23 ta’ Jannar: Santa Marija Cope

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Cope

“F’kull marid, Madre Marija kienet tara l-wiċċ ta’ Kristu batut.” – ll-Kardinal Martins fuq Santa Marija Cope waqt il-beatifikazzjoni tagħha.

DGFDSANTA MARIJA COPE
Reliġjuża
1838 – 1918

Tagħrif: Twieldet f’Hessen Darmstadt, il-Ġermanja, fit-23 ta’ Jannar 1838, bint Barbara u Pietru Cope. Semmewha Barbara. Sentejn wara li twieldet il-familja emigrat għall-Istati Uniti u ssetiljaw fi New York.

Meta saret daqsxejn ta’ tfajla, Barbara bdiet taħdem f’fabbrika u damet sa Awwissu tal-1862, fejn imbagħad ingħaqdet mas-sorijiet tat-terz’ordni ta’ San Franġisk ta’ Sirakuża, ġewwa New York stess. F’Novembru tas-sena ta’ wara hija pprofessat u marret tgħallem fl-iskola parrokkjali tal-Assunzjoni.

Suor Marija kienet superjura tal-kongregazzjoni diversi drabi, u darbtejn majjistra tan-novizzi. Għal tliet darbiet kienet tmexxi l-isptar ta’ San Ġużepp f’Sirakuża, fejn tgħallmet ħafna, u kellha ssibu utli ħafna aktar ’il quddiem.

Fl-1877, hija kienet eletta provinċjal kif ukoll fl-1881. Sentejn wara, il-gvern tal-Hawaj talab biex xi reliġjużi mill-Istati Uniti u l-Kanada jmorru jmexxu berġa biex tilqa’ nies suspettati bil-marda tal-ġdiem. Il-kongregazzjoni tas-sorijiet ta’ Sirakuża mal-ewwel aċċettat. Għalhekk fit-22 ta’ Ottubru 1883, Madre Marija, u sitt sorijiet oħra telqu lejn il-Hawaj, fejn ħadu ħsieb klinika ftit ’il barra minn Honolulu. Fuq il-gżira ta’ Maui, huma fetħu wkoll sptar u skola tal-bniet.

Fl-1988, Madre Marija, flimkien ma’ 2 sorijiet marru l-Malokai, fejn fetħu dar għal nisa u tfajliet abbandunati. Għenet ukoll biex titmexxa dar tal-irġiel u l-ġuvintur, li kienet ġa teżisti. Din il-Madre kienet strument biex tbiddel l-istil ta’ ħajja tal-poplu tal-Malokai, billi introduċiet l-iġene u li jħarsu lejn il-kolonja tagħhom bħala l-għeżeż ħaġa li għandhom.

Hija baqgħet taħdem b’ħerqa kbira ġo Malokai u nibtu ħafna vokazzjonijiet mill-post. “F’kull marid, Madre Marija kienet tara l-wiċċ ta’ Kristu batut.” Hekk intqal mill-Kardinal Martins waqt il-beatifikazzjoni tagħha.

Hija mietet fid-9 ta’ Awwissu tal-1918. Ġiet ibbeatifikata fl-14 ta’ Mejju, 2005 u kkanonizzata 7 snin wara.

Ħsieb: Dan li ġej hu parti mid-diskors li l-Kardinal José Saraiva Martins qal dwar Santa Marija Cope f’jum il-beatifikazzjoni tagħha:

“Il-ħajja tal-Beata Marija Cope hija ħidma mill-isbaħ tal-grazzja divina. Hija wriet is-sbuħija tal-ħajja Franġiskana. Il-laqgħa ta’ Madre Marija ma’ dawk li kienu jsofru mill-lebbra seħħet meta marret fuq il-vjaġġ tagħha lejn Kristu. Għal 20 sena kienet membru tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tat-Tielet Ordni ta’ San Franġisku ta’ Sirakuża fi New York. Hi kienet diġà mara ta’ esperjenza vasta u kienet spiritwalment matura. Imma f’daqqa waħda Alla sejħilha għal ħajja aktar radikali, għal servizz missjunarju iktar diffiċli.

Il-Beata Marija, li kienet is-Superjura Provinċjali ta’ dak iż-żmien, semgħet il-vuċi ta’ Kristu fl-istedina tal-Isqof ta’ Honolulu. Huwa kien qiegħed ifittex sorijiet biex jgħinu lil dawk li jsofru mil-lebbra fuq il-gżira ta’ Molokai. Bħal Iżaija, hi ma qagħditx titratieni milli twieġeb: “Hawn jiena. Ibgħat lili!” (Iżaija 6: 8). Hi telqet kollox u abbandunat ruħha kompletament fir-rieda ta’ Alla, għas-sejħa tal-Knisja u għall-ħtieġa ta’ dawn l-aħwa ġodda. Hija qegħdet saħħitha u ħajjitha f’riskju.

Għal 35 sena għexet bis-sħiħ, il-kmand li tħobb lil Alla u lill-proxxmu u volontarjament ħadmet ma’ Damjan de Veuster (ara Damjan de Veuster), li kien fl-aħħar tal-apostolat straordinarju tiegħu. Kienet tħobb lil-lebbrużi aktar milli kienet tħobb lilha nnifisha stess. Hija serviethom, edukathom u ggwidathom bl-għerf, bl-imħabba u b’saħħitha kollha. Rat fihom il-wiċċ ta’ Kristu batut.

Bħas-Samaritan it-Tajjeb, hija saret ommhom. Il-qawwa tagħha kienet tinsab fil-fidi li kellha fl-Ewkaristija, fid-devozzjoni tagħha lejn il-Verġni Marija, u fit-talb. Hija ma fittxitx l-unuri jew l-approvazzjoni ta’ din id-dinja. Kitbet hekk: ‘Ma nistenniex xi post għoli fis-sema. Inkun grata ħafna li kieku jkolli kantuniera żgħira minn fejn inkun nista’ nħobb lil Alla għall-eternità.’

Imma għaliex in-Nisrani huwa msejjaħ biex iservi lil kulħadd bla ebda diskriminazzjoni? Qrib it-tmiem ta’ ħajtu fuq din l-art, Ġesù talab lid-dixxipli tiegħu (jiġifieri lilna lkoll) biex iħobbu lil xulxin. Hu għalhekk li aħna msejħa biex inservu lil xulxin bil-qalb u bi mħabba kbira. Fl-istess waqt, mill-Vanġeli, naraw li Ġesù qatt ma talab lill-oħrajn biex iservuh. Kien Hu li serva lill-oħrajn biex jagħtina eżempju:

  • qeda billi fejjaq lill-morda,
  • ta widen lil dawk li kienu fil-bżonn,
  • u ħa ħsieb ta’ dawk li kienu l-emarġinati mis-soċjetà, fosthom in-nies morda bil-ġdiem.

Mela aħna u nservu lill-ħutna, ejjew nagħmlu din il-mistoqsija lilna nfusna: “Jiena qed nagħmel dan is-servizz bħala reazzjoni għall-eżempju umli ta’ Ġesù u skont il-mandat tiegħu tal-imħabba?” 

L-eżempju ta’ Santa Marija Cope:

  • l-ottimiżmu tagħha li qatt ma ġie nieqes,
  • is-serenità,
  • l-għożża u l-kura tagħha lejn dawk fil-bżonn u
  • l-abbiltajiet konsiderevoli l-oħra,

taw qawwa lil ħutha s-sorijiet. Flimkien, permezz tad-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji tagħhom, dawn is-Sorijiet Franġiskani taw servizz notevoli lill-umanità fil-gżejjer ta’ Ħawaj. U aħna? U jien? U int?

Talba: O Mulej, Santa Marija Cope ġabet fid-dinja l-frott u s-sinjali tal-Ispirtu s-Santu li nsibu f’Galatin 5:22-23 “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan,” u tkellmet il-lingwa tal-verità u l-imħabba, li waħedha hija kapaċi tneħħi l-ostakli tal-kultura u tar-razza, u tibni l-unità tal-familja umana. Agħtina, nitolbuk din l-istess attitudni li kellha ħa nservu lil kulħadd bla distinzjoni. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.nps.gov/kala/learn/historyculture/marianne.htm

Alternative Reading: https://www.smp.org/resourcecenter/resource/7785/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Marianne_Cope

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20050514_molokai_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started