Pietru Pawl Saydon

Verżjoni Vidjo: Pietru Pawl Saydon

PPSaydonPIETRU PAWL SAYDON
Traduttur tal-Kotba Mqaddsa
1895 – 1971

Tagħrif: L-isem tal-Monsinjur Pietru Pawl Saydon jibqa’ għal dejjem marbut mat-traduzzjoni tal-Kotba Mqaddsa fil-Malti u mal-ilsna semitiċi.

It-traduzzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa mill-ilsna oriġinali kienet biċċa xogħol li ħadd qablu ma kien daħal għaliha u swietlu tletin sena sħaħ ta’ ħidma u dedikazzjoni. Kien ħa ħsieb ukoll jidħol għall-ispiża kollha tal-pubblikazzjoni.

Saydon twieled fl-24 ta’ Lulju tal-1895 fiż-Żurrieq. Tgħallem fl-iskola primarja tar-raħal u s-Seminarju. Wara l-eżamijiet tal-Matrikola, daħal l-Università biex jistudja għal qassis u ggradwa fil-Letteratura, fil-Liġi Kanonika u fit-Teoloġija. Ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Settembru tal-1919 fl-età ta’ 24 sena u mar Ruma fl-Istituto Biblico biex jispeċjalizza fl-Istudji Bibbliċi minn fejn kiseb il-Liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa.

Fl-1931, meta Saydon kien għad kellu biss 36 sena, inħatar Professur tal-Iskrittura Mqaddsa, tal-Lhudi u l-Grieg Bibbliku fl-Università tagħna, u baqa’ f’din il-kariga għal 33 sena. Kienu snin ta’ ħidma u riċerka bla waqfien u ħa sehem f’kungressi internazzjonali fl-Ewropa, fosthom Ruma (1932); Brussell (1938); Pariġi (1948); Ruma u Norfolk (1952); Copenhagen (1953); Cambridge u Louvain (1954); Birmingham (1955); Strasbourg (1956); Munich (1957); Brussell (1958); Louvain u Oxford (1959); Dublin (1961).

Nistgħu ngħidu li kien bis-saħħa tal-Istudji Bibbliċi u tal-istudju tal-ilsien Lhudi li Saydon beda jinteressa ruħu fl-ilsien Malti. Kien attiv ħafna fl-Għaqda tal-Malti (Università) u mexxieha għal għaxar snin u ħa ħsieb joħroġ il-Leħen il-Malti.

Fl-1946, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Piju XII għażlu bħala Cameriere Secreto bit-titolu ta’ Monsinjur u fl-1951 l-Arċisqof Mikiel Gonzi offrielu kanonikat tal-Katidral, iżda Saydon għażel il-ħajja tal-istudju minflok dik tal-unuri. Fit-12 ta’ Novembru 1966, l-Università Rjali ta’ Malta tagħtu l-grad ta’ Duttur tal-Letteratura (Hon. Causa) bħala għarfien tax-xogħlijiet kbar tiegħu.

Saydon kien qrib ħafna tal-bdiewa ta’ Bengħajsa fil-kappella ċkejkna tal-Kunċizzjoni u dejjem ta l-kontribut pastorali tiegħu fil-parroċċa taż-Żurrieq fejn miet fit-22 ta’ Marzu tal-1971 fl-għomor ta’ 76 sena.

Links about Pietru Pawl Saydon:  

  1. https://mt.wikipedia.org/wiki/Pietru_Pawl_Saydon
  2. https://akkademjatalmalti.org/bijografiji/pietru-pawl-saydon/
  3. https://malti.skola.edu.mt/wp-content/uploads/2015/01/Pietru-Pawl-Saydon.pdf
  4. https://maltikurja.files.wordpress.com/2013/10/pietru-pawl-saydon1.pdf
  5. http://maltinimportanti.blogspot.com/2013/01/pietru-pawl-saydon.html
  6. https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/33840

Kif għandna ninterpretaw il-Bibbja?

Kif titlob bil-Bibbja?

Nota: It-Tagħrif dwar Monsinjur Pietru Pawl Saydon huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

Design a site like this with WordPress.com
Get started