20 ta’ Frar: San Franġisku u Santa Ġjaċinta Marto

Verżjoni Vidjo: San Franġisku u Santa Ġjaċinta Marto

“U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx.” – Apokalissi 12:1

ChildrensofFatima_(croped)SAN FRANĠISKU (1908-1919)
u
SANTA ĠJAĊINTA MARTO (1910-1920)

Tagħrif: Franġisku u Ġjaċinta Marto kienu żewġ aħwa rgħajja li l-Madonna dehritilhom diversi drabi f’Fatima u tathom messaġġ ta’ penitenza u talb għall-konverżjoni tal-midinbin.

Iż-żewġ aħwa twieldu f’Aljustrel, fil-Portugal, Franġisku fil-11 ta’ Ġunju 1908 u Ġjaċinta fil-11 ta’ Marzu 1910. Huma raw l-ewwel darba lill-Madonna fit-13 ta’ Mejju 1917, meta huma kienu qed jirgħu in-nagħaġ ma’ kuġinthom Lucia dos Santos.

Il-Verġni Marija b’kollox dehritilhom sitt darbiet, bl-aħħar dehra sseħħ fit-13 ta’ Ottubru, 1917. Il-Madonna qalet lil Franġisku u ’l oħtu Ġjaċinta li hi ma kinitx se ddum ma tibgħat għalihom biex ikunu magħha l-ġenna, waqt li Luċija kellha tibqa’ ħajja, titgħallem taqra u tikteb għax riditha xxerred mad-dinja d-devozzjoni lejn il-qalb immakulata tagħha.

F’waħda mid-dehriet il-Madonna wriet lit-tfal dehra tal-infern fejn imorru mitlufin għal dejjem il-midinbin li jmutu bla ma jikkonvertu. Hi talbet lit-tfal jagħmlu talb u sagrifiċċji għall-midinbin. Franġisku, u speċjalment Ġjaċinta, ħadu dan il-messaġġ bl-ikbar serjetà u impenn, u għamlu sagrifiċċji mhux żgħar għall-konverżjoni tal-midinbin. Meta wieħed jikkonsidra l-età żgħira tagħhom ikollok tgħid li bilfors kellhom qawwa speċjali biex jaslu li jbatu tant u b’rassenjazzjoni perfetta t-tbatijiet kbar li ġarrbu.

Franġisku miet fl-4 ta’ April 1919 fid-dar tal-familja; għex b’kollox 10 snin u xahrejn. Ġjaċinta mietet f’Lisbona, fl-20 ta’ Frar 1920, xahar qabel għalqet l-10 snin.

Il-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto nbeda fl-1952. Ġew iddikjarati beati flimkien waqt żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Fatima fit-13 ta’ Mejju, 2000. Il-Papa Franġisku ddikjarhom qaddisin f’Fatima, il-Portugal, fit-13 ta’ Mejju, 2017 (fl-ewwel ċentinarju mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima). Huma l-iżgħar fost il-qaddisin mhux martri, u huma eżempju ħaj ta’ mħabba u tbatija għall-Insara kollha.

Ħsieb: Mill-omelija tal-Kanonizzazzjoni tal-Beati Franġisku u Ġjaċinta Marto tal-Papa Franġisku:

“Sinjura wisq sabiħa,” ikkummentaw bejniethom it-tfal li kellhom id-dehra ta’ Fatima, fi triqthom lura d-dar, f’dak il-jum imbierek tat-13 ta’ Mejju ta’ mitt sena ilu. U filgħaxija, Ġjaċinta ma rnexxilhiex tissaporti aktar u tarrfet bis-sigriet lil ommha: “Illum rajt lill-Madonna.” Huma kienu raw lil Ommna tas-Sema. Fuq l-istess post li straħu għajnejhom, waqfu l-għajnejn ta’ ħafna, imma… dawn ma rawhiex. L-Omm Verġni ma ġietx hawn biex aħna narawha: għal dan sa jkollna l-eternità kollha, jekk immorru l-Ġenna.

Inġbarna hawn biex irroddu ħajr tal-għadd bla qies ta’ barkiet li qlajna mis-Sema matul dawn il-mitt sena, li għaddew minn taħt il-mant tad-Dawl li l-Madonna, ibda minn dan il-Portugall għani bit-tama, xerrdet mal-erbat irjieħ tad-dinja. Bħala eżempji, għandna quddiem għajnejna lil San Franġisku u Ġjaċinta, li l-Verġni Marija daħħlet fil-baħar bla tarf tad-Dawl ta’ Alla billi wasslithom biex jadurawh. Minn hawn ġiet il-qawwa tagħhom li jegħlbu l-kuntrarju u t-tbatijiet. Il-preżenza divina saret kostanti fil-ħajja tagħhom, kif jidher ċar fit-talba insistenti għall-midinbin u fix-xewqa kontinwa li jibqgħu quddiem “Ġesù Moħbi” fit-Tabernaklu.

Ma stajtx ma niġix hawn biex inqim lill-Omm Verġni u nafdalha lil uliedha. Taħt il-mant tagħha ma jintilfux; minn dirgħajha jiġu t-tama u l-paċi li tant għandhom bżonn u li jien nitlob għal ħuti kollha fil-Magħmudija u fl-umanità, b’mod partikulari għall-morda u l-persuni b’diżabbiltà, il-ħabsin u l-qiegħda, il-foqra u l-imwarrbin.”

San Ġwanni Pawlu II kien għażel bħala motto tal-Papat tiegħu il-kliem “Totus Tuus,” kollni kemm jien tiegħek. Dan il-kliem kien indirizzat lejn Marija Santissima. Dan kien il-Papa li nħeles mill-mewt vjolenti sewwasew skont il-messaġġ tal-Madonna ta’ Fatima.

Bla dubju ta’ xejn, il-beatifikazzjoni u issa anke l-kanonizzazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto huma sinjali ta’ Knisja li tagħraf kemm Alla għadu jibgħat qaddisin fid-dinja minkejja kollox, minkejja l-ħafna ħażin li hawn fil-globu. Tajjeb ngħidu li l-viżjunarji ta’ Fatima huma l-iżgħar persuni li kienu kkanonizzati li m’humiex martri.

Is-sejħa għall-qdusija hija sejħa għal kulħadd, hu ta’ liema età hu, ta’ liema pajjiż hu, għax il-Mulej miet għal kulħadd. Int li qed taqra, int ukoll imsejjaħ/imsejħa biex issir qaddis/a u b’hekk tagħmel ħafna ġid, ġid għalik innifsek u għall-oħrajn. Qed tirsisti biex titqaddes?

Talba: O San Franġisku u Santa Ġjaċinta Marto, tfal għaqlin, u issa qaddisin ċkejknin, itolbu għalina midinbin, biex ma nispiċċawx fl-infern mal-ħatjin imma niksbu l-glorja tas-sema mal-henjin. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/jacinta-and-francisco-marto.html

Alternative Reading: https://denvercatholic.org/francisco-jacinta-marto-great-saints-changed-history/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francisco_and_Jacinta_Marto

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started