Arċisqof ta’ Malta.  Hawn ġo dan iċ-ċentru s-Superjur beda jagħmel il-konferenzi għall-irġiel, nisa, żgħażagħ u Għarajjes ta’ Ġesù. B’hekk hu ġabar in-nies li kienu jiltaqgħu kull xahar għal-laqgħat f’ċerti żoni barra l-Marsa; bħal dawk ta’ Ta’ Xbiex, tal-Ħerba f’Birkirkara li qabel kienu jattendu ġo dar privata u tar-Rabat u l-Imdina.  Mis-sena 1983, l-attivitajiet li jsiru llum bħal quddiesa u adorazzjoni, kibru gradwalment għax dawn bdew bi tliet darbiet fil-ġimgħa.  U llum -il ġurnata diversi pellegrinaġġi jiġu organizzati fiċ-Ċentru, barra għaqdiet u movimenti li jiġu minn żmien għal żmien, jagħmlu sigħat ta’ talb jew jingħaqdu magħna fit-talb.

Ulied Marija Ewkaristika
Is-Superjur Ġorġ fl-1986, kien imnebbaħ biex iwaqqaf komunità ta’ xebbiet interni bħala adoraturi, magħrufa bħala “Ulied Marija Ewkaristika.”  Filwaqt li joffru l-ħajja tagħhom b’imħabba lejn Ġesù Ewkaristija, jagħtu servizz fiċ-‘Ċentru Ewkaristiku,’ fil-Marsa.  Jingħad ukoll li ‘Dar Marija Ewkaristika’ f’Ħaż-Żebbuġ, fejn jgħammru ‘Ulied Marija Ewkaristika,’ twaqqfet fuq ix-xewqa tal-Verġni Mbierka, li tagħha hu kien tant devot.  Din id-dar hi estensjoni taċ-Ċentru Ewkaristiku tal-Marsa.

Bniedem Kbir
B’sagrifiċċji personali kbar għal saħħtu u b’fidi qawwija f’Ġesù Ewkaristija, fil-Madonna u San Ġużepp, wassal bosta erwieħ biex jikbru fl-imħabba Ewkaristika.  Jingħad li xi drabi kien vittma u sofra vjolenza fiżika għax ‘seraq lura erwieħ lil Satana.’  Bosta tbenġil u grif fuq il-persuna tiegħu kienu jixhdu dan.  Għalhekk matul ħajtu sofra ħafna mard u persekuzzjonijiet.  Bit-talb tiegħu seħħew fejqan straordinarji, konverżjonijiet, familji sabu l-paċi u l-għaqda, u bl-interventi tiegħu, ġew salvati ħafna vokazzjonijiet saċerdotali.  Hu dejjem wettaq ħidma fejjieda pastorali u bi tbissima u kellu kelma ta’ konsolazzjoni għal kull min resaq lejh, għal kull għajnuna.  Fost dawn insibu persuni fl-ogħla skala tas-soċjetà Maltija; politiċi, reliġjużi, anke barranin fosthom Isqfijiet u professjonisti oħra.

Is-Superjur Ġorġ ħadem bla heda u billi ħafna drabi kellu jilqa’ u jitħabat kontra l-kurrent u l-għedewwa tar-ruħ u s-sigħat twal biex jipprepara l-konferenzi, jipprietka u jgħallem, jagħti pariri, dawn komplew għafsu fuq il-fiżiku dgħajjef tiegħu u spiss kellu jżur l-isptar u jagħmel xi jiem għall-osservazzjoni.

Fost l-aħħar inizjattivi li ħa l-Fundatur u li għadhom għal qalb il-Maltin huma l-adorazzjonijiet fuq l-istazzjon Radju Marija, ir-radju tal-familja Nisranija Maltija.  Dawn bdew f’Ottubru tal-1998 u sal-lum għadhom imfittxija mis-semmiegħa ta’ dan l-istazzjon.

L-Aħħar Jiem
Fl-aħħar xhur ta’ ħajtu spiss kien itenni jew aħjar bi kliem prudenti kien iħabbar li t-tmiem tiegħu kien qed joqrob.  Hekk ġara.  Is-Superjur Ġorġ Grima, fundatur tal-Fergħa Ewkaristika u tal-Komunita’ Ulied Marija Ewkaristika, miet ħesrem fiċ-Ċentru Ewkaristiku l-Marsa nhar l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar, 7 ta’ Mejju 1999 għall-ħabta tat-3 p.m.  Miet fix-xahar iddedikat lill-Madonna li fiċ-Ċentru għandha titular bħala Marija Ewkaristika li l-festa tagħha tiġi ċċelebrata fit-13 ta’ Mejju.  Dakinhar sar il-funeral tiegħu b’quddiesa kkonċelebrata minn kważi sebgħin saċerdot, midħla tal-Fergħa Ewkaristika, fil-Parroċċa Ssma Trinità l-Marsa.

Ħsibijiet Ewkaristiċi li ħarġu minn fomm is-Superjur:

  • Kemm hu ħelu Ġesù jinsab f’dik l-Ostja ċkejkna. Nixtieq nipperswadikom li temmnu li jinsab f’kull ostja Ġesù. Hemm bżonn nemmnu bis-serjetà.  Hija grazzja għalina midinbin li nistgħu nirċievu ‘l Ġesù. (05/05/98)
  • Ersqu rċievu ‘l Ġesù Ewkaristija mhux bid-dnub il-mejjet, imbagħad tgħidu “Inqerru wara.” Għax dieħla sewwa Malta.  Din ħażin. (02/05/98)
  • Għeżież ħuti, ħobbu u fittxu ‘l Ġesù Ewkaristija. Kienet x’kienet il-ħajja tagħkom, għaddejtu minn x’hiex għaddejtu.  Ejjew u adurawh.  Għeżież ħuti, fittxuh anke toqgħodu bilqiegħda quddiemu.  Tibża’ xejn ma jimpurtax. (04/07/98)
  • Tħallux id-dimonju jifxilkom fuq affarijiet oħra, jistgħu ikunu tajbin ukoll. Imma fejn toqgħod l-adorazzjoni u Ġesù Ewkaristija tħallu xejn, għax propju d-dinja bħalissa trid twarrab dan il-misterju kbir, kif qed jippruvaw iwarrbu ‘l Madonna. (05/12/98)
  • Ġesù qiegħed wara separju, mhux daqshekk ‘il bogħod minna. Qiegħed wara dik il-bieba tat-tabernaklu, eżatt kif jinsab fil-Ġenna, fl-isbuħija tiegħu.  Għidulu ‘l Ġesù meta tkunu quddiemu fil-mard, fid-dwejjaq tagħkom, jekk trid inti, inti taf x’inhu tajjeb għalina, tista’ tfejjaqni minn dat-tentazzjonijiet, minn dan l-inkwiet li għandi madwari.  Tista’ jekk trid, imma inti taf; f’idejk. (03/11/98)

Links about Is-Superjur Ġorġ Grima:

  1. https://www.facebook.com/groups/378357882271416/
  2. https://timesofmalta.com/articles/view/church-group-founder-has-remains-exhumed-reburied.583554
  3. http://thechurchinmalta.org/mt/posts/51792/50-sena-anniversarju-mit-twaqqif-tal-fergha-ewkaristika

Filmat Speċjali fl-Okkażjoni tal-25 Sena Anniversarju mill-Mewt tal-Fundatur is-Superjur George Grima:

Nota: It-Tagħrif dwar Is-Superjur Ġorġ Grima huwa meħud mis-sit uffiċjali tal-Fergħa Ewkaristika.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started