16 ta’ Ottubru: Santa Margerita Marija Alacoque

Verżjoni Vidjo: Santa Margerita Marija Alacoque 

“Ara din il-Qalb li tant ħabbet il-bnedmin u li hi maħbuba ftit minnhom. Jien inwiegħed li niftaħ qalbi u nxerred l-imħabba abbundanti fuq dawk kollha li jonorawha jew iqimuha.” – Kelmiet Ġesù nnifsu lil Santa Margerita Marija Alacoque.

NW-866_1_12x16__48935__44399__87874__43020.1500645678

SANTA MARGERITA MARIJA ALACOQUE
Verġni
1647 – 1690

Tagħrif: Santa Margerita Marija twieldet fid-Djoċesi ta’ Autun, Franza, fl-1647. Meta kellha tmien snin tilfet lil missierha.

Kien għad għandha ħdax-il sena meta bdiet issofri ħafna bir-rewmatiżmu, u meta tnejn minn ħutha bdew jitrattaw ħażin lilha u lil ommha, hi bdiet issib ħafna faraġ f’Ġesù Sagrament.

Minn kmieni wriet devozzjoni speċjali lejn Ġesù Ewkaristija. Irrifjutat proposti għaż-żwieġ, u fl-1671, meta kellha 24 sena, daħlet soru tal-Viżitazzjoni f’Paray-le-Monial, u għamlet avvanzi tal-għaġeb fit-triq tal-perfezzjoni. Hija talbet lill-majjistra tan-novizzi tgħidilha x’kellha tagħmel biex timmedita. Il-majjistra weġbitha biex tpoġġi lilha nnifisha quddiem Alla bħala tila vojta.

Sa minn mindu kellha 20 sena Margerita esperjenzat dehriet ta’ Kristu, u fis-27 ta’ Diċembru 1673, kellha bidu għal serje ta’ rivelazzjonijiet li kellhom ikomplu għas-sena u nofs ta’ wara. Fihom, il-Mulej urieha mħabbtu lejn id-dinja. F’dawn ir-rivelazzjonijiet Kristu għarrafha li hu kien għażilha bħala strument biex ixxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa tiegħu; għarrafha wkoll b’devozzjoni ġdida fil-Knisja li kellha tkun magħrufa bħala tad-Disa’ Ġimgħat u wkoll l-Ora Santa. Talabha wkoll li fil-Knisja titwaqqaf il-festa tal-Qalb Imqaddsa tiegħu fil-jum tal-Ġimgħa li jiġi fuq l-Ottava ta’ Corpus Christi.

Is-superjura tagħha, Madre de Saumaise, ħaditha kontra tagħha fl-isforzi tagħha biex timxi fuq l-istruzzjonijiet li hija kienet irċeviet fir-rivelazzjonijiet. Imma mbagħad aċċettat. Anki fost sħabha, ħafna ma setgħux iniżżluha li kellha dehriet ta’ Kristu. Margerita sabet appoġġ kbir fil-persuna ta’ San Klawdju la Colombière, SJ (ara San Klawdju la Colombière, SJ) li għal xi żmien kien il-konfessur tal-komunità.

Bil-għajnuna ta’ San Klawdju de la Colombiere SJ li ddikjara li r-rivelazzjonijiet kienu ġenwini, Santa Margerita Marija bdiet dawn id-devozzjoni u bl-isforzi tagħha ġiet imwaqqfa l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù.

L-oppożizzjoni fil-komunità waqfet meta fl-1683 ġiet eletta superjura l-Madre Mélin li għażlet lil Margerita bħala l-assistenta tagħha. Hi mbagħad saret majjistra tan-novizzi.

Hi rat ukoll, fl-1686 – erba’ snin qabel mietet – il-kunvent jibda josserva privatament il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù; u sentejn wara nbniet kappella f’Paray-le-Monial iddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù. Malajr l-osservanza tal-festa bdiet tixtered fil-kunventi l-oħra tas-Sorijiet Viżitandini.

Margerita Alacoque mietet ta’ 43 sena f’Paray-le-Monial fis-17 ta’ Ottubru 1690, u ġiet ikkanonizzata fl-1920 mill-Papa Benedittu XV. Ġisimha jinsab taħt l-artal tal-Kappella tal-kunvent ta’ Paray. Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù ġiet uffiċjalment rikonoxxuta 75 sena wara mewtha fl-1765 minn Klement XIII.

ĦsiebGħandna d-drawwa sabiħa li x-xahar ta’ Ġunju nqisuh bħala xahar iddedikat lill-Qalb ta’ Ġesù. Diversi parroċċi jorganizzaw mumenti ta’ talb u adorazzjonijiet u ħafna minna nieħdu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Imma xi jfisser li tkun devot lejn il-Qalb ta’ Ġesù? Min fejn u meta beda dan il-kult lejn il-Qalb ta’ Ġesù?

Sa minn żmien San Bernard u l-iskola ta’ spiritwalità taċ-Ċisterċensi naraw żvilupp tal-kult lejn l-umanità ta’ Kristu. Dan kien bejn is-sekli ħdax u tnax. Din il-qima tinbena fuq il-kliem ta’ San Ġwann f’Kap 19 vers 37 li jaqra “Huma għad iħarsu lejn min nifdu.” Fl-1765, il-Knisja bdiet tiċċelebra l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù u, għalhekk, din il-qima saret aktar popolari. Id-devozzjonijiet ewlenin, partikularment l-adorazzjoni riparatriċi, is-Siegħa Qaddisa (ora santa), u l-ewwel Ġimgħa tax-xahar bdew f’dan iż-żmien.

Fl-1928, il-Papa Piju XI fl-Enċiklika Miserentissimus Redemptor (Ir-Redentur l-aktar Ħanin) afferma l-pożizzjoni tal-Knisja dwar dan il-kult bl-esperjenzi mistiċi ta’ San Ġwann Eudes (1601-1680) u Santa Margerita Marija Alacoque (1647-1690). Aktar tard, fl-1956, il-Papa Piju XII fl-ittra Enċiklika tiegħu Haurietis Aquas tana d-duttrina uffiċċjali tal-Knisja dwar il-qima lejn il-Qalb ta’ Ġesù.

Santa Margerita Marija Alacoque hi meqjusa bħala l-persunaġġ l-aktar importanti fl-istorja riċenti tal-qima lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Kellha diversi esperjenzi mistiċi u rivelazzjonijiet. M’hemm xejn x’jindika li din is-soru kellha għarfien ta’ din id-devozzjoni qabel ma kellha dawn l-esperjenzi. Hija ġiet iddikjarata beata fl-1864 mill-Papa Piju IX u qaddisa fl-1920 mill-Papa Benedittu XV. Bla dubju dawn iż-żewġ mumenti fl-istorja tal-Knisja ħallew effett fuq Madre Margarita De Brincat (1862-1952) – fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Fil-ħafna esperjenzi li Santa Margerita Marija Alacoque kellha, Ġesù għamel tnax–il wegħda lil dawk li huma tassew devoti tal-Qalb Imqaddsa tiegħu:

  1. Jiena nagħtihom il-grazzji kollha li jkollhom bżonn fil-ħajja tagħhom.
  2. Jiena nġibilhom il-paċi fid-dar tagħhom.
  3. Jiena nfarraġhom fid-dwejjaq kollha tagħhom.
  4. Jiena nkun ir-refuġju tagħhom waqt il-ħajja, u fuq kollox waqt il-mewt.
  5. Jiena nxerred barka kbira fuq kulma jagħmlu.
  6. Il-midinbin isibu f’qalbi ħniena bla tarf.
  7. Erwieħ berdin jitħeġġu bl-imħabba.
  8. Erwieħ devoti jitilgħu fi qdusija akbar.
  9. Jiena nbierek id-dar fejn ix-xbieha tal-Qalb Tiegħi hija esposta u meqjuma.
  10. Jiena nagħti l-grazzja lill-qassisin li jikkonvertu l-qlub iebsin tal-midinbin kbar.
  11. Min ixerred din id-devozzjoni jkollu ismu miktub f’Qalbi u minn hemm ma jitħassar qatt.
  12. Lil dawk kollha illi jitqarbnu fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar għal disa’ darbiet wara xulxin, jien, nagħtihom il-grazzja tal-indiema waqt il-mewt, li ma jmutux imbegħdin minni, li jirċievu s-sagramenti, u fil-mewt qalbi tkun il-port tas-salvazzjoni tagħhom.

Kieku din l-aħħar wegħda hekk kbira ma ħarġitx minn fomm l-Iben t’Alla konna naqtgħu qalbna, għax hi ħaġa kbira li b’disa’ tqarbiniet, wieħed bħal ikollu jedd għall-ġenna. Imma l-Papa Benedittu xandarha hu wkoll u għamel qaddisa lil Santa Margerita Marija Alacoque. Nemmen li ħafna adulti jippratikaw din id-devozzjoni, pero mhux biżżejjed, jeħtieġ li ngħallmu lil uliedna ukoll biex jipprattikaw din id-devozzjoni u nkunu devoti lejn l-Ewkaristija u l-grazzji li Ġesù għoġbu jagħtina għax għandu mħabba kbira lejna.

It-teoloġi jgħidu li wieħed jista’ jemmen, jew ma jemminx ir-rivelazzjonijiet privati. Bix-xjenza ma nistgħux nippruvawhom. Imma nistgħu niddubitaw il-messaġġ ta’ din il-Qaddisa li Alla jħobbna bi mħabba tal-ġenn? L-imħabba titħallas bl-imħabba. Hekk qed inħallsuh aħna lil Alla? Jew bl-ingratitudni li qed jagħmlu ħafna, kif ilmenta Ġesù mal-Qaddisa?

Imma kif tkun devot tal-Qalb ta’ Ġesù? Ir-risposta sempliċi hi li tħobb kif iħobb Ġesù u dan nistgħu inkunu nafuh mill-Vanġelu. Din it-talba, ispirata minn Fr Pedro Arrupe SJ, li kien Superjur Ġenerali tal-Ġiżwiti; għandha tagħtik dawl ġdid dwar kif ħabb Ġesù; kemm kien uman fl-imħabba Divina tiegħu:

“Agħmel Mulej li nħoss bl-istess sentimenti ta’ Qalbek. Għallimni kif kont iġġib ruħek mad-dixxipli tiegħek, l-aktar dawk viċin tiegħek, bħal Pietru u Ġuda… kif ħsiltilhom saqajhom! Fakkarni kif ġibt ruħek mal-midinbin, mat-tfal, mal-Fariżej, ma’ Pilatu u ma’ Erodi. Għallimni nagħder lil min qed ibati, lill-foqra, lill-għomja, lill-magħtubin, lill-lebbrużi. Urini kif kont taqsam man-nies dak li kien l-aktar għal qalbek… meta ħariġlek id-dmugħ jew meta ħassejtek imnikket u mdejjaq. Int ma żammejtx lura milli twissi lil min ma kienx jimxi sew iżda t-tjubija tiegħek kienet tiġbed il-follol.

Tassew li kont iebes miegħek innifsek meta għext imċaħħad minn ħafna ħwejjeġ u ħdimt bla waqfien, iżda mal-oħrajn kont kollok tjubija u ħerqan biex taqdihom. Qalbek kienet tistrieħ fl-intimità ma’ Missierek fit-talb… ta’ spiss tul il-lejl kollu. Biddilt il-ħajja ta’ dawk li ltaqgħu miegħek. Kif jista’ xi ħadd jinsa l-impatt li kellek fuq Marija Maddalena jew fuq il-ħalliel it-tajjeb waqt li kont imdendel fuq is-salib, bla ma ħaqqek. Ġesù iġbidni lejn Qalbek, minfuda bi mħabba għall-bnedmin…għalija. Fil-pjagi tiegħek aħbini sabiex imġedded mill-Ispirtu Tiegħek, inkun xhud tal-Imħabba Tiegħek f’dak kollu li jinqala’ f’ħajti.”

Ngħidu li meta tkun taf persuna tibda tħobbha aktar, u aktar ma tħobbha tkun trid issir taf iktar dwarha. Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù tistedinna biex insiru nafuh u nħobbuh aktar, biex wara inxandruh mal-oħrajn.

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista kollox, ħares lejn il-Qalb tal-maħbub Iben tiegħek u lejn it-tifħir u t-tpattija li jagħtik f’isem il-midinbin, u lilhom, waqt li jitolbu l-ħniena tiegħek, agħtihom il-maħfra fl-isem tal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF  jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-margaret-mary-alacoque.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-margaret-mary-alacoque/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Margaret_Mary_Alacoque

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-ħsieb huwa meħud minn artiklu ta’ Joseph u Melissa Anne D’Emanuele.

One thought on “16 ta’ Ottubru: Santa Margerita Marija Alacoque”

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started