27 ta’ Ġunju: San Ċirillu ta’ Lixandra

Verżjoni Vidjo: San Ċirillu ta’ Lixandra

“Jista’ xi bniedem jgħanni t-tifħir li jixraq lid-dinjità ta’ Marija, li hija ‘l fuq minn kull tifħir? Hija Omm u Verġni fl-istess ħin, ħaġa tassew tal-għaġeb!” – San Ċirillu ta’ Lixandra.

st-cyril-of-alexandria-4.jpg

SAN ĊIRILLU TA’ LIXANDRA
Isqof u Duttur tal-Knisja
370 – 444

Tagħrif: San Ċirillu twieled Lixandra, l-Eġittu, fis-sena 370. Għall-ewwel mar jgħix bħala eremita, imbagħad ordna saċerdot u mar ma’ zijuh, Teofilu, li kien il-Patrijarka ta’ Lixandra. Meta fis-sena 412 il-Patrijarka miet, Ċirillu laħaq floku.

Għall-bidu, Ċirillu kien awtoritarju u aħrax, u beda jagħlaq il-knejjes tal-eretiċi Novazjani, u kellu ħafna konfronti mal-Lhud tal-belt. Iżda wara ftit snin inbidel u beda juri l-kwalitajiet kbar tiegħu speċjalment fid-difiża tal-misteru tal-Inkarnazzjoni.

Fis-sena 428, Nestorju, Isqof ta’ Kostantinopli, ħareġ bl-ereżija li Ġesù kellu żewġ persuni, waħda umana u l-oħra divina, u għalhekk ċaħad li l-Madonna hi Omm Alla. Ċirillu ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jgħallem bil-kelma tal-pinna u tal-fomm kontra din l-ereżija. Anke appella lill-Papa San Ċelestinu I.

Fis-sena 431, Ċirillu, bħala r-rappreżentant tal-Papa, mexxa u ppresieda t-Tielet Konċilju ta’ Efesu li għalih kienu attendew aktar minn mitejn isqof, u li fih Nestorju kien ġie kkundannat u skomunikat u eventwalment eżiljat fid-deżert tal-Eġittu.

Kiteb ħafna fuq it-Teoloġija u fuq l-Ispiritwalità biex b’għaqal kbir ifisser u jiddefendi l-fidi Nisranija, speċjalment fuq il-Madonna li hi Omm Alla; fuq l-unjoni taż-żewġ naturi, divina u umana ta’ Kristu, u li l-Persuna Divina sofriet fin-natura umana. It-tagħlim tiegħu għen il-Knisja għal sekli sħaħ wara mewtu.

Hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, bħalma Santu Wistin hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru tal-Grazzja.

Miet fis-27 ta’ Ġunju tas-sena 444. San Ċirillu ta’ Lixandra kien iddikjarat duttur tal-knisja mill-Papa Ljun XIII fl-1882.

Ħsieb: Il-qaddisin ma twildux bir-raġġiera ma’ rashom, u kien hemm żmien fil-ħajja ta’ dan il-qaddis li juri li kien ta’ karattru impulsiv, u kultant ukoll vjolenti. San Ċirillu ta’ Lixandra jibqa’ l-aktar magħruf bħala d-difensur qawwi tat-titlu tal-Madonna Theotokos, jiġifieri “Omm Alla.” Waslulna ħafna kitbiet importanti ta’ dan l-isqof għaref Lixandrin.

Fis-Sena 431, fit-Tielet Konċilju ta’ Efesu, taħt il-Presidenza ta’ San Ċirillu ta’ Lixandra, ġiet imfissra l-unità personali ta’ Kristu, Alla u Bniedem, u Marija ġiet idikkjarata Omm Alla (Theotokos) kontra dak li kien ixandar Nestorju, Isqof ta’ Kostantinopli. Fl-istess Konċilju ġiet imġedda l-kundanna ta’ Pelagius.

Din li ġejja hija kitba ta’ San Ċirillu, isqof ta’ Lixandra, bit-titlu ‘Jekk ma mmutx, id-Difensur ma jiġix għandkom: ‘

“Il-Mulej kien temm kull ma kellu jagħmel fid-dinja, iżda kien jeħtieġ li aħna jkollna sehem min natura tiegħu ta’ Alla, jiġifieri li aħna nintrefgħu mill-ħajja naturali tagħna u ninbidlu għalkollox biex ngħixu ħajja tassew ġdida u ta’ tjieba: dan seta’ jsir biss bl-għoti tal-Ispirtu s-Santu.

L-aħjar żmien għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu u għat-tiswib tiegħu fina kien iż-żmien li fih is-Salvatur tagħna Ġesù Kristu kellu jħalli d-dinja.

Sakemm Kristu kien jgħix fost il-fidili tiegħu b’ġisem bħal tagħna, hu – naħseb jien – kien jidher fosthom bħala dak li jqassmilhom kull ġid; iżda meta wasal iż-żmien li fih kellu jerġa’ lura għand il-Missier kien jeħtieġ li b’xi mod jibqa’ qrib dawk li kienu jqimuh. Dan seħħ permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jgħammar fi qlubna bil-fidi, biex hekk inkunu nistgħu ngħidu: “Abba! Missier!”, u bil-ħeffa kollha nkunu nistgħu nagħmlu kull xorta ta’ għemil tajjeb. Barra minn dan, aħna nidhru ukoll qawwija u mhux mirbuħa mit-theddid tax-xitan u mit-tiġrib tal-bnedmin, għax fina hemm l-Ispirtu s-Santu, li jista’ kollox.

Kulħadd jista’ jara malajr mill-Kotba Mqaddsa tal-Patt il-qadim u tal-Patt il-ġdid kif l-Ispirtu s-Santu jbiddel għalkollox ‘il dawk li fihom jinżel jgħammar ħa jagħtihom ħajja ġdida.

Samwel il-qaddis, meta kellem lil Sawl, qallu: Jissawwab fuqek l-Ispirtu tal-Mulej u int issir bniedem ieħor. U San Pawl jgħidilna: Aħna lkoll li, b’wiċċna mikxuf, nirriflettu l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej li hu Spirtu.

Tara kif l-Ispirtu jbiddel f’sura oħra ‘l dawk li fihom jgħammar? Malajr ibiddel ix-xewqa għall-ħwejjeġ tad-dinja f’kontemplazzjoni tal-ħwejjeġ tas-sema, u minn nies beżżiegħa u bla ħila jagħmel nies kollhom qlubija u ħeġġa u qawwa. Bla dubju ta’ xejn dan narawh iseħħ fid-dixxipli tal-Mulej: tant twettqu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li qatt ma setgħu jintrebħu mill-qilla ta’ dawk li ppersegwitawhom, imma bil-qawwa kollha baqgħu sħaħ fl-imħabba ta’ Kristu.

Minnu għalhekk dak li qal is-Salvatur: Jeħtieġ nerġa’ lura lejn is-sema. Kien wasal iż-żmien tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu”.

Talba: Is-sliem għalik, O Marija, Omm Alla, teżor għani tad-dinja, dawl li ma jintefa qatt, kuruna tax-xbubija, xettru tas-sewwa, tempju li ma jistax jaqa’, dar fejn jgħammar dak li mkien ma jista’ jesgħu, Omm u Verġni, li minnek hu Dak li ġej Imbierek f’isem il-Mulej. (San Ċirillu)

O Alla, aħna nemmnu li l-Verġni mqaddsa Marija hija Omm Alla, kif b’qawwa kbira għallem l-isqof San Ċirillu; agħmel li niksbu s-salvazzjoni ta’ dejjem bis-saħħa tal-inkarnazzjoni ta’ Kristu Ibnek, li hu Alla. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-cyril-of-alexandria-516

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-cyril-of-alexandria/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Cyril_of_Alexandria

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started