3 ta’ Awwissu: Santa Lidja

Verżjoni Vidjo: Santa Lidja

“Lidja qagħdet tismagħna, u l-Mulej fetħilha qalbha biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu. Wara li tgħammdet, hi u l-familja tagħha, talbitna u qaltilna: ‘Jekk jidhrilkom li jiena nemmen fil-Mulej, ejjew oqogħdu d-dar tiegħi.’ U ġagħlitna noqogħdu għandha.” – Atti 16:14-15.

Saint_LydiaSANTA LIDJA
L-Ewwel seklu

Tagħrif: Din il-qaddisa tissemma fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli (Kapitlu 16, v. 14-15).

Kienet minn Tijatira, post fil-provinċja Rumana tal-Asja, imsemmi ħafna għaż-żebgħa tad-drapp bil-porpra (lewn aħmar). Kienet tgħix fil-belt ta’ Filippi tinnegozja f’dan id-drapp meta San Pawl wasal l-ewwel darba f’din il-belt għall-ħabta tas-sena 55.

L-Atti jgħidulna li Lidja “kienet tqim lil Alla,” espressjoni li tfisser konvertita għar-reliġjon Lhudija. Darba, f’jum is-Sibt, San Pawl mar jipprietka f’dar fejn kienu jiltaqgħu jitolbu. “Lidja kienet tisma’, il-Mulej fetħilha moħħha biex tixrob kulma kien jgħid Pawlu. U tgħammdet hi u darha.”

Hekk kienet l-ewwel mara li saret nisranija fl-Ewropa. Jidher li Lidja kienet mara għanja, u għalhekk talbet, anzi insistiet biex Pawlu u sħabu Silas u Luqa jidħlu joqogħdu għandha tul il-waqfa tagħhom f’Filippi.

F’Filippi, lil Pawlu u lil Silas, wara li ċarrtulhom ilbieshom u sawtuhom bil-bsaten, tefgħuhom il-ħabs, mnejn ġew meħlusin minħabba li kienu ċittadini Rumani, bil-patt li jitilqu minn hemm.

Qabel telaq minn Filippi, Pawlu mar mill-ġdid għand Lidja jsellem lill-insara tal-post u jħeġġiġhom iżommu sħiħ fil-fidi (Atti 16:11).

Barra minn dan it-tagħrif li nsibu fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli dwar Santa Lidja, ma nafu xejn aktar fuqha. Hi patruna ta’ dawk li jiżbgħu d-drappijiet.

Ħsieb: Santa Lidja kellha l-kuraġġ mhux biss li tikkonverti imma li tagħti xhieda tal-fidi ġdida tagħha b’mod pubbliku. L-imġiba u ż-żelu tagħha juruna b’liema konvinzjoni kienet ħadnet it-tagħlim li wasslulha l-appostli dwar Kristu. U aħna llum? Nuru fidi soda, żelu u entużjażmu b’mod li bih nistgħu inkunu ta’ xhieda għal dawk ta’ madwarna?

Fl-Ittra Appostolika “Motu Proprio Data” Porta Fidei tal-Papa Benedittu XVI, insibu dan:

“Mhux ta’ b’xejn li fl-ewwel sekli l-insara kienu mistennija li jitgħallmu l-Kredu bl-amment. Dan kien iservihom bħala talba ta’ kuljum biex ma jinsewx l-impenn li ħadu fil-Magħmudija. Santu Wistin ifakkarna f’dan bi kliem mimli tifsir meta f’Omelija fuq ir-redditio symboli, dwar it-talba tal-Kredu jgħid: ‘Is-simbolu tal-misteru qaddis li rċevejtu lkoll flimkien u li llum kull wieħed minnkom stqarr, hu kliem li fuqu hi mibnija l-fidi ta’ Ommna l-Knisja fuq il-pedament sod li hu Kristu l-Mulej… Intom irċevejtuh u lqajtuh, imma tridu żżommuh dejjem f’moħħkom u f’qalbkom, tridu ttennuh f’sodditkom, taħsbu fuqu fil-pjazez u ma tinsewhx intom u tieklu: u anki meta l-ġisem ikun rieqed, tridu tishru fih b’qalbkom.’

Issa nixtieq nuri triq li tista’ tgħinna nifhmu b’aktar profondità mhux biss x’fiha l-fidi tagħna, imma wkoll dak l-att li bih niddeċiedu li nafdaw ruħna bi sħiħ f’Alla, b’libertà sħiħa. Infatti teżisti għaqda qawwija bejn l-att li bih temmen u l-kontenut li naqblu fuqu. L-appostlu Pawlu jħallina nidħlu ’l ġewwa f’din ir-realtà meta jikteb: ‘Wieħed jemmen … f’qalbu… u jistqarr b’xufftejh’ (Rumani 10:10). Il-qalb turi li l-ewwel att li bih naslu għall-fidi hu don t’Alla u azzjoni tal-grazzja li taħdem u tibdel il-bniedem mill-qiegħ.

L-eżempju ta’ Lidja jgħidilna ħafna dwar dan. San Luqa jirrakkonta li meta Pawlu mar Filippi, f’jum tas-Sibt ħabbar l-Evanġelju lil xi nisa; fosthom kien hemm Lidja u ‘l-Mulej fetħilha qalbha biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu’ (Atti 16, 14). Din l-espressjoni hi importanti ħafna. San Luqa qed jgħallem li mhux biżżejjed inkunu nafu l-kuntenut ta’ dak li rridu nemmnu, imma li qalbna – fejn jinsabu l-affarijiet l-aktar għeżież għalina – trid tkun miftuħa għall-grazzja biex inkunu nistgħu nidħlu fil-fond u nifhmu li dak li tħabbar lilna hu Kelma t’Alla.

Min-naħa l-oħra, l-istqarrija bil-fomm turi li l-fidi titlob xhieda u impenn fil-pubbliku. In-nisrani qatt ma għandu jaħseb li t-twemmin hu xi ħaġa privata. Il-fidi hi deċiżjoni li noqogħdu mal-Mulej biex ngħixu miegħU. U li ‘noqogħdu miegħU’ hu mezz biex nifhmu dawk ir-raġunijiet li bihom nemmnu. Il-fidi, propju għax hi att tal-libertà tagħna, titlob ukoll responsabbiltà soċjali dwar dak li wieħed jemmen fih. Fil-jum ta’ Pentekoste l-Knisja turi biċ-ċar din id-dimensjoni pubblika ta’ meta wieħed jemmen u jħabbar bla ebda biża’ l-fidi tiegħu lill-bnedmin kollha. Hi don tal-Ispirtu s-Santu li biha nkunu nistgħu naqdu l-missjoni tagħna u b’hekk tissaħħaħ ix-xhieda tagħna, li ssir waħda libera u kuraġġuża”.

Talba: O Mulej, Int tajt lil Santa Lidja qalb miftuħa għall-Kelma tiegħeK li salvat lilha u lil dawk li bħalha, ħallewk tidħol fil-ħajja tagħhom, agħti lilna wkoll il-grazzja li nibqgħu ngħixu b’entużjażmu u b’impenn il-fidi li nħaddmu hekk li nipprattikawha wkoll fil-pubbliku bla mistħija ta’ xejn, filwaqt li nżommu f’moħħna li meta Inti ssallabt bi mħabba għalina, dan għamiltu fil-pubbliku, minkejja l-umiljazzjonijiet kbar li dan fisser għalik. Ammen.

English Version: http://asinnersguidetothesaints.blogspot.com/2010/07/st-lydia-purpuraria-1st-century.html

Alternative Reading: http://www.fixinghereyes.org/single-post/2017/11/29/Lydia-of-Thyatira-The-foreign-woman-who-became-the-foundation-member-of-the-Philippian-Church

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Lydia_of_Thyatira

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started