Qaddej ta’ Alla Mons. Ġużeppi De Piro

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla Mons. Ġużeppi De Piro

29553797_1478943005MONS. ĠUŻEPPI DE PIRO
Fundatur
1877 – 1933

Tagħrif:

F’Żgħoritu u Żgħożitu
Ġużeppi De Piro twieled fl-Imdina, fit-2 ta’ Novembru, 1877. Missieru, Alessandro u ommu Ursola Agius, kienu t-tnejn ta’ nisel nobbli. Kien is-seba’ tifel fost disa’ aħwa. Wara li rċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu fid-dar tal-familja, hu għadda għall-Liċeo tal-Belt, għall-formazzjoni sekondarja. Fl-aħħar klassi għamel l-eżami tal-Matrikola. Daħal l-Università fejn għamel tliet snin jistudja l-Arti u x-Xjenza. Mat-tmiem ta’ dan il-kors, fl-1897, hu beda l-istudji li kellhom iwassluh biex jilħaq avukat.

Ta’ min jgħid, iżda, li f’dawn is-snin Ġużeppi ma kienx jistudja biss. Sa llum is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl għad għandha diversi pitturi li hu kien għamel fi tfulitu u f’żgħożitu. Mhux darba u tnejn li De Piro ħa sehem f’kompetizzjonijiet anke nazzjonali, u rebaħ xi premijiet. Waqt li kien l-Università Ġużeppi għamel anke żmien suldat fil-Milizia Maltija.

Minn Student tal-Liġi għal Seminarista… u mbagħad Saċerdot
Il-kors ta’ avukat ma spiċċahx. Dan mhux għax ma kienx kapaċi imma għax Alla kien ħejja triq oħra għalih. Fil-fatt waqt li fit-8 ta’ Mejju 1898, Ġużeppi kien qiegħed ma’ sħabu fil-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt, jagħmel is-Supplika tal-Madonna ta’ Pompei, huwa ra biċ-ċar li Alla riedu saċerdot. Għax kien imrobbi fit-talb u fid-direzzjoni spiritwali, iż-żagħżugħ malajr qal iva lil Alla. Dik is-sena stess, 1898, Ġużeppi mar Ruma u hemm beda l-istudji tal-Filosofija u t-Teoloġija. Kellu joqgħod fil-Kulleġġ Capranica u l-korsijiet jagħmilhom fl-Università Gregoriana.

Il-pjanijiet tas-seminarista Ġużeppi kienu kbar. Kien jixtieq li jagħmel għaxar snin jistudja Ruma. Imma ġara mod ieħor. Tant inħakem mill-mard, li kellu jitlob lill-Arċisqof ta’ Malta, Pietru Pace, biex jagħtih il-possibilità li jordna wara biss kważi erba’ snin li kien ilu li ħalla Malta. Il-permess ingħata u Ġużeppi ġie ordnat f’Ruma fil-15 ta’ Marzu, 1902. Huwa għamel l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-Katidral tal-Imdina, f’Marzu tal-istess sena.

Sehmu fil-Knisja Maltija u Għawdxija
Wara li rritorna Ruma biex itemm it-tielet sena tat-Teoloġija, Dun Ġużepp mar l-Isvizzera biex jieħu saħħtu. Hemmhekk dam sal-1904. Huwa rritorna Malta u beda jaħdem bħala saċerdot fil-Parroċċa tal-Qrendi. Kien sejjer tajjeb ħafna u kien qiegħed jagħmel ħafna ġid. Il-Qrendin kollha kienu jħobbuh ferm. Imma l-ħidma tiegħu hawn ma kellhiex ittul ħafna għax fl-1907 l-Arċisqof Pace għażel lil De Piro bħala direttur tal-Istitut Fra Diegu, fil-Ħamrun.

Fra Diegu ma kienx l-uniku Istitut jew orfanatrofju f’idejn De Piro. Hu kellu jieħu f’idejh ħamsa oħra: l-Istitut ta’ San Ġużepp, f’Santa Venera; dak ta’ Ġesù Nazzarenu, fiż-Żejtun; Dar għaċ-ċkejknin, f’Santa Venera; San Franġisk ta’ Paola, f’B’Kara; u San Ġużepp, f’Għajnsielem Għawdex.

Fl-istess żmien Dun Ġużepp De Piro ġie maħtur Monsinjur u Dekan tal-Katidral tal-Imdina. Bejn l-1916 u l-1918 l-Arċisqof Mawru Caruana għażlu bħala segretarju tiegħu. Fis-sentejn ta’ wara hu ġie mqiegħed Rettur tas-Seminarju Maġġuri, fl-Imdina.

Ċittadin li ħabb verament lil Pajjiżu
Imma s-servizz li ta De Piro ma kienx fil-Knisja biss. Huwa kien ukoll ċittadin li ta sehem sħiħ għall-binja ta’ pajjiżna. Fil-fatt bejn l-1918 u l-1921 huwa għamel parti mill-Assemblea Nazzjonali li kellha tieħu ħsieb it-tfassil tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. F’dan l-istess żmien, jew aħjar fis-7, 8 u 9 ta’ Ġunju 1919, De Piro ħabrek biex tinkiseb il-paċi bejn il-Maltin u l-Gvern Ingliż. Mill-1932, sakemm miet (fl-1933), Dun De Piro kien ukoll senatur fit-Tielet Parlament Malti.

Fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl
Imma din ma kenitx il-ħajja kollha ta’ Dun De Piro. Il-kontribut ewlieni li ta lid-dinja dan il-Malti kienet is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Kien ilu jaħseb fiha sa minn meta kien seminarista f’Ruma. Iżda hemmhekk ma seta’ jagħmel xejn; kellu l-istudji li kienu jimpeduh. Lanqas ma seta’ jagħmel xejn fis-snin li kien l-Isvizzera. Huwa stess jikteb, “Qalb is-silġ tal-Alpi, daqshekk ‘il bogħod mill-pajjiż fejn ħsibt li npoġġi l-proġetti tiegħi fil-konkret ma kien baqagħli xejn għajr it-talb – l-aqwa kumpanija tiegħi – u tlabt, tlabt, tlabt.”

Meta rritorna Malta fl-1904 ittanta jagħmel xi ħaġa billi avviċina xi saċerdoti u qalilhom bix-xewqa li jwaqqaf Soċjetà. Imma lilu ħadd ma fehmu. Kellha tiġi s-sena 1910 biex seta’ jibda xi ħaġa. Fil-fatt fit-30 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena, f’dar ċkejkna qrib ħafna tal-Katidral tal-Imdina, u viċin tal-palazz fejn hu nnifsu kien twieled, Ġużeppi laqa’ l-ewwel żewġ żgħażagħ li kellhom jagħmlu parti mis-Soċjetà tiegħu. Il-vokazzjonijiet baqgħu jiżdiedu u minħabba f’hekk De Piro kellu jfittex dar oħra, dejjem fl-Imdina. Għadda anke għat-tielet dar, sakemm f’Ġunju, tal-1933 il-membri tas-Soċjetà tiegħu marru biex iżanżnu d-Dar Ċentrali tagħhom, dik ta’ Sant’Agata, fir-Rabat.

Is-Soċjetà ta’ San Pawl, kif semmieha De Piro, kompliet tikber u tinfirex f’diversi djar oħra f’Malta, f’Għawdex, u anke barra minn pajjiżna. Fil-fatt, wara li De Piro innifsu fl-1927, kien bagħat l-ewwel missjunarju tiegħu fl-Etjopja, fl-1948 marru l-ewwel membri fl-Awstralja. Fil-Kanada marru fl-1959. Fl-1968 inbdiet il-missjoni tal-Perù. Fil-USA waslu fl-1973. Il-missjoni tal-Pakistan kellha l-bidu tagħha fl-1981. Fl-1998 il-Curia Ġeneralizia marret Ruma. L-aħħar kien fil-Filippini, fl-1999.

Links about Mons Ġużeppi De Piro:   

  1. https://en.wikipedia.org/wiki/Joseph_De_Piro
  2. http://www.wikiwand.com/mt/%C4%A0u%C5%BCeppi_De_Piro
  3. https://laikosblog.org/2019/11/02/mons-guzeppi-de-piro/
  4. https://timesofmalta.com/articles/view/giuseppe-de-piros-spirituality-in-focus.927589
  5. https://web.paulistmissionaries.org/our-founder/
  6. https://oratorjumssp.org/portfolio/about-mssp-community/
  7. https://www.facebook.com/missionarysocietyofstpaul/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddej ta’ Alla Mons Ġużeppi De Piro meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

Design a site like this with WordPress.com
Get started